“Ħafna minn dak li naqraw u naraw dwar l-ambjent hu negattiv immens. Il-wirja jisimha First Steps - Conserving Our Environment (L-ewwel passi – Nikkonservaw l-ambjent tagħna) bl-għan li turi passi li mexxew ’il quddiem l-ambjent. Nemmen li n-nies daqt jaslu f’punt li jixbgħu jisimgħu b’kampanji negattivi. Naħseb li b’inkuraġġiment pożittiv iktar hemm ċans li jaħdmu favur l-ambjent,” qal Beppe Zammit-Lucia.
Zammit-Lucia hu artist fotografu Malti li jgħix fir-Renju Unit u fl-Amerka. Hu jemmen li waħda mill-ikbar sfidi ta’ dan is-seklu hi t-tmexxija tajba ta’ l-ambjent waqt li jkompli jsir żvilupp siewi bla waqfien kif ukoll jingħeleb il-faqar. Hu għadu kif tella’ wirja bit-tema ta’ konservazzjoni ta’ l-ambjent fil-Kwartieri Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) bis-saħħa tal-Permanent Mission of Malta to the United Nations in New York u l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, li għall-ftuħ tagħha attendew ma’ 300 ruħ.
Il-wirja, li għalih kienet opportunità ideali biex iwassal il-messaġġ pożittiv tiegħu minħabba l-għadd ta’ nies li jżuru l-bini, ġiet kritikata bħala ‘a significant contribution to world thought and world peace’ u ‘ a visual policy paper’ għall-mod sottili ta’ kif ħadem l-artist biex esprima l-ħsibijiet tiegħu dwar l-ambjent.
Staqsejtu x’jaħseb dwar il-fatt li f’Malta l-Gvern għadu jaqbeż għall-kaċċa minflok iwaqqafha u li s-sajf li għadda l-istess Gvern kompla żied il-permessi biex iktar artijiet jinbnew.
Beppe, għalkemm ilu ftit ma joqgħod f’Malta, jaħseb li fis-Seklu 21 diffiċli tiġġustifika l-bżonn tal-kaċċa u l-qirda ta’ l-ambjent għall-gost tal-ftit. Iġib l-eżempju tar-Renju Unit - kif il-Gvern waqqaf il-kaċċa tal-volpi bil-klieb għax ma kinitx aktar kompatibbli mas-soċjetà ċivili li sirna ngħixu fiha.
Fil-każ ta’ l-iżvilupp tal-bini jaf li l-Maltin iridu jtejbu l-kwalità ta’ ħajjithom billi jgħixu fil-kumdità, li hu għan leġittimu, iżda anki li jgawdu l-kampanja hu. Isaqsi mistoqsijiet bħal kif wieħed jista’ jirranġa djar antiki biex ikunu aktar moderni, attreanti u ta’ valur filwaqt li jżomm it-tradizzjoni jew kif żviluppi moderni jistgħu jkunu disinjati b’tali mod li ma jistonawx ma’ dawk tradizzjonali mingħajr ma jimitaw l-antik biss.
“Faċli taqa’ fin-nassa li temmen l-antik hu tajjeb u għandu jiġi salvat u l-ġdid hu ħażin u għandu jiġi evitat sakemm ma jixbahx l-antik. Malta ma tistax tinbidel f’mużew. Hemm bżonn li tiżviluppa bħall-bqija tal-pajjiżi fid-dinja. Il-kwistjoni hi kif se ssib stil u metodu ta’ żvilupp li jkun effettiv u ta’ kwalità,” kompla jgħid l-artist. Eżatt wara ġab eżempju b’Pariġi l-‘Qadima’, kif parti mill-bini inħatt biex jagħmel spazju għal toroq wiesa’ bis-siġar u l-arkitettura grandjuża kif nafuha llum.
“Ċert li ħafna mill-wirt storiku u arkitettura antika ntilfet fil-proċess imma r-riżultat hu li Pariġi hi waħda mill-isbaħ ibliet illum. Il-problema mhix l-iżvilupp imma meta l-iżvilupp ikun medjokri li la jgħolli l-livell tal-ħajja u lanqas iżomm kwalità estetika għolja,” sostna l-artist.
Il-fotografu hu interessat ukoll jaħdem bl-arti tiegħu biex jikkomunika aħjar u jikkonvinċi lin-nies bil-kelma t-tajba. “Il-qasam tiegħi hu fil-wirt storiku u l-ambjent imma l-arti kapaċi tmexxi l-affarijiet f’ħafna setturi differenti. Per eżempju, in-NU għandha proġett għaddej bħalissa biex tara kif l-arti tista’ tgħin fir-relazzjonijiet internazzjonali. Nixtieq nara aktar artisti tal-lum jerġgħu jibdew it-tradizzjoni li jużaw is-sengħa tagħhom biex iqajmu dibattitu pubbliku aktar milli joħolqu arti purament għal gost viżiv tas-sinjur,” sostna Zammit-Lucia.
fpulis@mediatoday.com.mt
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt