01 ta' April 2007
Programm biex nindirizzaw il-problemi ta’ mġiba ħażina fost l-istudenti
Nagħmel riferenza għall-artiklu li deher fil-ħarġa ta’ Illum nhar il-Ħadd 18 ta’ Marzu intitolat “Studenti tas-Sekondarja b’imġiba ħażina jintbagħtu fi skola primarja”.
Nibda biex l-ewwelnett ninfurmak li t-titlu magħżul hu skorrett u hu riżultat tan-nuqqas ta’ informazzjoni li kellha l-ġurnalista li kitbet l-artiklu. Li kieku l-ġurnalista tkellmet mal-ko-ordinatriċi tal-Kulleġġ tal-Kottonera kienet tkun taf il-fatti kif inhuma. Diġà kelli l-opportunità nispjega lill-ġurnalista l-fatti u stedintha biex tiltaqa` mal-Ko-ordinatriċi tal-Kulleġġ tal-Kottonera u żżur l-iskejjel u l-Learning Centre biex tara x’qed isir u tifhem aħjar x’qed nagħmlu.
Tajjeb li nispjega ftit x’qed isir biex nindirizzaw il-problemi ta’ imġiba ħażina fl-iskejjel. Apparti dak kollu li jsir fl-iskejjel ta’ kuljum biex titkattar u tkun xprunata l-imġiba tajba u tiġi ssanzjonata l-imġiba ħażina skond il-kodiċi ta’ dixxiplina, il-Gvern qed jaħseb biex ikun hemm sistemi u strutturi li jgħinu lill-istudenti u lill-għalliema meta kull tentattiv ieħor normali ma jkunx qed jagħti l-frott.
Fid-dokument “Biex Uliedna Jirnexxu Ilkoll” dwar ir-riforma fil-qasam ta’ l-edukazzjoni primarja u sekondarja il-Gvern ikkommetta ruħu li joħloq numru ta’ Żoni ta’ Tagħlim (Learning Zones) fl-iskejjel skond il-bżonn u Ċentri ta’ Tagħlim (Learning Centres) fuq bażi ċentralizzata fil-kulleġġi.
Wara li jkun sar kull tentattiv biex l-istudenti konċernati jkunu ddixxiplinati u xorta ma jkunx reġistrat progress, l-istudenti jibdew jattendu fiż-żona ta’ tagħlim fl-istess skola fejn ikollhom programm apposta bl-iskop li jiġu identifikati d-diffukultajiet u jinsabu s-soluzzjonijiet.
F’ċerti każi l-istudenti jinħarġu mill-iskola tagħhom u jibdew jattendu f’ċentru ta’ tagħlim fejn isegwu programm differenti li jkun maħluq għalihom skond il-bżonnijiet tagħhom.
Mhux minnu li l-wegħdiet fil-każ ta’ l-iskola sekondarja msemmija fl-artiklu li tifforma parti mill-Kulleġġ tal-Kottonera ma nżammux. F’Novembru 2006 beda proġett pilota fejn ġew identifikati l-istudenti b’imgiba diffiċli, ġiet irranġata klassi apposta biex tintuża bħala żona ta’ tagħlim, u beda jitmexxa programm minn youth worker ma’
l-istudenti.
Wara li spiċċa ż-żmien ta’ prova, saru diskussjonijiet fl-iskola u l-għalliema stess, flimkien ma’ l-amministrazzjoni ta’
l-iskola, fasslu u qed iwettqu programm għal dawn
l-istudenti li kienu fir-raba’ klassi fl-istess Learning Zone.
Il-programm tkompla u għadu għaddej bħalissa, mhux kif ġie allegat fl-artiklu. Il-youth worker konċernata għalqilha l-kuntratt u ma xtaqitx iġġeddu.
Minbarra l-ħidma ma l-istudenti identifikati, sar seminar ta’ ġurnata għall-għalliema ġodda u l-facilitators f’Jannar minn Educational Psychologist; saru ukoll assemblies (5 b’kollox) speċjali fejn ġew indirizzati l-istudenti kollha bit-tema “X’nista’ nagħmel jien biex nuri l-aħjar tiegħi” mill-Kordinatriċi tal-Kulleġġ u mill-Counsellor ta’ l-iskola; grupp ta’ 16-il studenta ingħataw ittra biex flimkien mal-ġenituri tagħhom jitkellmu mal-Kordinatriċi tal-Kulleġġ dwar l-imġiba ta’ uliedhom fl-iskola, dawn kollha attendew għall-appuntamenti li ngħataw u xi studenti ġew irreferuti lil xi servizzi li jeżistu fid-Dipartiment tal-Edukazzjoni jew dak soċjali minħabba li n-natura ta’ diffikultajiet soċjali li qegħdin jgħixu fihom kienu iebsin ħafna.
Għal seba’ gimgħat intbagħat uffiċjal edukattiv f’din l-iskola biex ikun jista’ jgħin, josserva u għaldaqstant jirrakkomanda x’jista’ jsir aħjar minn kulħadd biex titjieb l-imġiba ta’ kulmin jaħdem f’din l-iskola. Saru wkoll żewġ Professional Development Sessions għall-għalliema kollha biex jissapportjawhom u ser jsir ieħor fit-tielet term; sar seminar ta’ ġurnata fejn l-għalliema u l-facilitators kollha ħadmu fuq case studies. Bħalissa qegħdin isiru preparamenti biex isir in-service course ta’ tlett ijiem biex ukoll jindirizza din il-problema. Altru milli ‘deċiżjoni li ma tagħmlix sens’ jew ‘sitwazzjoni inaċċettabbli’.
Dwar iċ-Ċentru ta’ Tagħlim, tliet studenti li kellhom imġiba diffiċli ħafna nħarġu mill-iskola sekondarja u ġie ppreparat programm intensiv għal dawn l-istudenti f’ċentru li tħejja apposta fil-bini fejn hemm l-ufficcju tal-Kordinatriċi tal-Kulleġġ, Salvina Muscat li jinsab fil-korp ta’ bini fejn hemm ukoll l-iskola primarja.
Ġew identifikati żewġ kmamar u sar dak kollu meħtieġ biex waħda ssir għat-tagħlim formali u l-oħra tkun klassi għall-programm prattiku.
Għalkemm dawn jinsabu fil-korp ta’ bini ta’ l-iskola primarja, il-klassijiet huma maqtugħin mill-iskola primarja u għandhom ukoll dħul separat. Fil-fatt dawn il-klassijiet qegħdin ma’ l-uffiċju tal-Kordinatriċi tal-Kulleġġ.
Fl-ebda ħin dawn l-istudenti ma’ jiġu f’xi kuntatt ma’ studenti oħra għaliex il-ħin tad-dħul u ħruġ hu differenti għal kollox.
Il-program qed jitmexxa minn żewġ għalliema full-time li għandhom esperjenza kbira ma’ studenti b’imġiba diffiċli.
Youth Worker oħra qed taħdem ma’ dawn l-istudenti għal tliet sigħat fil-ġimgħa filwaqt li l-għalliema tal-Guidance mill-iskola u l-Counsellor jaħdmu wkoll ma’ dawn l-istudenti.
Minbarra dan, il-ġenituri ltaqgħu ma’ l-għalliema u l-professjonisti li qed jaħdmu ma l-istudenti u attendew ukoll għal Parents’ Day. L-għalliema qegħdin f’kuntatt dirett mal-ġenituri ta’ dawn l-istudenti.
Minkejja d-difikultajiet li seta’ kien hemm u minkejja li dan hu qasam delikat u kumpless, qed jittieħdu inizjattivi innovattivi biex l-imġiba ta’ l-istudenti titjieb u l-għalliema jkunu preparati aħjar biex joffru programm edukattiv li ma jħalli lil ħadd barra.
L-esperjenza ta’ dawn il-ftit xhur hi waħda pożittiva ferm u jidher li sar progress sodisfaċenti f’dawn l-istudenti u qed isir programm ta’ tħejjija biex dawn l-istudenti jkunu jistgħu jiġu ntegrati lura fl-iskola bil-mod il-mod.
Naturalment din l-esperjenza hi proġett pilota u dawk kollha nvoluti jridu jpoġġu madwar mejda biex filwaqt li ssir evalwazzjoni ta’ din il-ħidma, jsir ukoll programm ta’ azzjoni għas-sena li ġejja. Filwaqt li hu tajjeb li jkun hemm kritika kostruttiva din għandha tkun ibbażata fuq il-fatti u meħuda fil-kuntest tar-realtajiet li għandhom dawn l-iskejjel.
Il-President ta’ l-MUT hu infurmat b’mod sħiħ dwar il-miżuri kollha li qed jittieħdu u dawk kontemplati biex l-edukazzjoni f’pajjiżna tkompli tissaħħaħ u titjieb.
Claude Sciberras
Ko-ordinatur
tal- komunikazzjoni
Ministeru ta’ l-Edukazzjoni
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt