01 ta' April 2007 • Nr 22

Arkivji




 

 

 

01 ta' April 2007
Il-mixja lejn il-ħelsien

Julia Farrugia tintervista lil Ġorġ Agius, 28 sena wara Jum il-Ħelsien

Fl-età ta’ kważi 83 sena Ġorġ Agius hu l-bniedem li bħal bieraħ 28 sena ilu, flimkien mal-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Dom Mintoff, tela’ fuq l-Għolja tal-Ħelsien f’ċerimonja simbolika li fakkret it-tluq ta’ l-Ingliżi minn Malta.
B’id waħda msallba fuq qaddu u bl-id l-oħra mgħollija ’l fuq biex jirraġuna Agius hu minjiera ta’ informazzjoni. Għall-età tiegħu Ġorġ Agius hu bniedem kolt. Li jolqotni fih hu li Ġorġ hu anzjan differenti. Hu anzjan b’rispett lejn il-ġrajjiet ta’ l-imgħoddi imma ma jitkaxkarx mill-passjoni żejda. Saqajh ma’ l-art Agius aġġorna ruħu għaż-żminijiet u l-ħajja moderna ta’ llum u jitkellem bil-qies anke fuq punti kruċjali.
Għal żmien twil Ġorġ Agius kien Segretarju Ġenerali tal-General Worker’s Union u ambaxxatur għal disa’ pajjiżi f’isem pajjiżna u kellu sehem qawwi f’numru ta’ deċiżjonijiet u sfidi li sawru l-istorja Maltija.
Nitolbu jġib quddiem għajnejh il-31 ta’ Marzu 1979. Ġorġ jilgħab għal ftit b’biċċa tissue mrembla li għandu f’idejh. “Konna Kastilja. Ġie Mintoff u qalli: qis li tiġi b’libsa sewda ħa titla’ miegħi fuq il-monument inpoġġu l-fjuri u nixegħlu t-torċa.”
“Ħadt ħafna pjaċir imma għidtlu: ‘Mhux aħjar titla’ int? Int il-perit u int il-Prim Ministru.”
Mintoff insista u dakinhar tal-31 ta’ Marzu t-tnejn li huma erħewlha għall-mument mistenni. Bħal donnu qed jerġa’ jara l-ġrajja sseħħ quddiemu Ġorġ jitbissem u b’leħnu issa mifqugħ bid-daħk jgħidli: “Mela fuq l-Għolja kont se naqa’ u kont se nagħmel waħda tinkiteb!”
L-organizzaturi ħadu ħsieb jagħmlu erba’ tarġiet ta’ l-injam imma l-Prim Ministru rreżista u nsista li ma jridhomx.
“Ried jitla’ bilfors mal-blat. U dak il-blat veru selvaġġ! Jien bdejt tiela’ wara Mintoff. Hu ħa l-aħjar biċċa. Ħeqq, jien għamilt sforz biex ma naqax għax minħabba x-xita li għamlet l-art kienet sapun biż-żlieq. Iżda f’ħin minnhom kważi waqajt għal isfel tant li anki fil-filmati ta’ l-aħbarijiet ġejt nidher.”
Ġorġ bil-ħlewwa jirrakkonta x’ġara wara. “X’ħin wara li spiċċa kollox għidt lil Mintoff x’ġara dan bis-soltu ton tiegħu qalli: ‘U intom kollox tgħaġġbu. Jien ma tlajtx?’”
F’għajnejn l-anzjan nara sens ta’ passjoni f’dak li jgħid imma mhix dik il-passjoni mniġġsa bil-fanatiżmu żejjed. Nistaqsieh fuq l-emozzjonijiet li ħass dakinhar fil-kuntest ta’ Malta issa ħielsa minn kull tmexxija tal-barrani. It-tweġiba m’għandhiex kantunieri.
“Jien bniedem kalm. Ma nemozzjonax ruħi ħafna. Avveniment ikun xi jkun ma nibqax nhewden fuqu. Jien dakinhar irrappreżentajt lill-ħaddiema kollha Maltin li għamlu sagrifiċċju kbir. Tinsiex li bejn l-1971 u l-1979 kien għad hemm 8,000 Malti jaħdmu ma’ l-Ingliżi.”
Dan il-fattur kien wieħed importanti ħafna. Bħal kull kap ta’ trade union trid tara kif bid-deċiżjonijiet jew il-passi li jittieħdu ssir l-anqas ħsara possibbli għall-ħobża tal-ħaddiema. Din it-tip ta’ pressjoni kienet hemm.
“Mabel Strickland kienet iġġib avviżi sħaħ fil-gazzetta. Ta’ sikwit kienet issir mistoqsija diretta lilna: Ġorġ Agius u Mintoff minn fejn se jitimgħu 8,000 ruħ?”
“Imma Mintoff għamel ftehim tajjeb ma’ l-Ingliżi. Il-pjan kien mifrux fuq seba’ snin mhux bħal-lum, 600 ħaddiem jitkeċċew f’daqqa f’ġurnata waħda.”
Agius isemmi kif wara li għaddiet din il-fażi Mabel ċemplitlu u qaltlu biex jgħaddi messaġġ lil Mintoff li hi kienet kuntenta bl-affarijiet kif saru.”
Lura għar-rakkonti tal-Ħelsien, Ġorġ jitkellem dwar it-tluq ta’ l-aħħar bastiment u l-aħħar ajruplan Ingliż minn Malta.
“Anton Buttigieg il-President ta’ Malta, ħadni miegħu l-Barrakka ta’ Isfel. Il-baħrin kienu jafu li se jkun hemm il-President u s-Segretarju Ġenerali u bdew ixejrulna u jniżżlu l-bnadar. L-ajruplan tbaxxa ’l isfel…tant fil-baxx li beda jtir fuq l-HMS London. Għalija dak il-mument kien sabiħ ħafna. Sabiħ daqs it-tlugħ tal-bandiera.”
Ir-raġuni hi waħda. Ġorġ sa minn meta kellu 17-il sena kien jaħdem ma’ l-Ingliżi. Kien daħal bħala apprentist id-Dockyard. “Tkun ħdimt kuljum magħhom u imbagħad jitilqu hi sensazzjoni partikolari ħafna. Nista’ ngħid li għext il-bidu u t-tmiem ta’ era.”
Bħala trejdjunista Agius jargumenta li “ra lil Malta tinbidel. F’dak iż-żmien tfajla li kienet taħdem ir-Wrangler kienet taqla’ Lm2.50 fil-ġimgħa u Lm2 fil-ġimgħa production bonus. Dik aħna, sa l-1979, il-paga telgħet għal Lm18 fil-ġimgħa minbarra l-bonus.”
Agius jirrakkonta episodji partikolari fosthom dwar l-uniku darba li ra lil Mintoff sieket anki jekk quddiemu tpoġġietlu problema kbira. ’Il bogħod minn ċertu għajjat li forsi wieħed normalment jassoċja lill-eks Prim Ministru Malti miegħu f’jum partikolari l-istorja kienet differenti: il-kwistjoni taż-żejt.
“Meta għola ż-żejt fl-1973 ċempilli l-Manager tas-Shell u qalli Ġorġ nixtiequ niġu nkellmuk.”
“Bejni u bejni ruħi għidt li żgur inqala’ xi ħaġa kbira għax qatt ma ġew kollha f’daqqa. Ġie mal-manager ta’ l-Esso u ma’ tal-British Petroleum.” Wara xi nofs siegħa ġew u qaluli li għandhom aħbar ħażina u li ġew għandi biex inwassalhom quddiem Mintoff.
“Mintoff kien jidħol xi 10.30am. Imma ftit wara qalli biex immur għandu Kastilja bit-tliet rappreżentanti.
“Mintoff qagħad il-ħin kollu idejh ma’ wiċċu. Qagħad jisma’ biss. Xejn għajjat.”
F’dak is-silenzju Duminku Mintoff kien qed ifassal pjan. Ġorġ Agius ikompli: “Mintoff dar fuq Sonny Attard tax-Shell u qallu: ‘Int responsabbli biex timxi bl-operation. Trid tara li postijiet bħall-ajruport jibqgħu mexjin.’
“Imbagħad Mintoff dar fuq it-tnejn l-oħra u talabhom inventarju ta’ kull ħaġa li kellhom biex ix-Shell tidħol għalihom hi.”
Mintoff għalaq dawn iż-żewġ kumpaniji bil-pulit. Sadattant il-mexxej Laburista beda jfassal kif se tinħoloq l-Enemalta.
Agius jiddeskrivi lil Mintoff bħala bniedem ta’ klassi għalih fejn għandu x’jaqsam il-kuntatti madwar id-dinja. “Għamel kuntatti mal-Kuwajt, mas-Saudi. Daħal hu dirett biex jixtri l-provvisti taż-żejt u b’hekk ġab l-aħjar prezzijiet.”
Agius ikompli jiddeskrivi l-kuntatti ta’ Mintoff barra minn Malta. “Għal ħafna nies barranin Mintoff kien beacon of light (sinjal kbir ta’ dawl). Kien ta’ klassi anki fil-ftehim li għamel ma’ l-Ingliżi.”
Nistaqsieh x’jaħseb dwar il-ħelsien fil-kuntest tad-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. “Il-Ħelsien għalija hu akbar mid-dħul ta’ Malta fl-UE, għax personalment trabbejt kif trabbejt.
“ Fl-Unjoni Ewropea jien nara ċerta stabbiltà u ordni li tgħin lill-pajjiż jimxi ’l quddiem. Hi xi ħaġa pożittiva. Iżda s-sovranità tal-pajjiż issa xxellfet.”
U x-xewqat li għandu? “Li nara politikanti bravi u onesti.” Nistaqsieh x’relazzjoni għad għandu ma’ l-eks Prim Ministru Malti. Jaħsibha għal ftit ħin imbagħad it-tweġiba. “Xahar ilu Mintoff bagħat għalija. Iridna nagħtu spinta mill-ġdid lill-Għaqda tas-Sammaritani.”
Nistħajjel grupp ta’ ħbieb antiki li jgħaddi kemm jgħaddi żmien minn fuqhom jibqgħu okkupati u rrankati bir-ritmu ta’ qabel. L-anzjan għandu xi ħaġa li tolqtok. Il-ftit tikmix li għandu fuq moħħu tistħajjilhom raddi li jirrappreżentaw il-ħidma bieżla tul is-snin. F’dan il-każ anki jekk b’mod figurattiv, din il-frażi tapplika bis-sħiħ
.

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt