01 ta' April 2007 • Nr 22

Arkivji




 

 

 

01 ta' April 2007
Il-Partit tal-Ħelsien

Bil-pubblikazzjoni tal-ktieb ta’ uħud mill-memorji importanti fil-karriera politika ta’ Lino Spiteri reġgħu tqanqlu avvenimenti ta’ l-istorja politika riċenti.
Il-ktieb tiegħu hu wkoll xhieda oħra ta’ kif nagħmlu jew inħaddmu l-politika f’pajjiżna. Xhieda ta’ kemm dan il-poplu għad għandu f’moħħu mentalità kolonjalista li biex iwettaq dak li jixtieq irid jara ma’ min se jorbot l-ankri, ifittex il-kenn tal-parrinu għal għonq it-triq jew ibaxxi rasu għar-rieda ta’ min hu iktar b’saħħtu.
Jekk l-Indipendenza fl-1964 ġabitilna l-libertà politika u l-Ħelsien fl-1979 issiġilla l-firda tar-rabta tal-poplu tagħna mal-barrani anki fuq livell ekonomiku, b’danakollu b’rajna f’idejna xorta waħda mlejna l-vojt li ħalla l-barrani billi ħloqna spazju biex tirrenja d-dominanza tal-partiti politiċi.
Xhieda ta’ dan hi t-tbatija morali, materjali u psikoloġika li għadda minnha ċ-ċittadin meta biex igawdi drittijietu kellu jissottometti ruħu għal klijenteliżmu, nepotiżmu, lagħqiżmu u kull xorta ta’ servitù oħra biex jakkwista dak li taħt ċirkostanza normali u ċivili hu tiegħu bi dritt.
Fortunatament illum nistgħu ngħidu li din kienet fażi fl-evoluzzjoni ta’ kif nagħmlu l-politika. Mhux għax l-effetti u l-konsegwenzi ta’ dawk iż-żminijiet inqerdu għal kollox!
Jista’ jkun li x-xejriet u l-modi ta’ l-isfruttament tal-politika partiġjana tal-lum huma differenti minn ta’ l-imgħoddi imma xorta waħda għadhom fostna. B’xorti tajba iżda d-doża m’għadhiex daqstant qawwija u jekk il-politiċi kienu jistennew il-fiduċja inkundizzjonata ta’ l-elettorat biex isaħħu l-poter tagħhom, iktar ma jgħaddi ż-żmien iktar ċittadini qed juru li fiduċja inkundizzjonata ma jagħtu lil ħadd u l-politiċi jridu jagħtu widen taċ-ċittadin billi jkunu ta’ servizz lejn il-pajjiż u mhux biss lejn min jista’ jivvotalhom biex jibqgħu igawdu l-privileġġ ta’ l-immunità Parlamentari.
L-impatt tal-globalizzazzjoni dinjija fuq l-ekonomija nazzjonali; l-iżvilupp mgħaġġel fit-teknoloġija ta’ l-informazzjoni; l-impatt tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea; il-kuxjenza internazzjonali favur l-istabbiltà politika u s-sigurtà; id-dipendenza qawwija fuq il-mezzi ta’ komunikazzjoni, huma kollha fatturi li affettwaw biex bidlu l-istil ta’ kif titwettaq fil-prattika l-ideoloġija politika.
Iżda mhux dan biss. Fuq in-naħa l-oħra l-elettorat ukoll immatura u l-perċezzjoni tiegħu tal-politiku nbidlet drastikament. Għaċ-ċittadin il-vot jew id-dritt tal-vot ma baqax ifisser biss espressjoni ta’ appoġġ lejn il-kandidat li jxejjer il-bandiera tal-partit imma sar ifisser ukoll id-dritt ta’ għażla ta’ prinċipji fundamentali u stil tat-tmexxija li jista’ jwassal għal-livell ta’ għixien aħjar.
Donnu l-pragmatiżmu sar iktar importanti mill-ideoloġija u għaldaqstant ma jgħoddx xi jwiegħed il-politiku imma kemm l-istess politiku għandu l-ħila u l-kompetenza li mid-diskors jgħaddi għall-fatti u fil-mument tal-prova jipprova lilu nnifsu.
L-inkonsistenza jew il-varjazzjonijiet fix-xejriet tar-riżultati elettorali jixhdu dan il-fenomenu. Min ibiddel l-alleanzi m’għadux meqjus bħala pinnur imma hu kunsidrat bħala moħħ miftuħ li jagħraf l-iswed mill-abjad ġej minn fejn ġej. Din l-evoluzzjoni ta’ l-imġiba tal-politiku u ta’ l-elettorat kienet evidenti kemm fl-aħħar elezzjoni ġenerali kif ukoll f’kull elezzjoni lokali li saret minn dak in-nhar sal-lum. Jien ngħid li prova iktar ċara għad trid toħroġ fl-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Fil-logħba tal-futbol, għalkemm ir-regolamenti tal-logħba jibqgħu essenzjalment l-istess, dawn ukoll jiġu emendati minn żmien għal żmien, iżda it-tattika, l-istrateġija u r-riżultati jinbidlu kemm-il darba jiddaħħlu prattiċi ġodda mill-kowċ, jinbidlu l-plejers u l-appoġġ tas-supporters jieħu xejra differenti. L-istess jiġri fil-logħba politika. Għalkemm ir-regoli tad-demokrazija jibqgħu dawk li huma, iżda l-protagonisti, il-partiti politiċi, il-kandidati u l-eletturi jistgħu jbiddlu s-sistema ta’ kif titħaddem il-politika.
F’dan il-kuntest fix-xena lokali qed tinbet l-idea li jitwaqqaf partit ġdid b’ideat ġodda u bil-ħsieb li jservi ħalli l-ewwel ibiddel is-sistema politika kif nafuha llum biex effettivament tinqered il-mentalità kolonjalista moderna fejn il-ħakkiem hu l-partit politiku.
‘Ninħtieġu Partit tal-Ħelsien’, sostna dan l-aħħar Josie Muscat. Ħelsien mis-sistema politika antikwata fejn mhux il-makkinarju tal-partit jimmanipula l-ħsieb ħieles taċ-ċittadin imma jkun iċ-ċittadin innifsu li jfassal l-aġenda li fuqha jrid iservi l-partit.
Meta wieħed iqis iż-żmien li baqa’ biex tissejjaħ elezzjoni ġenerali u l-klima politika li kulma tmur qegħda tirranka, ikun diffiċli li wieħed jasal biex jgħid li l-possibbiltà li din il-ħolma ta’ bidla fis-sistema politika ssir realtà. Mill-banda l-oħra l-għatx għal bidla mis-sistema preżenti ta’ alternanza governattiva bejn żewġ partiti kbar qiegħed jinħass dejjem aktar.
Għalhekk forsi wieħed jista’ jikkonkludi li l-pass li qed jieħu Josie u sħabu hu kuraġġuż u ambizzjuż u għalkemm diffiċli, mhux impossibbli. Partit ġdid, anki jekk ikun fil-bidu żgħir imma b’saħħtu, se jħalli dejjem impatt fuq is-sistema. Hi kwistjoni ta’ kemm se jikseb kredibbiltà fost l-elettorat.
Jekk dan il-partit se jagħti sens ta’ direzzjoni ġdida, b’viżjoni fit-tul għal pajjiżna u b’nies li kapaċi jwasslu l-vapur sal-port allura l-partiti l-kbar ikollhom għalfejn iħabblu rashom.
Partit li jiggarantixxi l-ħelsien mill-irbit tal-politika partiġjana tradizzjonali żgur li hu meħtieġ. Iżda l-elettorat jaqta’ xewqtu jekk il-kowċ, il-plejers u l-partitarji tat-tim il-ġdid ikunu kapaċi jilqgħu l-isfidi ta’ quddiemhom.
B’hekk biss jinkisbu r-rebħiet. Biex nibqgħu niksbu riżultati ta’ telfiet allura jkun aħjar nibqgħu kif aħna u nagħmlu attentat ieħor fil-mument opportun!

matyas@maltanet.net

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt