01 ta' April 2007 • Nr 22

Arkivji




 

 

 

01 ta' April 2007
Ir-raħħala nkwetati: l-industrija tal-majjali nqatlet mis-suq barrani

Julia Farrugia

Produtturi tal-majjali li tkellmu ma’ din il-gazzetta urew it-tħassib tagħhom għall- qagħda xejn sabiħa tas-settur.
Huma qed isostnu li tul dawn l-aħħar xhur b’mod ma jaqta’ xejn raw ix-xogħol tagħhom sejjer għall-agħar minħabba l-influss qawwi ta’ laħam impurtat. Il-kritika li qed issir hi li l-Gvern ma skattax mekkaniżmu li jipproteġi l-industrija Maltija.
Is-sitwazzjoni telgħet ukoll fuq livell ministerjali. Il-Ġimgħa wara nofsinhar rappreżentanti tal-Koperattiva ta’ Min Irabbi l-Majjali dehru deħlin fil-Ministeru ta’ l-Agrikoltura.
Sorsi qrib iż-żewġ naħat ikkonfermaw ma’ din il-gazzetta li fil-laqgħa kien diskuss it-tħassib tar-raħħala Maltin li qed isostnu li wara d-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea l-industrija ħadet daqqa ta’ ħarta. Ir-raħħala jinsistu li l-kwota tagħhom mhux qed tinbiegħ u dan tort tas-suq barrani li faqa’ għal kollox dak lokali.
Il-kwota tal-bejgħ ta’ majjali lokali suppost hi ta’ madwar 2,400 majjal fil-ġimgħa iżda fir-realtà ċ-ċifri ħadu daqqa ’l isfel. Dawn il-figuri sikwit qed jinżlu anki fil-medja ta’ 1,500 majjal fil-ġimgħa.
Matul laqgħa mal-Ministru Ġorġ Pullicino saret pressjoni biex tiddaħħal salvagwardja b’tali mod li ssir restrizzjoni fuq l-ammont ta’ laħam minn barra li jiġi mpurtat.
Nhar it-Tlieta u l-Erbgħa mistennija li jsiru aktar laqgħat bejn iż-żewġ naħat meta għadha trid tinstab soluzzjoni għal din is-sitwazzjoni.

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt