01 ta' April 2007
Il-Malta Enterprise bdiet tinvestiga
Julia Farrugia
Il-Malta Enterprise, il-ġimgħa li għaddiet ordnat lid-Diretturi tal-laboratorju Synergene biex jipprovdu l-lista ta’ l-assi, lista ta’ l-obbligi, lista tal-kredituri u tal-kontijiet tal-kumpaniji kollha tal-Grupp.
Din l-iżvolta seħħet il-Ħamis 22 ta’ Marzu f’laqgħa li saret bejn uffiċjali tal-Malta Enterprise u d-Diretturi ta’ Synergene, laboratorju fi Triq l-Aħwa Zammit f’Ħal Qormi.
Kienet din il-gazzetta li fit-18 ta’ Marzu li għadda kixfet kif għalaq laboratorju li kellu jkun state of the art fil-Mediterran, u numru ta’ ħaddiema u klijenti għadhom sal-lum jistennew li jitħallsu lura eluf ta’ liri dovuti lilhom.
F’dak li qed jitqies bħala misteru li għal dawn l-aħħar xhur dawwar lil dan il-laboratorju, jidher li jista’ jkun hemm xaqq ta’ dawl għal min ilu jistenna li jieħu lura ammonti kbar ta’ flus.
Fost l-intriċċi f’din l-istorja hemm fattur ewlieni: il-Malta Enterprise investiet Lm50,000 fil-laboratorju u hi azzjonista ewlenija f’dan il-proġett. Iżda minkejja dan id-Diretturi għażlu li jinfurmaw lill-Malta Enterprise li “l-operat tal-kumpanija hu sospiż” b’ittra li ntbagħtet fis-17 ta’ Frar 2007, xhur wara li l-laboratorju għalaq u wara li din il-gazzetta kienet diġà bdiet l-investigazzjonijiet tagħha.
Aktar minn ġimagħtejn ilu Illum staqsiet lill-Malta Enterprise għadd ta’ mistoqsijiet fosthom jekk bħala azzjonist ewlieni qatt ġietx mgħarrfa li l-kumpanija Synergene għandha problemi finanzjarji ta’ eluf ta’ liri kemm ma’ eks ħaddiema kif ukoll ma’ klijenti.
Il-Malta Enterprise ammettiet li “qatt ma rċeviet tagħrif dwar il-problemi finanzjarji tal-kumpanija Synergene la mill-eks ħaddiema u lanqas mill-klijenti tal-laboratorju.”
Jidher li din l-istorja qed toħloq pressjoni fuq il-Malta Enterprise tant li l-avukati tagħha qed jiggwidawha dwar x’azzjoni għandha tittieħed.
Nifhmu li l-Malta Enterprise se tieħu bis-serjetà l-analiżi tal-lista tal-kredituri kollha li ngidmu b’dan is-suppost investiment.
Meta staqsejna dwar kif se jkunu rkuprati l-Lm50,000 investiti fil-laboratorju, il-ME sostniet li “Ir-rwol tal-Malta Enterprise hu li jissapportja l-industrija Maltija u allura qed tipprova ssib soluzzjonijiet li jgħinu kemm lis-Synergene u kemm lill-istakeholders kollha nvoluti f’dan il-każ, inklużi l-kredituri tas-Synergene u l-Malta Enterprise innifisha.”
Mhux magħruf jekk s’issa d-Diretturi tas-Synergene ippreżentawx id-dokumentazzjoni mitluba lilhom. Mhux magħruf lanqas jekk ġietx stipulata data sa meta deċiżjoni finali dwar il-futur tal-laboratorju għandha tittieħed. Fil-laboratorju magħluq għad hemm numru ta’ kampjuni importanti fosthom ta’ evidenza tal-Qorti. Dan il-fattur kien konfermat ma’ din il-gazzetta minn Mamie Pace, id-Direttriċi ta’ Synergene Group. Skond hi “l-evidenza kollha għadha qed tinżamm kif suppost fit-temperaturi mitluba minn standards internazzjonali.”
jfarrugia@mediatoday.com.mt
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt