01 ta' April 2007
Twist the world: pittura, fotografija u filugranu
Sylvie Buret-Tcheng, Isabelle Lacour u Kevin Attard huma tliet artisti minn oqsma differenti li ngħaqdu flimkien għal wirja Twist the World minħabba l-varjetà li jistgħu joffru bl-arti tagħhom. Huma jemmnu li tajjeb tħallat forom u stili ta’ arti differenti għax b’hekk hemm ċans tolqot iktar il-gosti tan-nies. Għalkemm iħobbu jaħdmu fuq l-ideat tagħhom xorta lesti jaħdmu fuq talbiet tan-nies.
Il-wirja qed tittella’ fil-GWU Worker’s Memorial Building fil-Belt Valletta u tibqa’ għaddejja sat-30 ta’ April. L-artisti kkummentaw li minkejja l-post hu assoċjat mal-politka u għal din ir-raġuni ċerti nies ma jersqux lejh, iddeċidew li jtellgħu l-wirja hemm għax iħossu li l-post joffri ambjent u riżorsi aħjar minn ħafna postijiet oħra li jintużaw aktar ta’ spiss għall-wirjiet.
Iż-żewġ nisa huma Franċiżi u joqogħdu hawn Malta. Sylvie, li bdiet tpinġi biex tgħaddi l-ħin meta kienet taħdem fuq il-vapuri, saret taħdem bejn astratt u realist li fihom tesplora l-aktar il-figuri.
Isabelle taħdem fuq fotografija. Timmanipula r-ritratti wara li teħodhom li tqisha logħba bħaldaqslikieku qiegħda tpinġi. L-għors tagħha hu li titlaq timxi għal rasha fil-kampanja biex tixrob is-sbuħija tan-natura filwaqt li jkollha ċans taħseb. Tħares lejn l-affarijiet b’ċerta sensibbiltà iżda qatt ma tkun kuntenta b’xogħolha minħabba li hi perfezzjonista.
Kevin għal din il-wirja qed itella’ xogħol ieħor ta’ filugranu bid-differenza li din id-darba wħud mill-biċċiet tiegħu huma maħdumin biċ-ċeramika wkoll.
“Kull materjal li jkolli ċ-ċans nesperimenta bih nieħdu,” qal l-artiġjan, li hu kurjuż f’kull forma ta’ arti. Fil-fatt bħalissa qed jieħu xi lezzjonijiet ta’ tnaqqix fl-injam biex ikompli jesperimenta b’materjali oħra li jkun jista’ jħallathom ukoll mal-filugranu bħalma għamel diġà biċ-ċeramika għal din il-wirja partikulari. Kevin irnexxielu jissaldja l-filugranu fuq iċ-ċeramika mhux biss jorbtu jew iwaħħlu bil-kolla bħalma normalment issib. Infatti l-pendenti tiegħu huma fidda u ċeramika integrati f’biċċa waħda.
Kevin jieħu gost jaħdem ma’ barranin għax iħoss li huma aktar esperimentali u joffru xi ħaġa aktar “mill-istess landscapes”.
Tkellimt ma’ l-artisti barranin dwar x’jaħsbu fuq l-arti f’Malta. Sylvie minnufih weġbitni li hawn artisti tajbin imma l-opportunitajiet għalihom huma ftit.
“Nemmen li għandhom bżonn imorru barra fuq exchanges. Imma ħafna minnhom isibuha diffiċli biex joħolqu networks. Ħasra li uħud mill-artisti mhumiex magħrufin barra,” qalet Sylvie.
Issuġġeriet li misshom isiru wirjiet li jinkludu xogħlijiet minn artisti minn pajjiżi differenti biex imbagħad tibda ddur fil-pajjiż ta’ kull artist. Tħoss il-bżonn ukoll ta’ festival ta’ l-arti li jsir imqar fuq tlitt ijiem biss. Kompliet tgħid kif ħbieb tagħha li jiġu hawn Malta jkunu jridu jixtru rikordju tal-pajjiż li jkun differenti mill-bqija iżda ma jsibux anke jekk ikunu lesti jonfqu iktar. Tħoss in-nuqqas ta’ l-industrija kreattiva li minħabba fiha l-artist mhux jimxi ’l quddiem.
“Jeżisti s-suq ta’ l-antikità. Għaliex m’għandux ikun hawn suq ta’ l-arti li mqar isir darba f’ġimgħa fejn l-artisti juru xogħolhom lit-turisti?” saqsiet Sylvie.
F’Mejju l-istess artisti se jtellgħu wirja oħra fis-Soċjetà ta’ l-Arti u l-Manifattura, il-Belt Valletta bl-isem ta’ Black & White.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt