01 ta' April 2007 • Nr 22

Arkivji




 

 

 

01 ta' April 2007
Josie sieket dwar il-lista ta’ kandidati

Karl Stagno-Navarra

L-aħbar żvelata l-ġimgħa li għaddiet minn din il-gazzetta dwar ir-ritorn fil-politika tat-tabib Josie Muscat qanqlet interess kbir fil-kamp politiku tant li l-attenzjoni issa qed iddur fuq min jista’ jkunu n-nies li se jikkontestaw l-elezzjoni ġenerali f’isem il-partit il-ġdid.
Filwaqt li bdiet tiċċirkola b’saħħa x-xnigħa li l-imprenditur u eks-Sindku tan-Naxxar Anġlu Xuereb jista’ jkun wieħed mill-kandidati prospettivi, l-istess Anġlu Xuereb la ċaħad u lanqas ikkonferma l-interess tiegħu li joħroġ għall-politika.

“Ma nistax nikkummenta għalissa,” weġibna Anġlu Xuereb meta għamilna kuntatt miegħu fl-Italja fejn kien jinsab nhar il-Ħamis.
Min-naħa tiegħu Josie Muscat insista li ma jiżvela l-ebda ismijiet ta’ kandidati għalissa.
Spjega wkoll li l-intervista pubblikata f’din il-gazzetta nhar il-Ħadd li għadda qanqlet ħafna interess, tant li beda jkollu diversi laqgħat ma’ gruppi ta’ nies li ċemplulu u biex isostnu l-appoġġ tagħhom lejn il-proġett politiku tiegħu.
Fi kliem Josie Muscat, “il-partit il-ġdid se jkun varat uffiċċjalment fil-jiem li ġejjin” filwaqt li żied ukoll li se jkun hemm “sorpriżi” interessanti fil-kandidati li se jikkontestaw f’isem il-partit il-ġdid.
Matul dawn l-aħħar jiem hu rappurtat li l-grupp ta’ nies l-aktar viċin ta’ Josie Muscat iltaqgħu f’lukanda f’San Ġiljan fejn ngħata l-aħħar irtokk lill-manifest politiku qabel ma jkun stampat u lest għat-tnedija uffiċjali.
Josie Muscat, li se jkun qed jiffoka fuq il-Kottonera fejn ikun qed jikkonfronta direttament lill-Prim Ministru u Kap Nazzjonalista Lawrence Gonzi fuq it-Tieni u t-Tielet Distrett, hu determinat li jkopri d-distretti elettorali kollha bil-kandidati tiegħu.
Bħalissa qed tingħata attenzjoni partikolari lil Għawdex fejn qed isiru għadd ta’ laqgħat ma’ nies li jirriżultaw li se jkunu strumentali għall-ħidma tal-partit il-ġdid f’din il-gżira.
Skond Josie Muscat, “kollox jinsab lest biex il-proġett il-ġdid ikun varat u magħruf mal-pajjiż.”

ksnavarra@mediatoday.com.mt

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt