01 ta' April 2007 • Nr 22

Arkivji




 

 

 

01 ta' April 2007
Iċ-Ċaqnu u l-‘Magħtab’ tal-Qrendi

Julia Farrugia

Għal dawn l-aħħar xhur residenti mill-Qrendi setgħu jsegwu dik li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed tieħu xejra ta’ ‘Magħtab’ oħra.
Dik li suppost kellha tkun barriera li fiha jitwaddab skart tal-kostruzzjoni issa ilha żmien twil li mtliet. Minkejja dan, għexieren ta’ trakkijiet biswit il-barriera qed iħottu kuljum kwantitajiet kbar ta’ terrapien u ġebel. Minħabba f’hekk it-terrapien ifforma għolja kbira li tidher sew mill-inħawi tal-madwar.
Ir-ritratti f’din il-paġna jikkonfermaw l-istat tal-barriera fil-Qrendi li tinsab fiż-żona magħrufa bħala “Ta’ Mudurbu”.
Il-barriera, proprjetà ta’ l-imprenditur Charles Polidano, iċ-Ċaqnu, intagħżlet mill-Awtoritajiet fosthom mill-WasteServe biex fiha jintefa’ skart li ġej mill-industrija tal-bini fosthom terrapien u ġebel.
Sorsi qrib l-Awtoritajiet ikkonfermaw li waħda mis-soluzzjonijiet li tista’ tinstab għall-barriera taċ-Ċaqnu hi li jsir tħaffir ieħor f’parti oħra tal-barriera biex fih jintefa’ l-iskart akkumulat u titneħħa l-‘muntanja’ li ttellgħet s’issa.
Sakemm dħalna għall-Istampa l-Awtorità għall-Ambjent u l-Ippjanar, il-MEPA, kienet għadha ma weġbitx mistoqsijiet mibgħuta minn din il-gazzetta aktar minn ġimgħa u nofs ilu dwar x’jistipula l-kuntratt mal-kumpanija ta’ Polidano u x’għandu jsir ladarba l-barriera tkun mtliet.
Sakemm barriera bħal din tkun miftuħa tkompli tiġġenera eluf kbar ta’ liri. Biex kuntratturi jarmu terrapien fil-barrieri jħallsu medja ta’ Lm1.45 għal kull tunellata skart li jintefa’. It-trakk jintiżen qabel jibda jarmi, jerġa’ jintiżen wara li jbattal u minn hawn tinħadem il-figura ta’ l-ammont ta’ terrapien li jkun intrema. Imkejjen viċin l-industrija jsostnu li ġieli ħallsu mat-Lm30 għal kull vjaġġ li jarmu.
Min jarmi t-terrapien jinħariġlu kont mill-WasteServ. Minn dawn il-flus jitħallsu s-sidien tal-barrieri.
jfarrugia@mediatoday.com.mt

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt