01 ta' April 2007
Trikki trakki fl-aħħar seduta tal-Kunsill ta’ Ħal Luqa
Julia Farrugia
Dik li kellha tkun l-aħħar laqgħa tal-kunsill preċedenti tal-kunsill lokali ta’ Ħal Luqa spiċċat b’kommossjoni, attakki u theddid li se tintalab l-investigazzjoni tal-Pulizija. Il-laqgħa saret nhar it-Tlieta li għadda.
Il-każ hu marbut ma’ diżgwid li nqala’ bejn is-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Michael Borg, eks kandidat Laburista fl-Elezzjoni Ġenerali tas-Snin Sebgħin, u l-kunsillier tal-Partit Nazzjonalista Victor Caruana.
Kollox idur ma’ żieda li ngħatat lil waħda mill-iskrivani tal-Kunsill. F’Jannar li għadda l-kunsilliera kollha kienu qablu bejniethom li din l-iskrivana, ċerta Ingrid Borg, tittella’ minn Skala 15 għal Skala 13.
Madankollu t-tifel tas-Sindku, Silvio Schembri, kunsillier f’Ħal Luqa, issuġġerixxa li biex kollox ikun mar-regoli, fi Frar titressaq mozzjoni. Din il-mozzjoni għaddiet fit-23 ta’ Frar li għadda. Iżda jirriżulta li s-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill qabad u ta ż-żieda lill-iskrivana minn Jannar u dan meta l-mozzjoni kienet għadha lanqas biss saret.
Dan l-aġir ġab reazzjoni mill-Kunsillier Nazzjonalista Victor Caruana li nsista li l-minuti għandhom ikunu rranġati u jitniżżlu d-dettalji tal-fatti kif ġraw. Kienet din it-talba li ħolqot battibekk jaħraq bejnu u bejn is-Segretarju Eżekuttiv.
F’ħin minnhom il-qiegħa tant saħnet li Victor Caruana qabad u poġġa fuq il-mejda tal-Kunsill kopja ta’ ittra li allegatament inkitbet mis-Segretarju Eżekuttiv. Skond Caruana “kien dan is-Segretarju li għaddielu l-ittra u talbu biex jippubblikaha fil-media tal-Partit Nazzjonalista.” L-ittra, li din il-gazzetta għandha kopja tagħha, fiha numru ta’ allegazzjonijiet fil-konfront tat-tmexxija tas-Sindku John Schembri.
Is-Sindku u l-kunsilliera l-oħra dak il-ħin baqgħu jsegwu din ix-xenata fost l-għajjat u l-argumenti li komplew jiżdiedu.
F’tentattiv biex inaddaf ismu minn din l-allegazzjoni Michael Borg ċaħad li kien hu li kiteb l-ittra u akkuża lil Victor Caruana li kien hu li ħoloq l-ittra. Iżda l-Kunsillier Nazzjonalista kompla jsaħħaħ il-punt tiegħu tant li talab li jiġu l-Pulizija fuq il-post biex jinvestigaw lil Borg fuq malafama.
Din il-kwistjoni tidher li mhux se tieqaf hawn. Mitlub jikkummenta minn Illum, John Schembri, is-Sindku ta’ Ħal Luqa, iddeskriva l-każ tal-pagament ta’ l-iskrivana bħala “storm in a tea cup” (ħafna agħa għal xejn). Dan għaliex skond Schembri “m’hemmx ammonti kbar ta’ flus involuti.”
Madankollu s-Sindku sostna li “l-każ ta’ l-ittra hu serju ħafna. Se ngħaddi kopja ta’ l-ittra lill-mexxej Laburista Dr Alfred Sant.”
John Schembri nsista “bħala Sindku se nieħu passi biex nara l-ittra minn fejn ġejja u ssir l-investigazzjoni meħtieġa dwarha.”
Mistoqsi jekk jinkwetax li kieku jsir magħruf li l-ittra oriġinat kif allegat mis-Segretarju Eżekuttiv hu wieġeb “da żgur li tinkwetani. Jien nippretendi li dan il-bniedem ikun leali mhux biss lejja imma lejn il-Kunsill.”
jfarrugia@mediatoday.com.mt
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt