Il-31 ta’ Marzu 1979 kienet ġrajja li kellha l-ħsus tagħha miktuba fl-aħħar tas-Snin Ħamsin. Kienet il-milja tal-viżjoni tal-Perit Mintoff li Malta tkun ħielsa mill-preżenza tal-militar barrani u aktar minn hekk ikollha l-ħelsien ekonomiku
It-tluq minn Malta ta’ l-aħħar bastimenti Ingliżi fil-31 ta’ Marzu 1979 kien wieħed simboliku li ma ħalla l-ebda mpatt immedjat fuq l-andament tal-ħajja f’Malta għax il-bidliet li kellhom isiru fil-pajjiż bi tħejjija għal dan il-jum kienu seħħew fis-seba’ snin ta’ qabel.
Skond l-ekonomista veteran Karm Farrugia, sakemm wasal nofs il-lejl tal-31 ta’ Marzu 1979, l-ekonomija kienet tqiegħdet fuq bażi soda biżżejjed tant li l-pajjiż ma kellux bżonn jistrieħ fuq il-flus li l-Ingliżi kienu jħallsu għall-kiri tal-bażi tagħhom f’Malta.
Għalkemm Jum il-Ħelsien għal ħafna Laburisti jitqies bħala l-kisba tas-sovranità sħiħa ta’ pajjiżna, analiżi taċ-ċirkostanzi li wasslu għal dan il-jum turi li l-ħelsien li ried Dom Mintoff kien wieħed ekonomiku, kif jixhdu wkoll il-bidliet kbar ekonomiċi u soċjali li seħħew fis-Sebgħinijiet.
Bil-kisba ta’ l-Indipendenza fl-1964, fejn pajjiżna għall-ewwel darba fl-Istorja tiegħu kellu rajh f’idejh, inkiseb il-ħelsien politiku, u t-twelid tar-Repubblika fl-1974 li fisser il-qtugħ għal kollox mill-Kuruna Ingliża kompla saħħaħ dak il-ħelsien.
F’dawn iċ-ċirkostanzi Jum il-Ħelsien fl-1979 aktar kien jissimbolizza l-ħelsien ekonomiku tal-pajjiż mid-dipendenza fuq il-militar Ingliż. Kien ifisser ukoll il-bidu ta’ politika barranija ġdida għal Malta mibnija fuq in-newtralità li iżda daħlet fil-Kostituzzjoni tmien snin wara, lejlet l-elezzjoni ta’ l-1987 u f’ċirkostanzi politiċi għal kollox differenti.
Sa l-1971 l-ekonomija Maltija baqgħet tiddependi ħafna fuq l-infiq tal-militar Ingliż li kien ukoll jipprovdi l-ħobż għal eluf ta’ familji Maltin.
Svizzera fil-Mediterran
Alfred Sant fil-ktieb ‘28 ta’ April 1958 – il-Ħobż u l-Ħelsien’ isostni li “ir-rabta bejn ħobż u ħelsien dejjem qajmet l-ikbar problema għall-Gvern Malti, ħerqan li jassigura l-ħelsien tal-pajjiż.”
Kienet din id-dilemma li wasslet lil Mintoff biex fl-1959 f’artiklu li kiteb għar-rivista Ingliża ‘New Statesman’ fassal dak li jista’ jitqies bħala l-ħsus ta’ kif Gvern Laburista kellu jaħdem biex 20 sena wara Malta ma baqgħetx bażi militari għall-Ingliżi.
Fl-artiklu li Mintoff kiteb xhur wara li Gvern Laburista kien irriżenja wara diżgwid mal-ħakkiema kolonjali li anki wasslet biex il-Partit Laburista jbiddel il-politika tiegħu minn waħda ta’ sħubija (Integration) mar-Renju Unit għal waħda ta’ indipendenza, kien spjega l-viżjoni tiegħu ta’ Malta bħala “Svizzera żgħira, fil-qalba tal-Mediterran.”
Mintoff kien għaraf li Malta kienet tiddependi wisq fuq il-bażi militari għal ħobżha u għalhekk kull proċess politiku li jwassal għall-indipendenza kellu wkoll jimxi id f’id mal-ħelsien ekonomiku.
“Bħala żona fejn ma jiddaħħlux armi nukleari, b’soċjetà ħielsa u stabbli, inkunu nistgħu niżviluppaw malajr fi Svizzera żgħira fil-qalba tal-Mediterran – ġenna ta’ paċi u mistrieħ għal turisti għajjenin li jiġu fostna bla armi. Fil-kummerċ, ningħaqdu mas-Suq Komuni, waqt li niffurmaw rabtiet kummerċjali jixxiebħu mal-pajjiżi Għarab ġirien tagħna,” kiteb Mintoff fl-1959. Kienet il-viżjoni ta’ kif il-pajjiż kellu jinbidel eventwalment.
Skond li kiteb Alfred Sant fit-‘28 ta’ April 1958’, “it-triq lejn il-ħelsien, in-newtralità u n-non allinjament kellha l-bidu tagħha fil-ġrajja tat-28 ta’ April 1958”.
Il-pjan ta’ Mintoff seta’ jibda jitwettaq wara l-elezzjoni ta’ l-1971 li rat il-Partit Laburista lura fil-Gvern.
Qawmien ekonomiku
Fl-1972 Mintoff kien innegozja mal-Gvern Ingliż kirja li kienet tlaħħaq il-miljuni biex setgħu jużaw partijiet minn Malta bħala bażi militari.
L-ekonomista Karm Farrugia jgħid li Mintoff kien innegozja perjodu twil biżżejjed biex l-ekonomija titqiegħed fuq bażi soda biex meta jitilqu l-Ingliżi l-pajjiż ikun diġà fuq saqajh.
“Fil-bidu tas-Sebgħinijiet il-flus li l-pajjiż kien qed jirċievi mill-Ingliżi kienu importanti għall-ekonomija iżda fl-aħħar tliet snin qabel l-1979, id-dħul mill-kirja kien meqjus bħala żejjed għax l-ekonomija rnexxielha tikber b’tali mod li bdiet tagħmel tajjeb anki għan-nuqqas ta’ nfieq mill-militar Ingliż f’Malta,” isostni Farrugia.
Is-Sebgħinijiet kienu ż-żmien tad-deheb għat-turiżmu bit-twelid ta’ ħafna lukandi u b’inċentivi fiskali li għenu biex is-settur jirkupra wara perjodu ħażin fl-aħħar tas-Sittinijiet.
Skond Farrugia l-industrija tal-manifattura wkoll splodiet b’iktar minn 35,000 persuna jaqilgħu ħobżhom direttament minn impjiegi fil-fabbriki, b’terz minnhom jaħdmu fis-settur tas-tessuti.
U t-triq ma kenitx faċli għax fl-ewwel nofs tas-Sebgħinijiet kienet faqqgħet l-ewwel kriżi taż-żejt fid-dinja li rat il-prezz tal-petrol jisplodi ’l fuq b’400 fil-mija mil-lejl għan-nhar.
“Dak iż-żmien iż-żieda fil-prezz tal-fuel għaddiet kollha fuq il-konsumatur. Madankollu l-prezz ta’ l-elettriku baqa’ sussidjat kif kien ukoll iż-żejt oħxon li tuża l-industrija.
“Miniex xi wieħed li ninża’ l-kappell għal kulma għamel Mintoff imma dak li hu tiegħu trid tagħtihuli. Mingħajr ma jkollu żbilanċ fil-finanzi u minkejja l-kriżi taż-żejt, Mintoff irnexxielu jibni ekonomija b’saħħitha li rnexxiet ukoll mingħajr infieq tal-Gvern,” Farrugia jgħid.
Ma jonqosx ukoll milli jikkritika x-xeħħa ta’ Mintoff biex jinvesti l-flus fl-infrastruttura tal-pajjjiż. “Sfortunatament din ma żviluppatx bl-istess ritmu ta’ kif kienet miexja ’l quddiem l-ekonomija.”
Wara li l-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni ta’ l-1976 bis-saħħa tat-titjib ekonomiku u soċjali li gadew minnu l-familji, it-triq lejn il-31 ta’ Marzu kienet inqas iebsa.
Iżda l-elezzjoni ta’ l-1976 fissret ukoll bidla fis-sitwazzjoni politika fil-pajjiż. It-telfa tal-PN wasslet għat-tneħħija ta’ George Borg Olivier minn mexxej biex minfloku nħatar avukat bl-isem ta’ Eddie Fenech Adami.
L-aħħar tas-Sebgħinijiet fissru era ġdida, mhux biss għal Malta ‘ħielsa’ iżda wkoll għall-partiti politiċi ippersonifikati f’Dom Mintoff u Eddie Fenech Adami.