Imn’Alla jkunu l-ittri li kultant nirċievi minn Malta biex inderri ftit.
Għalkemm ili hawn dawn is-snin kollha bqajt nitqalleb f’soddti ta’ kull lejla għax ma nistax nidra b’xejn ’il bogħod mill-familja tiegħi u minn art twelidi. Malta nibqa’ nħobbha u jistgħu jgħidu kemm iridu li kont immaqdarha u nagħtiha mill-agħar. Nammetti li kont aħrax fi kliemi u f’kitbieti fil-konfront ta’ art twelidi imma dan kollu sforz kemm xtaqt li Malta tkun aħjar. Illum jgħidu li raw lil Malta tinbidel tant li m’għadhiex tingħaraf minn kif kienet, mhux minn 90 sena ilu kif ħallejtha jien, imma anki minn 10, 20 sena ilu. Minn dak li jiktbuli sħabi minn Malta jista’ jkun li mill-qoxra Malta m’għadhiex tintgħaraf minn kif nafha jien. Imma milli jidher u milli nisma’, għall-inqas f’ċerti affarijiet, jgħaddi kemm jgħaddi ż-żmien, il-Maltin ma jinbidlux u jibqgħu l-istess għal dejjem ta’ dejjem. Mela ftit tal-ġranet ilu kitibli sieħbi Salvu tax-Xirka ta’ l-Imdawlin li jgħix f’raħal fin-naħa t’isfel ta’ Malta. Il-kunsill lokali tar-raħal tiegħu fettillu jħawwel numru ta’ siġar bħala tifkira ta’ xi żgħażagħ li tilfu ħajjithom meta splodiet kamra tan-nar. F’dan ir-raħal daqs nitfa tant hemm min jara kbir li għal festa waħda għandu tnejn u biex tkompli tgħaxxaqha t-tnejn li huma ta’ Sidtna Marija.
Il-pika u l-firda li hemm bejn iż-żewġ partiti tal-festi tant hi kbira li saħansitra kien hemm min wasal biex b’vendikazzjoni jaqla’ s-siġar li tħawwlu b’tifkira ta’ dawn l-imsejknin żgħażagħ. Patri tfilju spirtu s-santu, ara xi vġejjel dawn f’Malta tal-millennju l-ġdid? Kienu jħawduni dawn l-affarijiet fi żmien meta f’Malta kien hemm il-ħafa, l-għaks u dik il-miżerja kollha, aħseb u ara llum f’Malta li suppost avvanzat tant fl-era ta’ l-informatika.
Darba fost l-oħrajn kont għaddej mill-belt ta’ Pinto, ir-raħal ta’ Ħal Qormi u għandu jkun kien diġà daqq nofsinhar għax ta’ bla ħsieb spiċċajt kelli nistkenn wara ħasira meta nqalgħet ġlieda nfernali bejn partitarji rivali tal-festi u tgħidx kemm għolew fliexken mal-għajjat invażat ta’ ‘viva San Ġorġ’ u ‘viva San Bastjan’. Tant kont iddiżġustat b’dak li rajt għaddej quddiem għajnejja li mingħajr ma ridt bdejt ingemgem minn taħt l-ilsien ‘viva dejjem għax aħna bhejjem’.
Kull bniedem hu l-prodott ta’ żmienu u ta’ l-ambjent li jitrabba u jgħix fih. Jekk il-kundizzjonijiet tal-għixien ikunu fix-xifer u fl-estremitajiet, anki l-politka b’mod naturali tispiċċa tmur għall-estrem. Malta ta’ żmieni f’dak il-faqar kollu, kif stajt ma nkunx aħrax fi kliemi u f’kitbieti fil-Bandiera tal-Maltin kontra l-ħakkiema Ingliżi u l-lagħqa tagħhom f’Malta u kontra dawk il-monsinjuri li kienu japprofittaw irwieħhom mit-tjubija u mill-injoranza ta’ ħuti l-Maltin? Naf li dalgħodu nista’ qed ninstema li qed niġġustifika lili nnifsi imma x’tagħmel? Jista’ jkun li sinjal li qed tagħmel tagħha x-xjuħija.
Ta’ rivoluzzjonarju li kont u nittama li għadni, kulfejn nisma’ bil-kelma ‘rivoluzzjoni’ jew ‘rivoluzzjonarju’ ninġibed mill-ewwel bħal kalamita. Hekk kif waslitli l-aħbar minn Malta permezz tas-sit elettroniku Maltarightnow li se jkun hemm “sistema rivoluzzjonarja għall-ikel fil-Mater Dei”, tgħidx kif qamli ġismi xewk xewk u mill-qiegħ tad-dipressjoni li taħkimni f’din l-art tal-farugħni, f’kemm ili ngħidlek tlajt tassew fil-għoli ta’ l-ispirtu rivoluzzjonarju. Sakemm ittendejt li kienet ferħa bla temma u milli ħsibt ma kien hemm xejn. Kienu qed jitkellmu fuq l-ikel tal-famuż sptar li suppost se jinfetaħ meta xi ras kbira f’Malta se tagħlaq sninha. Bdejt ngħid bejni u bejn ruħi, forsi se jdoqqu l-innu tal-Bandiera Rossa jew il-Bella Ciao waqt it-tqassim ta’ l-ikel. Inkella forsi se jiftħu xi fergħa tal-McDonalds jew il-Pizza Hut fl-isptar? Fl-aħħar tal-ġurnata ’l hekk imsejħa ‘rivoluzzjoni fl-ikel ta’ l-isptar’ se tkun tfisser li se jkunu taw il-catering ta’ l-isptar b’kuntratt ta’ 10 snin li jista’ jiġġedded għal ħames snin oħra u min jaf kemm se jmorru tajjeb il-kuntratturi privati bl-iskuża li issa se jkun hemm menu li tista’ tagħżel minnu u li jinbidel kull 15-il ġurnata. Li mhumiex qed jgħidulkom hu b’kemm se tiżdied l-ispiża għal dan in-nej u l-misjur żejjed. Għax jekk mhux se jkun hemm spiża żejda għall-pazjent, għall-Kaxxa ta’ Malta se jkun hemm żġur. Imma bħal dejjem, kuntenti intom kuntent kulħadd.
Is-sliem għalik sieħbi.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt