01 ta' April 2007 • Nr 22

Arkivji




 

 

 

01 ta' April 2007
Qisu qed jeħodha biċ-ċajt

Possibbli li l-Gvern għadu ma ndunax li daħħal lill-pajjiżna fl-Unjoni Ewropea?
Skużawni jekk nistaqsi hekk imma tant ili nisma’ fuq azzjonijiet li l-Kummissjoni Ewropea qed tieħu kontrih għax mhux qed josserva l-liġijiet Ewropej, li qed jiġini dubju.
Dawn huma twissijiet fuq affarijiet fid-deher. Min jaf kemm hemm affarijiet oħra fejn fuq il-karta jidher li kollox sew imma fir-realtà mhux qed issir implimentazzjoni.
Nieħdu l-eżempju tat-taxxa tar-reġistrazzjoni tal-karozzi. Il-Kummissjoni Ewropea għadha kif wissiet lill-Gvern Malti biex jirranġa l-parti fejn hemm diskriminazzjoni bejn karozza wżata mixtrija minn Malta u karozza użata mixtrija minn pajjiż ieħor Ewropew. Aktar minn hekk, ferm aktar importanti, il-Gvern qed ikun imwissi li m’hemmx trasparenza fil-mod kif l-Awtorità dwar it-Trasport (ADT) tiddeċiedi kif u kemm tistma l-karozza tiegħek għal finijiet ta’ taxxa.
Imma din hi l-inqas mill-problemi li għandu l-Gvern dwar dan il-qasam.
Il-verità hi li s-sistema tat-taxxa tar-reġistrazzjoni tal-karozzi f’Malta tmur kontra l-prinċipji Ewropej. Il-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew qed jipproponu li din it-taxxa tinbidel mill-qiegħ fil-pajjiżi kollha Ewropej inkluż f’Malta. Il-Gvern Malti hu wieħed minn dawk li qed jirreżisti din il-bidla minflok jaqbad u jieħu din l-okkażjoni biex idaħħal sistema ġdida fuq medda ta’ ftit snin.
Għax il-Gvern qisu qed jieħu din il-kwistjoni biċ-ċajt u qed ikaxkar saqajh.
Is-sistema l-ġdida hi msejsa fuq dawn il-prinċipji:
1. Titneħħa t-taxxa tar-reġistrazzjoni.
2. Tiddaħħal kontribuzzjoni ambjentali ta’ kull sena ibbażata fuq kemm tkun kbira u tniġġes il-magna tal-karozza. Aktar ma jkollok karozza żgħira u ma tniġġisx, anqas tħallas taxxa.
3. Tiddaħħal sistema ta’ rifużjoni pro-rata għal min ikun diġà ħallas it-taxxa tar-reġistrazzjoni jew ikunu eżentati mill-kontribuzzjoni l-ġdida.

X’ inhuma l-vantaġġi?
1. Il-prezz biex konsumatur jixtri karozza jsir irħas u aktar aċċessibbli għal dawk l-aktar batuti fis-soċjetà.
2. Jonqos il-bżonn ta’ self mill-banek u ħlasijiet ta’ mgħaxijiet żejda biex persuna tixtri karozza.
3. Aktar trasparenza fil-prezzijiet għall-konsumaturi li jkunu jistgħu jqabblu u jagħżlu minn fejn jixtru karozza.
4. Aktar għażla minn fejn wieħed jixtri.
5. Inkoraġġiment biex persuna tixtri karozza li ma tniġġisx għax dan ikun ifisser inqas taxxi.
6. Inċentiv biex jitbiddlu karozzi qodma li jniġġsu ma’ oħrajn li jagħmlu inqas ħsara għall-ambjent.
7. Fuq medda ta’ snin (medium-term) din il-bidla ma tħallix effett negattiv fuq id-dħul tal-Gvern imma tħalli mpatt pożittiv fuq il-konsumaturi u l-ambjent.

L-argument li qed iġib il-Gvern Malti biex jirreżisti din il-bidla hi li f’pajjiżna diġà għandna ħafna karozzi. Insostni li bidla fis-sistema twassal biex ikun hemm titjib fil-flotta ta’ karozzi fit-toroq tagħna aktar milli sempliċiment tiżdied. Dan iħalli effett pożittiv għall-ambjent u s-siġurtà.
Li żġur għandu jsir mill-ewwel hu li l-Gvern u l-ADT jkunu aktar trasparenti għall-konsumaturi, mingħajr tidwir kontinwu fil-pożizzjonijiet. Ftit tax-xhur ilu għent lil xi emigranti li kienu ġejjin lura Malta biex iġibu każ quddiem l-Ombudsman, li eventwalment rebħu, għax fl-Ambaxxata Maltija f’Londra qalulhom li meta jirritornaw Malta se jħallsu taxxa mod u meta waslu f’ pajjiżna sabu kont li sabbathom ma’ l-art.
Il-parir lill-Gvern preżenti u kull Gvern tal-futur hu wieħed: ejja nibdew bidla sensata u bil-mod qabel ma’ din tiġi mposta b’ mod mgħaġġel minn ħaddieħor.
PS: Din mhux ċajta ta’ l-Ewwel ta’ April.

Joseph Muscat hu Membru Parlamentari Ewropew mal-Grupp
tas-Soċjalisti.

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt