01 ta' April 2007
Blata f’tim Nazzjonali tar-rekords
Wara żewġ wirjiet impressjonanti mit-tim Nazzjonali Malti ħsibt li jkun ġust u d-dmir tiegħi li din l-intervista tkun tikkonċerna lil xi ħadd midħla sew ta’ dan it-tim tal-poplu Malti kollu. Qabel il-partita kontra l-Moldova bdejt diġà naħseb fuq min setgħet taqa’ l-għażla tiegħi. Preferibbilment xtaqt xi plejer, imma ndunajt li kienet se tkun xi ħaġa impossibbli f’mument daqshekk delikat.
Lejn l-aħħar 10 minuti tal-partita f’Chisinau, għalija nfetħu speranzi ġodda hekk kif sfortunatament intwera l-karta l-ħamra Luke Dimech u allura ġiet xi ħaġa awtomatika li mar-ritorn ta’ l-iskwadra f’Malta d-difensur ta’ Marsaxlokk kien se jinqala’ biex iħalli spazju għal ħaddieħor.
Infatti, ltqajt miegħu din il-ġimgħa. Id-dispjaċir li ma kienx fit-tim li ffaċċja ċ-champions Ewropej Greċja dehret. Dejjem ipprova jaħbi dan kollu fid-daħka tipika tiegħu li fiha tidher l-innoċenza ta’ żagħżugħ kwiet li jħobb jgħix il-ħajja mingħajr inkwiet.
Luke jibqa’ l-istess persuna li tieħu pjaċir titkellem miegħu fuq kollox. Din l-intervista ħaditli ftit inqas minn siegħa, li fil-verità anqas indunajt li kien għadda daqshekk ħin. Gawdejt kull sekonda fil-kumpanija tiegħu.
Bħas-soltu, wasalt xi kwarta tard. Insibu fuq mejda waħdu għad-dell u t-temp sabiħ tal-ġurnata. Kien liebes sports, bi flokk b’komma qasira li nzerta skur. B’dan ma ndunajtx mill-ewwel. It-tpinġija li tant hu magħruf għaliha ġġielek tinduna b’dan kollu meta tkun viċin tiegħu sew.
Jekk ma tkunx tafu taħseb li hu xi bniedem minn dawk li allaħares tħares lejh u jinduna għax ikollok xi tgħid. Altru minn hekk! Luke huwa eżattament il-kontra ta’ dak li ħafna jaħsbuh ma’ l-ewwel daqqa t’għajn.
“L-Ingliżi jgħidu never judge a book by its cover. Probabbli jgħidu li jien kiesaħ għax jarawni fini tifel, nilgħab il-futbol mat-tim Nazzjonali u mimli tpinġija. Oħrajn jgħidu li jien inpoġġi lili nnifsi bħala xi raġel gustuż. Mhux il-każ. Inti u ħaddieħor li tafuni tafu li miniex raġel kiesaħ. Qatt ma kelli xi ngħid ma’ ħadd.
“Mhux se ngħidlek li jien xi bniedem reliġjuż għax knisja ma mmurx. Imma nemmen li wara l-ħajja hemm xi ħaġa aħjar għalkemm m’għandix idea x’tista’ tkun. Jien dejjem ngħix kif naħseb li jkun tajjeb għalija u dejjem imxejt fuq kif jgħidu l-Ingliżi, treat others the way you want to be treated. Naħseb li sakemm inkun ġenwin, onest u nipprova ngħin lil kulħadd m’hemmx għalfejn immur il-quddies kull nhar ta’ Ħadd.
“Naħseb li jien bniedem kwiet li nħobb inżomm l-affarijiet li jiġruli f’ħajti għalija nnifsi. Ngħix ħajja normali u nagħmel dak li għandi nagħmel mingħajr ħafna daqq ta’ trombi. Nitħarreġ mat-tim Nazzjonali filgħodu u filgħaxija u ma’ Marsaxlokk ukoll. Sfortunatament f’Malta ma tantx issib ħafna affarijiet x’tagħmel fil-ħin liberu. Ġieli noħroġ niekol mal-ħbieb imma dan l-aħħar sirt nippreferi nibqa’ ġewwa. Kemm ili professjonali sirt dedikat ħafna għax il-futbol huwa ħajti.”
Biex wieħed jinduna li Luke Dimech għandu ġibda speċjali lejn l-Ingilterra ma jieħux ħafna ħin. Fl-ewwel mistoqsija tiegħi, mill-ewwel jitfa’ dawl fuq dan kollu, b’żewġt iqwiel li jħobbu jużaw l-Ingliżi. Jirrakkuntali xi jfisser għalih dan il-pajjiż u kif beda jilgħab il-futbol.
“L-Ingilterra nħobbha wisq u hemmhekk insibni komdu ħafna. Sfortunatament jien nitkellem biss bil-Malti u bl-Ingliż u allura tkun diffiċli biex immur pajjiż ieħor minbarra dawn it-tnejn. U aktar minn hekk, l-Ingilterra għandi l-familja. Ommi, missieri, ħija l-kbir u ħija ż-żgħir jgħixu hemm allura kull meta nkun hemm inħossni viċin tagħhom ħafna.”
Luke Dimech twieled fil-11 ta’ Jannar 1977. Huwa iben Frank u Mary u għandu żewġ ħutu subien oħra, Kris u Mark.
“Kelli xi tmien snin meta tajt l-ewwel daqqa ta’ ballun. Dak iż-żmien konna ngħixu l-iSkozja u missieri ħadni biex nilgħab ma’ xi ħbieb. Minn dak inhar ma waqaft qatt. Kont bdejt nilgħab bħala passatemp u llum il-futbol spiċċa xogħli. Huwa unur għalija għax naħseb li huma ftit il-plejers Maltin li ġieli lagħbu barra l-pajjiż u jridu jgħixu biss minn dan l-isport.”
Luke huwa wieħed minn dawk li l-futbol Malti ma tantx jagħtih gost. Dejjem ħataf opportunità li kellu barra pajjiżna u tista’ tgħid li rnexxa kulfejn kien. Fir-Renju Unit lagħab fl-Irlanda ma’ Shamrock Rovers u fl-Ingilterra ma’ Mansfield Town u Chester City.
“Il-futbol Malti kalm wisq. Hawn ċerti plejers li jħobbu jaqgħu għal xejn u ma nistax nilgħab il-logħba kif inħobb jien. Il-logħba Maltija aktar ibbażata fuq il-futbol Taljan milli dak Ingliż fejn kont u tgħallimt nilgħab jien. Meta tbiddel l-ambjent tal-logħba issibha ftit frustranti allura trid tara kif tadatta ruħek skond is-sitwazzjoni. Jien plejer b’saħħti u hawn ma nkunx nista’ nuża s-saħħa tiegħi kif u kemm irrid.”
Allura xtaqt nimmaġina kif jikkomunika mal-kowċ Nazzjonali, Dusan Fitzel. Iċ-Ċek għandu jew kellu problema kbira tal-lingwa kif ġie pajjiżna, tant li anki fil-media ġieli nftiehem ħażin.
“Qatt ma ħassejt li kelli xi problema ma’ Fitzel fuq il-lingwa għalkemm fil-bidu meta ġie kien ftit batut fl-Ingliż. Hu ħadem ħafna ma’ Mark Miller u allura beda jitkellem bl-Ingliż il-ħin kollu. U hemm jien u Jamie Pace li l-ħin kollu nitkellmu bl-Ingliż u ftit ilu qalli li meta nitkellmu bejnietna jipprova jifhem biex jitgħallem aktar il-lingwa Ingliża. Għadu kowċ żgħir u naħseb li wara Malta se jsib futur sabiħ jistennih.
Bħala kowċ ikun irid l-għajnuna ta’ kulħadd, l-aktar mingħand il-plejers ta’ l-esperjenza. Dejjem isaqsina jekk hemmx xi affarijiet li qed idejquna biex intejbuhom. Ikun irid lil kulħadd magħqud u ferħan.
“L-iskwadra baqgħet kważi l-istess u l-unika differenza li qed nara bejn it-tim ta’ Horst Heese għal dak ta’ Dusan Fitzel hi li issa l-plejers aktar immaturaw u hemm ħbiberija kbira bejn kulħadd. Ninsabu f’mument li qed nilagħbu tajjeb ħafna u fil-grupp qed tirrenja serenità kbira.
Insaqsih jekk influwenzahx xi plejer Malti f’din il-pożizzjoni fil-passat.
“Diffiċli ngħidlek għax qabel ma kont nilgħab mat-tim Nazzjonali ma kontx ngħix Malta. Imma naf kemm kien kbir f’din il-pożizzjoni John Buttigieg. Però jekk tgħidli l-aktar plejer ta’ esperjenza u klassi li qatt lgħabt miegħu ngħidlek li hu Carmel Busuttil. Diffiċli biex jerġa’ jkollna plejer bħalu.”
Bħala wieħed mill-plejers ta’ esperjenza, ħafna mill-piż tat-tim Nazzjonali jaqa’ fuqu. Imma x’valur jifdallu t-tim Nazzjonali mingħajr l-aktar plejers ta’ kwalità?
“Dejjem se jkun hemm plejers li jidħlu u oħrajn li joħorġu. Vera li jien, Gilbert Agius, Justin Haber u Michael Mifsud għandna l-akbar saħħa fuq it-tim imma aktar minn ċert li meta nispiċċaw aħna se jidħlu oħrajn flokna li jkunu ta’ kwalità wkoll. It-tim Nazzjonali kellu ż-żmien ta’ John Buttigieg, Carmel Busuttil u Raymond Vella li fiż-żmienhom kulħadd kien jgħid li kif jispiċċaw huma diffiċli biex insibu min jibdilhom. U llum qed jgħidu l-istess storja fuqna. Iż-żmien jinbidel u miegħu jinbidlu l-plejers ukoll. Uħud minnhom jafu jkunu ta’ sorpriża. Għidli min kien jaf b’Andrè Schembri sa ħames snin ilu?”
Nitkellmu ftit fuq il-logħba tal-ġimgħa l-oħra kontra l-Moldova. Nitolbu jiddiskrivili l-atmosfera ta’ ground ippakkjat fil-Moldova u l-inċident li fih iddefenda lil Justin Haber u spiċċa ħażin hu.
“L-atmosfera kienet waħda tajba fi ground żgħir u ppakkjat. Riżultat ta’ 1-1 kontra tim bi plejers li jilagħbu kontinwament futbol ta’ livell għola minnha huwa tajjeb ħafna. U stajna anke rbaħnilhom. Huma kellhom aktar pussess minnha u l-vantaġġ tal-home. Però ma rajtx ħafna superjorità bejnietna. Hawn Malta għandna ċans kbir li nirbħulhom jekk nilagħbu kif lgħabna kontriehom, kontra l-Ungerija u kontra l-Awstrija. Żgur li m’humiex aqwa mill-Ungeriżi.
“Justin ġegħilni nselli xi ftit għax qbiżt għalih u spiċċajt imkeċċi jien. Hu kien fortunat u jien żvinturat. Daqqa ta’ sieq tiegħu ma dehritx u mbuttatura tiegħi swietni l-karta l-ħamra. Imma waqt logħba ta’ dak it-tip anqas tkun taf kif tidħol fihom dawn il-kummiedji biex taqbeż għal sħabek. Imma kieku l-biċċa jkollha terġa’ tiġri bħalissa, nerġa’ nagħmel l-istess u mmur naqbeż għal Justin.
“Jiddispjaċini li ma lgħabtx kontra l-Greċja. Anke għax l-atmosfera li kien hemm tal-poplu Malti kienet xi ħaġa unika. Greċja huma ċ-champions ta’ l-Ewropa u kienet tkun xi ħaġa sabiħa li tilgħab kontrihom f’pajjiżek. Sħabi taw wirja kbira.
“Dan huwa mument maġiku għat-tim Nazzjonali u għall-poplu Malti. Ħudu pjaċir bih kemm tistgħu.”
Bħala difensur ċentrali ffaċċja diversi attakkanti ta’ kull tip. Nitolbu l-opinjoni tiegħu fuq dawk li jħabbtuh l-aktar fil-kampjonat Malti u li ħabbtuh l-aktar fix-xena Internazzjonali.
“L-aktar attakkanti li nara ta’ kwalità fil-kampjonat Malti huma Siberie, Babatunde, Maldzar, Woods u Scerri. Dawk l-aktar li jħabbtuni imma nħossni fortunat li għandna tim b’saħħtu biżżejjed biex kważi għelibna kull ostaklu.
“Fix-xena internazzjonali lgħabt kontra ħafna attakkanti kbar. U plejers bħal dawn nieħu pjaċir nilgħab kontrihom aktar milli jdejquni. Qatt f’ħajti ma lgħabt ma’ attakkanti ta’ klassi bħal Thierry Henry ta’ Franza u Zlatan Ibrahimovic ta’ Svezja. It-tnejn ħfief ħafna u plejers kompluti li lanqas tkun taf kif jaħbu l-ballun u jduru miegħek. U xorta ngħid li dan mhux biżżejjed biex niġġudikahom għax ċert li kontrina ma tawx il-mija fil-mija tagħhom. Abbli kontrina ħaduha bħala sessjoni ta’ taħriġ. Nixtieq inkun naf x’livell ikunu fih fl-aqwa partiti tagħhom. Żewġ plejers straordinarji.”
Inkellmu fuq Marsaxlokk u nistaqsih x’wassal biex it-tim tar-raħal tas-sajjieda jinsab pass `il bogħod mill-ewwel kampjonat fl-istorja tiegħu.
“Li hemm differenza bejnietna u t-timijiet il-kbar l-oħra hija l-għaqda ta’ bejn kulħadd. Anki jekk bħala tim qed nuru li aħna l-aqwa, bejn il-plejers, kowċ u kumitat hemm ħbiberija u serjetà kbira li tpoġġina f’vantaġġ akbar li nirbħu l-kampjonat.
Jien ġejt Malta biex nirbaħ il-kampjonat u dejjem ħlomt li nirbħu ma’ Marsaxlokk. Qatt ma ħsibt fit-tieni post. L-ewwel post minn dejjem kien priorità assoluta.”
Għajnejja jerġgħu jmorru fuq it-tpinġija li għandu kważi ma’ kullimkien. Tegħlibni l-kurżità biex insaqsih kif inhu daqshekk dilettant ta’ xi ħaġa li ħafna nies jistkerrħu bla raġuni.
“Kont bdejt bl-ewwel tattoo meta kont żgħir u llum il-ġurnata ngħid li hi xi ħaġa li togħġobni ħafna. Naħseb li ħa nagħmel aktar. Skond l-aptit li jkolli dak il-mument li nkun quddiem xi ħanut tat-tpinġija. It-tattoos tiegħi kollha għamilthom għax jogħġbu lili u mhux għal ħaddieħor. Nagħtu każ, qatt mhu se nasal li nagħmel xi isem ta’ xi ħadd. Għandi f’moħħi diġà x’se tkun it-tpinġija li jmiss li nagħmel. Kull ħaġa li għamilt f’ħajti dejjem għamiltha għax togħġob lili u mhux għax naħseb li se togħġob lil ħaddieħor. Ma tantx nagħti kas x’jgħid ħaddieħor. Dejjem kelli mentalità li jekk jogħgbok ħares u jekk ma jogħġbokx tħarisx. Mhux se niddejjaq jekk xi ħadd ma togħġbux għax mhux se tgħamilli differenza f’ħajti. Jien ngħix ħajti għalija u mhux għal ħaddieħor.”
U minnufih idawwar ftit idejh ix-xellugija u jurini waħda mill-ħafna li għandu. Disinn mill-isbaħ ftit il-fuq mill-polz jgħid, ‘one life live it’. Issoponejt li dak il-qawl huwa l-motto ta’ ħajtu.
Qabel ma `ltqajt miegħu, tkellimt ma’ persuna waħda midħla tiegħu u għidtlu li kien aċċetta din l-intervista. Mill-ewwel qalli biex insaqsih jekk hux veru dak li jgħidu ħafna li hu l-playboy tat-tim Nazzjonali. Deher maħsud. Jinfaqa’ jidħak kemm jiflaħ.
“Dik jgħiduha mhux għalija biss. Hija l-impressjoni ta’ ħafna. Fl-istorja dejjem idaħħlu wkoll lil Justin Haber, Etienne Barbara u Kevin Sammut. Imma fir-rigward tiegħi naċċertak li kulħadd żbaljat. U fir-rigward ta’ Justin ukoll għax għarus. Il-pika minn dejjem kienet u għadha bejn Kevin Sammut u Etienne Barbara għax naħseb li minn dejjem kienu u jibqgħu jħobbu n-nisa daqs il-futbol. Jien ili ma noħroġ fil-weekend xi ħames ġimgħat. Dejjem id-dar waħdi u safejn naf jien l-ebda mara ma ġiet tħabbatli l-bieb. Ma naħsibx li playboy ikun hekk! Imma hemm ieħor imma mhux se ngħidlek min hu għax joqtolni żgur.”
Insaqsih hux Jamie Pace. Jerġa’ jidħak kemm jiflaħ u jammetti.
Fl-aħħarnett nistaqsih x’se jkun qed jagħmel fil-futur u jekk is-sena d-dieħla għandux pjanijiet oħra barra minn xtutna.
“Il-futur tiegħi għalissa qed nikkonċentrah biss biex nirbaħ il-kampjonat ma’ Marsaxlokk. Imma nixtieq nerġa’ mmur l-Ingilterra u fil-fatt għadni mmur hemm spiss biex nara lill-familja u lil ħbieb. Nixtieq nerġa’ mmur ngħix hemm, għalkemm il-futur huwa mistur. Ħajti ngħixha ġurnata b’ġurnata. Jekk `il quddiem tiġri xi ħaġa li żżomni hawn, nibqa’ hawn. Sakemm inkun kuntent b’ħajti u b’dak li qed nagħmel ma naqta’ qalbi minn xejn.
Hemm xi ħaġa li torbotni ma’ Malta u ma’ l-Ingilterra. Għad irrid nagħżel.
“Li llum wasalt s’hawn ma nistax ma ngħidx grazzi lil ommi u missieri. Dejjem sibthom warajja f’kull ħaġa li għamilt f’ħajti u m’għandiex kliem biex nirringrazzjahom.
Nixtieq ngħid grazzi kbira wkoll lill-partitarji ta’ Marsaxlokk u nħeġġiġhom jibqgħu warajna f’dawn l-aħħar logħbiet kruċjali li fadlilna.
“Fl-aħħarnett ngħid grazzi lill-poplu Malti kollu u nappella li personalment nara l-ħtieġa li l-Maltin għandhom bżonn ikunu ftit aktar kburin b’pajjiżhom. Tal-mistħija kif tara Maltin bi bnadar ta’ pajjiżi oħra jiċċelebraw imbagħad ma tara qatt lil xi ħadd b’bandiera Maltija. Din xi ħaġa li ma nistax għaliha.”
Inqumu u noħorġu `l barra flimkien. Sakemm ħallasna ta’ dak li ħadna, jsib min jawguralu u jagħtih l-awguri għas-suċċess li bħalissa qed jagħmel it-tim Nazzjonali. Fuq wiċċu terġa’ titfaċċa d-diqa u d-dispjaċir li kien nieqes fit-telfa ta’ 1-0 li sofrejna kontra l-Greċja. Ishu kien ċert li bih fid-difiża, ċ-champions ta’ l-Ewropa ma kienu se jiskurjaw qatt. Wiċċ determinat li jagħmel f’Ateni dak li m’għamilx f’Ta’ Qali.
mattard@mediatoday.com.mt
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt