01 ta' April 2007 • Nr 22

Arkivji




 

 

 

01 ta' April 2007
Minn Ottubru bidla fl-iskejjel speċjali

Julia Farrugia

Louis Galea, il-Ministru għall-Edukazzjoni, ikkonferma ma’ din il-gazzetta li l-kors għal tfal b’diżabbiltà intellettwali offrut fl-MCAST ingħalaq għaliex l-MCAST “ma kienx istituzzjoni tajba għal kors ta’ din ix-xorta.”
Fil-ġimgħat li għaddew din il-gazzetta irrappurtat kif b’effett immedjat l-MCAST mhux se jibqa’ joffri kors għal żgħażagħ b’diżabbiltà. Il-kors Pathway to Independent Living kien joffri tagħlim bażiku lil żgħażagħ ta’ 16-il sena b’diżabbiltà intellettwali, persuni li mentalment jaġixxu bħal tfal ta’ 12-il sena.
Il-kors li ilu jittella’ għal dawn l-aħħar tliet snin ħarreġ 34 student b’kollox. Minkejja dan il-Ministeru qed jgħid li “l-esperjenza wriet li l-MCAST jista’ jagħti appoġġ speċjali lil studenti bi bżonnijiet speċjali li jistgħu jsegwu l-korsijiet stabbiliti iżda ma kienx istituzzjoni tajba biex studenti li ma setgħux isegwu l-korsijiet stabbiliti jingħataw kors bl-iskop ta’ Pathway.”
Il-Ministru Galea qed jgħid li dan it-tip ta’ kors isir b’mod aktar effettiv f’sistema ġdida għal edukazzjoni post-sekondarja li se tibda taħdem f’Ottubru li ġej.
“L-iskejjel speċjali se jinbidlu f’resource centres mhux aktar skond il-kwalità ta’ diżabbiltà imma skond l-età.
“B’hekk se jkun hemm istituzzjoni post-sekondarja li tilqa’ fiha l-istudenti b’diżabbiltà wara s-16-il sena jekk il-proċess ta’ statementing jiċċertifika li dan ikun fl-aħjar tagħhom.”
S’issa ma ngħataw l-ebda dettalji fejn mistenni jsir dan iċ-ċentru għal ġdid.

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt