01 ta' April 2007
“Tieqaf ix-xena, tieqaf l-intimità!”
Franica Pulis
Kristjana Casha, waħda mill-atturi ewlenin tas-serje televiżiva Giżelle, tkellimna ftit magħha biex insiru nafu daqsxejn aktar dwarha u kif tħossha fis-serje.
“Immur tajjeb ma’ kulħadd, l-iktar ma’ Tiziana, li tagħmel il-parti ta’ Narċisa. Ix-xeni magħha huma l-aktar li nkun qed nistenna. Hi persuna li ddaħħaqni ħafna. Bejn xena u oħra vera ngħadduha flimkien.”
Dwar xeni diffiċli li jgħajjuha, irrakkuntat li għaliha huma dawk fejn hi skomda fiżikament u ġieli anki tweġġa’ fihom, speċjalment meta jkunu vjolenti. Semmiet waħda partikulari meta kienet imxarrba għal sigħat twal. Din kienet xena fejn Carlos Farrugia (Sergio) kien qed jitfa’ bramel ta’ ilma kiesaħ, wieħed wara l-ieħor, bħala tortura. “Iżda fl-aħħar mill-aħħar dejjem kont kuntenta bir-riżultat.”
L-aktar xeni li l-attriċi tieħu gost tagħmel huma dawk li jinvolvu emozzjonijiet differenti fl-istess xena minħabba li huma aktar diffiċli u ta’ sfida biex taħdimhom. Meta staqsejtha dwar xeni intimi li ġieli jkollha stqarret li l-aktar li ssibha diffiċli hi meta l-persuna ma tkunx tafha jew qatt ma tkun ħadmet magħha. Tagħmilha ċara ma’ l-attur safejn tasal il-linja tar-reċtar u tar-realtà bil-mod ta’ kif titkellem dwar ix-xena.
“Tieqaf ix-xena, tieqaf l-intimità!” kompliet isostni l-attriċi. F’sitwazzjonijiet bħal dawn tgħin ruħha billi tiddiskuti ma’ l-attur l-ieħor, u aktar minn hekk, tiċċajta biex tneħħi l-iskumdità li tista’ toħloq xena dan it-tip.
Kumbinazzjoni ambizzjoni għal televixin Kristjana qatt ma kellha u qatt ma kienet timmaġina li tasal fejn hi issa. “Ma fittixthiex anzi ġiet fuqi,” kompliet tgħid. Lanqas il-popolarità ma fittxet. Spjegat li qiegħda fil-qasam tat-televixin għax jogħġobha kull aspett tat-teatru għalkemm tammetti wkoll li jkun hemm mumenti fejn tieħu gost bil-kumplimenti u anki tara l-vantaġġ li permezz tal-fama tkun f’aktar kuntatt man-nies u għalhekk tkun taf fejn hi.
“Iżda bħala persuna nħobb il-privatezza u ġieli jkun hemm mumenti fejn ma nkunx nixtieq li n-nies jgħarfuni,” qalet Kristjana li kompliet tispjega li ġieli kien hemm min anki għadda kummenti vulgari.
Kristjana fil-fatt iktar kellha ħsieb li tkompli fit-teatru milli fit-televixin, wara li ħadet kors fid-drama. Dejjem xtaqet li tkompli tirreċta u li jkollha partijiet li jkunu ta’ sfida għaliha.
Iktar minn hekk, xewqitha kienet li tagħmel parti minn grupp teatrali li temmen fih u tkun tista’ tikber miegħu aktar milli taqbeż minn produzzjoni għall-oħra u taħdem ma’ nies li ma tafx. Mid-dehra din ix-xewqa qatgħetha daqs sena ilu meta daħħlet mal-grupp teatrali Dù, li hu magħmul minn tfajliet biss għall-produzzjoni Weeds.
Minnufih bdiet tirrakkuntali dwar ix-xogħol li jmiss tal-grupp għal Sibt il-Għid u l-Ħamis ta’ wara, li jġib l-isem ta’ Every Woman, xogħol li jirrappreżenta l-vjaġġ tal-ħajja ta’ kull mara. Hi qed tagħmel il-parti tal-mara li tgħaddi minn kull aspett tal-ħajja fil-kumpanija ta’ erba’ elementi: Nar, Ilma, Art u Arja.
Tkellmet ukoll dwar l-esperjenza ġdida li ħass il-grupp meta ġie ikkummissjonat apposta għall-Festival ta’ Arti Sagra organizzat mill-Kavallier ta’ San Ġakbu fil-Knisja ta’ Sta Katerina ta’ l-Italja fil-Belt.
Il-grupp qatt ma kien ħadem fi knisja li hu ambjent uniku u interessanti li wieħed jesperimenta bih, minkejja li l-post jirbombja.
Mistoqsija awtomatika kienet: Allura kif jirnexxilek tlaħħaq ma’ xogħol full-time ta’ għalliema, teatru u sigħat twal ta’ ġbid ta’ xeni?
Daħqet u wieġbet, “Ma nlaħħaqx! Ma naħsibx li nlaħħaq. Ħafna drabi meta nasal lejn l-aħħar ta’ produzzjoni teatrali nkun qed niġri minn ħaġa għall-oħra. Żmien għalija ma jkollix. Bilkemm ikolli ċans niekol sew u nistrieħ. Imma dan il-perjodu ta’ ġenn ma jkunx twil. L-agħar meta joqorbu deadlines ta’ affarijiet differenti flimkien.”
Proġetti għal futur?
“Il-ħajja personali tiegħi ma tantx nippjanaha. Teatru mal-grupp: f’Mejju li ġej se nerġgħu ntellgħu Lacuna fl-okkażjoni tat-tnedija tal-ktieb Sepja ta’ Trevor Zahra għax kienet ispirata minn novelli tiegħu. Televixin, wara Giżelle, mhu qed naħseb f’xejn u wisq probabbli nieħu pawsa minnu biex ikolli aktar ħin għalija nnifsi u t-teatru,” temmet tgħid.
fpulis@mediatoday.com.mt
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt