Il-kunjom Gonzi fil-veru sens tal-kelma mnaqqax fl-irħam ingastat mal-ġebla żonqrija li minnha magħmul il-Vatikan.
F’waħda mid-daħliet tal-Bażilika ta’ San Pietru bejn il-kolonni li jestendu mbagħad għall-kolonnat tal-Bernini, hemm lapida bl-ismijiet ta’ dawk l-isqfijiet minn kull rokna tad-dinja li ħadu sehem fil-Konċilju Vatikan it-Tieni msejjaħ minn Papa Ġwanni XXIII fl-1962.
Jirrappreżentaw lill-gżejjer Maltin f’Ruma kien hemm l-Arċisqof Metropolita ta’ Malta Michael Gonzi u l-Isqof ta’ Għawdex Pietru Pace u b’hekk il-kunjom Gonzi spiċċa mnaqqax fil-blat tal-Vatikan.
L-ironija hi li jirrappreżentawna fil-Konċilju kien hemm żewġ isqfijiet li kienu litteralment il-maqlub ta’ l-ispirtu tal-Konċilju. Imma kif kienu jgħidu s-simpatizzanti faxxisti ta’ bejn iż-żewġ gwerer, il-veru każ ta’ Malta Fior del Mondo anki minn dan l-aspett.
Fi żmien id-dnub
Meta Gonzi kien għadu fl-aqwa tiegħu, jien kont għadni daqxejn ta’ tifel tal-preċett u minħabba l-kwistjoni tad-dnub il-mejjet ma stajtx immur għal-lezzjonijiet tad-duttrina l-Mużew bħal tfal oħra. Kelli mmur il-kunvent tas-sorijiet, għand Swor Ewkaristika għal-lezzjonijiet tad-duttrina u mn’Alla għax tgħidx x’kull biċċa figolla kienet tagħtini kif tispiċċa l-lezzjoni.
Id-dar kien jaqbadna inkubu kbir ta’ kull darba li kien jasal iż-żmien tat-tberik u l-kurat ta’ Bormla jew x’kien, kien jaqbeż il-bieb tagħna. Wara li fl-1969 saret il-famuża paċi u rrealizzajna li stajna ngħaddu mingħajr l-ilma ‘mbierek’ tal-kurat, spiċċajna aħna stess ma niftħulux jew konna nħalluh fl-intrata ħa jfittex jeħles.
U la l-kliem ġie fuq it-tberik, waħda mid-drabi li l-iktar li faqqajt daħq minn qalbi kien meta nannti Marija ta’ Ħaż-Żabbar li żgur qed tgawdi l-glorja tal-Ġenna, kienet qalbet tazza vermouth fuq l-istola rrakmata bid-deheb u bil-fosos tal-Kappillan Zarb. Għal min jiftakru dan kellu ħabta jilbes daqs isqof avolja kien sempliċi kappillan. Tant kienet inkwetat in-nanna li saħansitra kienet marret tħabbat bieb is-sagristan biex tara jekk marritx it-tebgħa minn fuq l-istola, ħalli fil-każ tħallaslu waħda ġdida avolja kienet tgħix bil-pensjoni tar-romol.
Fl-Imdina
Monsinjur Gonzi kien qallagħni kisra u ħasla kbira minn wieħed anzjan ta’ żmien il-Ġunta. Darba konna ma’ ta’ l-iskola l-Katidral ta’ l-Imdina u ta’ tifel kwiet kutu kutu imma qrunu f’butu, kont staqsejt lis-surmast kif l-Arċisqof Gonzi għadu mimli bil-għomor u taħt waħda min-navi diġà kien hemm statwa tiegħu itwal minnu? Jekk m’jienix sejjer żball jew fil-funeral ta’ Gonzi jew fil-funeral ta’ Mabel Strickland, li midfuna wkoll fil-Katidral, il-Monsinjur Mikelanġ Sapiano li kien iħobb ħafna lill-Partit Laburista, waqt id-difna kien spiċċa żelaq u ħadha minn tulu dritt għal ġol-qabar.
Ftit qabel ma Gonzi l-filjozz kellu udjenza uffiċjali mal-Papa Ratzinger fi Frar li għadda, il-Pravda ta’ Malta kienet bdiet ittektek u ssefsef li waqt din l-udjenza kienet se ssir stedina uffiċjali lill-Papa biex jagħmel żjara f’Malta bl-iskop li l-kanonizzazzjoni tal-Beatu Gorg Preca ssir hawnhekk u mhux f’San Pietru l-Vatikan.
L-iskop wara stedina bħal din issa li ninsabu bieb u għatba ma’ l-elezzjoni ġenerali kien ovvju.
Imma sinjal li Papa Ratzinger kellu lil min jagħtih pariri siewja minn hawn Malta għax ma ħallix lil min jużah biex jieħu rikba minn fuqu għal skopijiet partiġjani. Biex ibenġlu l-aħbar li l-Papa ma kienx laqa’ l-istedina ta’ Gonzi, il-Pravda ħarġet tgħid li hi l-prassi li ċ-ċerimonji tal-kanonizzazzjoni normalment isiru f’San Pietru.
Imma interessanti kien il-fatt li fil-komunikat ta’ l-aħbar sabiħa li Dun Gorg Preca kien se jittella’ għall-glorja ta’ l-artali fit-3 ta’ Ġunju li ġej kien hemm imsemmija erba’ beati oħra li wkoll se jsiru qaddisin. Tlieta minnhom se jkunu kanonizzati flimkien ma’ Dun Gorg, filwaqt li ċ-ċerimonja tar-raba’ wieħed se ssir ġewwa l-Brażil fi żmien meta l-Papa jkun qed iżur dan il-pajjiż.
Jiġifieri l-Vatikan fejn irid jagħmel eċċezzjoni għar-regola u la fil-każ ta’ Dun Gorg m’għamilhiex, sinjal li kien hemm raġunijiet validi.
Apprezzajt ħafna l-ġest ta’ l-Arċisqof Pawl Cremona li mar hu personalment bl-istedina għaċ-ċerimonja tal-kanonizzazzjoni għand Dr Gonzi u Dr Sant biex jenfasizza b’dan il-ġest tiegħu l-fatt li San Gorg Preca hu l-qaddis tal-Maltin u l-Għawdxin kollha u li ħadd m’għandu dritt jikkapparah u jistrumentalizzah għall-iskopijiet tiegħu.
Kienet xejn ħlief skandaluża telefonata ta’ semmiegħa fuq Radio 101 meta xi ġimgħa ilu ħeġġet lin-Nazzjonalisti biex jitolbu lil Dun Gorg biex irebbħilhom l-elezzjoni u l-preżentatur ma kellux il-kirjanza li jikkoreġiha.
Taxxa fuq is-safar
F’mumenti delikati bħal dawn meta qed noqorbu lejn elezzjoni ġenerali oħra, il-Knisja trid toqgħod b’seba’ għajnejn li ma jkun hawn ħadd li jipprova jinqeda biha. Kien hawn min bir-raġun għokritu għajnu li fl-għeluq taċ-ċerimonja tal-konsagrazzjoni ta’ l-Arċisqof il-ġdid, Lawrence Gonzi u s-Sinjura tiegħu ħarġu fuq iz-zuntier eżatt wara Monsinjur Cremona meta mar isellem il-folla fuq barra imma Dr Sant tħalla ġewwa fil-knisja.
Imma l-istrateġisti Nazzjonalisti trid tinżgħalhom il-kappell għall-perseveranza tagħhom u anki għas-sens ta’ inventiva li għandhom. Meta ma waslu mkien bl-istedina li għamel Gonzi lil Papa Ratzinger raw kif għamlu biex xorta jieħdu rikba żgħira minn dan l-avveniment u neħħew it-taxxa fuq is-safar għal min sejjer Ruma bejn l-1 u l-5 ta’ Ġunju.
Il-mistoqsija tqum waħidha: allura dawk kollha li għar-raġunijiet ta’ wegħdi, mard u kwistjonijiet simili se jsiefru għal Lourdes, Fatima u postijiet ta’ devozjoni bħal dawn jew biex jikkuraw irwieħhom fi sptarijiet barranin, huma bgħula?
wenzumintoff@yahoo.com
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt