01 ta' April 2007 • Nr 22

Arkivji




 

 

 

01 ta' April 2007
Tmiem il-kariga ta’ Joe Falzon

Il-laqgħa ta’ l-eżekuttiv Laburista għada mistennija tiddeċiedi fuq l-assistent ta’ Jason Micallef

Karl Stagno-Navarra

Laqgħa ta’ l-Eżekuttiv tal-Partit Laburista li se ssir għada filgħaxija mistennija tara lis-Segretarju Ġenerali Jason Micallef itemm il-kariga ta’ Joe Falzon bħala l-assistent tiegħu.
Jason Micallef qatt ma ħafer lil Joe Falzon għall-umiljazzjoni li tah quddiem l-Eżekuttiv kollu ftit tax-xhur ilu qabel il-Konferenza Ġenerali meta Falzon qajjem il-punt li għalkemm ma kienx qed ikun ikkontestat fil-kariga, Jason Micallef kien qed jikser l-Istatut tal-Partit għaliex kien fil-kariga mingħajr ma kellu t-tessera mħallsa għal tliet snin konsekuttivi.
Filwaqt li minn dakinhar ’l hawn Jason Micallef u Joe Falzon baqgħu b’tikketta għal xulxin il-laqgħa ta’ għada ta’ l-Eżekuttiv Laburista qed titqies bħala “kruċjali ħafna” għall-ġejjieni ta’ Joe Falzon.
Dik ta’ għada hi l-ewwel laqgħa ta’ l-eżekuttiv Laburista minn mindu nħatru l-eżekuttiv u l-amministrazzjoni l-ġodda fil-Konferenza Ġenerali fi Frar li għadda. Skond l-istatut, is-Segretarju Ġenerali, is-Segretarju Internazzjonali u s-Segretarju Edukattiv għandhom iressqu n-nomini għall-assistenti tagħhom.
Filwaqt li Jason Micallef hu rappurtat li qed iżomm in-nomini tiegħu sigrieti qabel ma jressaqhom għall-konsiderazzjoni ta’ l-Eżekuttiv, imkejjen infurmati sew fi ħdan l-MLP spjegaw lil din il-gazzetta li hu kważi ċert li isem Joe Falzon mhux se jkun imġedded fis-segreterija ta’ Micallef.
Jason Micallef hu mistenni jinnomina żewġ assistenti: wieħed li jkun speċifikament marbut ma’ l-uffiċċju tiegħu u ieħor biex ikun il-koordinatur tiegħu mal-Kunsilli Lokali.
Wieħed mill-ismijiet li qed jissemma bħala assistent ta’ Micallef hu Nettu Farrugia miż-Żurrieq.
Ikkuntattjat il-bieraħ, Joe Falzon sostna biss li “l-Eżekuttiv għadu ma ltaqax u se jkun hu li jiddeċiedi x’se jressaq Jason.” Falzon ma xtaqx jikkummenta aktar.
Sakemm morna għall-istampa ma rnexxilniex nikkuntatjaw lil Jason Micallef biex jagħti l-verżjoni tiegħu.

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt