01 ta' April 2007 • Nr 22

Arkivji




 

 

 

01 ta' April 2007
Newtralità attiva

Lil hinn mill-kuntest storiku ta’ Jum il-Ħelsien li għal ħafna nies li m’għexux l-esperjenza ma jfisser xejn għajr btala pubblika, iċ-ċelebrazzjoni tal-bieraħ għandha sservi biex niftħu dibattitu fuq in-newtralità ta’ pajjiżna.
Kienu ċ-ċirkostanzi politiċi diffiċli fl-aħħar tas-snin Tmenin li wasslu biex il-klawsola tan-newtralità u n-non-alinjament tidħol fil-Kostituzzjoni, kważi b’rikatt biex setgħet titbiddel is-sistema elettorali. Ma kienx l-aħjar mod kif dan il-qafas ewlieni tal-politika barranija ta’ dan il-pajjiż jiddaħħal fil-Kostituzzjoni.
Minn dak iż-żmien lil hawn inbidlu ħafna affarijiet fid-dinja u hemm xettiċiżmu ġenwin li l-klawsoli kif approvati mill-Parlament Malti fl-1987 m’għadx għandhom rilevanza
għaċ-ċirkustanzi tal-lum.
Nemmnu li fil-kuntest ta’ pajjiż żgħir li mhu ta’ theddida għal ħadd, u qatt ma’ jista’ jkun, in-newtralità għad għandha rilevanza kbira. Iżda jkun żball jekk in-newtralità titħaddem b’mod passiv li xxekkilna milli nieħdu pożizzjonijiet jew azzjonijiet kontra xi ħadd.
Il-konflitt imdemmi fil-Bosnija
fid-Disgħinijiet u l-ġenoċidji li seħħew kontra l-popolazzjoni Musulmana kienu qanqlu dibattitu serju anki fost dawk li minn dejjem emmnu f’politika paċifista bħall-Ħodor Ġermaniżi. Il-mistoqsija li staqsew dawn it-talin u oħrajn kienet sempliċi: quddiem dawn l-atroċitajiet nistgħu nibqgħu passivi?
Nemmnu li biex pajjiżna jkun rilevanti għandu jaddotta l-kunċett ta’ newtralità attiva li tfittex sa l-aħħar mument soluzzjoni paċifika u negozjata
għall-konflitti li jistgħu jinqalgħu iżda b’moħħ miftuħ tħalli l-bieb imbexxaq biex fejn ifalli d-diskors għandha tkun l-azzjoni li tirrimedja.
Pajjiżna jista’ jilgħab ir-rwol ta’ medjatur f’ċerti konflitti fir-reġjun tal-Mediterran anki billi jospita diskussjonijiet internazzjonali li jwasslu għal soluzzjonijiet. Iċ-ċokon tagħna f’kuntest bħal dan jaħdem favurina.
L-identità Ewropea tagħna magħġuna kif inhi ma’ l-għeruq Għarab ukoll tagħmilna pajjiż ideali biex iservi ta’ punt ta’ riferenza għar-reġjun Mediterranju.
Iżda nemmnu wkoll li Malta, fil-limiti tagħha, għandha tilgħab rwol attiv fejn jidħlu missjonijiet ta’ paċi b’mandat tan-Nazzjonijiet Uniti.
Fuq linji simili għal dawk imħaddma minn pajjiżi newtrali oħra bħan-Norveġja u l-Isvezja, Malta tista’ tagħmel ħafna iktar biex in-newtralità tagħha tkun waħda attiva.

Il-kummiedja tissokta
L-aħħar proposta tal-Ministru George Pullicino biex il-kaċċaturi u tal-Birdlife flimkien jgħoddu l-għasafar li jpassu minn fuq Malta biex isir studju qisha xi ċajta ta’ l-Ewwel ta’ April. Forsi Pullicino jixtieq li ismu jitniżżel fil-lista ta’ dawk li rebħu l-Premju Nobel għall-Paċi bħala dak li jkun irnexxielu jġib il-paċi bejn
il-kaċċaturi u l-ambjentalisti!
Il-Birdlife qatt ma setgħet taċċetta proposta bħal din u Pullicino m’għandux għalfejn iħossu sorpriż b’din l-imġiba.
Il-Gvern donnu qed jipprova jagħmel minn kollox biex jiġġustifika l-pożizzjoni tiegħu favur il-ftuħ ta’ l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa u biex jipprova jagħti ftit kredibbiltà lill-azzjonijiet tiegħu ittanta jdaħħal il-Birdlife fin-nassa.
Hu ta’ xejn li Pullicino jipprova jagħmilha tal-miskin maqbud bejn żewġ estremi – il-kaċċaturi u l-ambjentalisti – għax anki jekk tal-Birdlife ma jiħdux pożizzjoni kontra l-kaċċa fir-rebbiegħa, id-diffikultà tal-Gvern hi mal-Kummissjoni Ewropea.
Hemm regoli ċari Ewropej li ma jippermettux li ssir il-kaċċa fir-rebbiegħa u hemm raġunijiet validi għalfejn
fl-Ewropa hemm qbil dwar dan.
Issa l-Gvern jrid jiddeċiedi jekk hux beħsiebu jitlob sagrifiċċju mill-bqija
tal-Maltin li mhumiex kaċċaturi ħalli mit-taxxi tagħhom jitħallsu l-multi li pajjiżna jista’ jeħel jekk jinstab ħati quddiem il-Qorti Ewropea għall-Ġustizzja. Jekk il-Gvern ma jara xejn ħażin f’li pajjiżna jħallas miljuni ta’ ewro biex il-kaċċaturi jkomplu jisparaw fir-rebbiegħa allura aħjar ikun ċar mal-bqija tan-nies.
Pullicino jrid jiddeċiedi: jew vi jew va. Imma ma jistax jogħġob lil Alla u
lix-xitan fl-istess ħin.

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt