01 ta' April 2007 • Nr 22

Arkivji




 

 

 

01 ta' April 2007
Dawn boloh?

Franica Pulis

Hi ħajja ta’ ‘ġenn’ għal 10 ġimgħat għal Dwal Ġodda, grupp ta’ voluntiera ħafna minnhom minn Ħal Għargħur li jaħdmu żewġ produzzjonijiet teatrali fis-sena b’li jmiss iġġib l-isem Bluha? Fil-fatt it-titlu, minbarra li hu referenza għal-1 ta’ April, hu ċajta li jgħaddu bejniethom minħabba li spiss jingħaddulhom kummenti li qed jagħmlu ġennata għal ħin li jqattgħu fil-provi mingħajr ma jieħdu sold.
Żort il-grupp daqs ġimgħa ilu waqt il-provi. Dħalt inkiss inkiss. Fuq naħa nara palk armat modern u mdawwal bil-kor imferrex fuq it-taraġ u tlitt ġuvintur imsallbin. In-naħa l-oħra nara raġel qsajjar fuq il-palk fiss tas-sala parrokkjali jħanxar id-direzzjonijiet lill-atturi f’aċċent qawwi Għargħuriż.
Ir-raġel hu Martin Gauci, direttur u kittieb ta’ wħud mix-xogħlijiet li jtella’ l-grupp, bniedem li ilu fi Dwal Ġodda mill-bidu tiegħu mindu kellu 18-il sena. Dik il-ħabta kien kiteb u dderieġa dramm li ġie klassifikat 21, dramm li hu stess ma setax jidħol jara minħabba ċ-ċensura.
“Bdejna mill-faqar ta’ farsa u vaudeville. Imbagħad bdejna mmissu ma’ kittieba ta’ stoffa bħal Ebejer, Pirandello u oħrajn. Kif bqajna niżviluppaw fid-drammi li ntellgħu matul is-sena, bdejna niżviluppaw ukoll fid-drammi tal-Ġimgħa l-Kbira,” spjega d-direttur.
Fil-pront taqbeż bintu Martha tfiehem li huma permezz tat-teatru jisfidaw il-ħsibijiet u l-ideat tan-nies u b’hekk jisperaw li ma jifqux jistaqsu. “Hu mezz ta’ kif tiskopri lilek innifsek, lil sħabek u l-udjenza; kif ukoll emozzjonijiet oħra li s-soltu ma tesplorax.
Fid-dramm imissu ma’ bosta temi jaħarqu li mhux l-ewwel darba jinkinsu taħt it-tapit fosthom kwistjonijiet ta’ politka, fanatiżmu tal-każini u l-partiti u anki l-karità bil-mod ta’ kif saret ssir f’Malta.
“Ħażin għalikom: tinqdew bit-tbatija u d-dgħufija ta’ ħaddiehor biex tidhru sbieħ intom, jew biex tħaxxnu l-but tagħkom… Lill-proxxmu tiegħek muġugħ: indukrah, għinu fis-skiet!” jgħid il-karattru tal-Madonna ftit qabel ma jissallab binha.
Id-dramm hu soċjali għax imiss ma’ temi kurrenti li għaddej minnhom il-pajjiż. It-titlu nnifsu hu botta indiretta għal ħajja ta’ bluha u frugħa li sirna ngħixu. Ħajja li nagħmel kollox minbarra dak li verament hu importanti. “Soċjali b’saqajna ma’ l-art,” spjegat Martha. Saħansitra jagħmlu żmien jifhmu u jgħixu f’sitwazzjonijiet differenti bħall-Open Centre tal-Marsa jew iċ-Ċentru ta’ San Blas. Fil-fatt Martin hu persuna li jħobb ikun man-nies u jixrob ‘l-università tal-ħajja’. Hu persuna li jemmen li “meta toħroġ miċ-ċentru u ssir umli jirnexxilek tegħleb il-karattru”.
Fuq l-istess idea Martha kompliet tgħid, “L-ewwel tqaxxar il-maskri kollha. Tiskopri dawk li tafx bihom imbagħad ixxid il-karattru.”

Bluha? qed tittella’ llum wara nofsinhar fil-misraħ ta’ Ħal Għargħur fil-5pm.

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt