01 ta' April 2007
Dalwaqt l-ewwel kaptana mara għall-Air Malta
Julia Farrugia
Fi ftit tal-jiem oħra l-linja Nazzjonali Air Malta se taħtar l-ewwel pilota mara tagħha.
Kelliem għall-Air Malta ikkonferma ma’ Illum li din il-kariga se tingħata fil-15 ta’ dan ix-xahar. Dakinhar se jinħatru żewġ kaptani li waħda minnhom se tkun mara.
Il-ħsieb ta’ l-Air Malta hu li fil-futur qarib ikollha żewġ kaptana nisa bit-tieni ħatra ippjanata għax-xhur li ġejjin.
Bħalissa l-linja nazzjonali, li twaqqfet fl-1973, timpjega 76 kaptan. Il-pjani huma li dawn il-piloti jiżdiedu għal 90.
L-applikazzjonijiet mill-pubbliku għal dawk interessati li jidħlu f’din it-tip ta’ karriera ma’ l-Air Malta għalqu nhar it-Tnejn. Il-kumpanija b’kollox qed tfittex li tingaġġa 12-il pilota. Ma’ dawn se jingħaqdu tmien piloti, nofshom li ntagħżlu wara sejħa nterna u erbgħa oħra b’liċenzja minn barra l-kumpanija.
Sakemm jitħarrġu l-piloti l-ġodda, l-kumpanija se tingaġġa 15-il pilota li diġà għandhom il-liċenzja tat-tip A320. Dawn ikunu jaħdmu fuq kuntratt definit għal perjodu partikolari ta’ żmien biss sakemm jintemm it-taħriġ tal-piloti b’kuntratt indefinit.
Kull pilota ngaġġat ma’ l-Air Malta jintrabat li jibqa’ jaħdem magħha sa mill-inqas 10 snin. Min jikser din il-kundizzjoni li ilha teżisti sa mit-twaqqif tal-kumpanija jkollu jrodd lura l-flus dovuti għat-taħriġ, esperjenza u l-użu ta’ l-assi biex laħaq pilota. L-ispiża biex kumpanija tħarreġ persuna f’din il-linja titla’ viċin l-Lm20,000. F’każ li pilota jirriżenja mix-xogħol tiegħu qabel jgħaddu l-10 snin ikollu jħallas din is-somma li tinħadem f’Lm2,000 għal kull sena minn dawn l-10 snin.
Kien bħal-lum 33 sena meta l-Air Malta operat l-ewwel titjira tagħha.
L-1 ta’ April ta’ l-1974 tibqa’ mfakkra għat-titjira KM 108 lejn Ruma. L-Air Malta kienet nidiet ukoll numru ta’ titjiriet oħra lejn, Londra, Birmingham, Pariġi, Frankfurt u Tripli. Fl-ewwel sena tagħha l-Air Malta ġarret 160,000 passiġġier.
Illum l-Air Malta ttir lejn kważi 50 destinazzjoni differenti li jvarjaw mill-Ewropa għall-Afrika u l-Lvant tal-Mediterran.
jfarrugia@mediatoday.com.mt
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt