“Aqflu ċ-ċinturini tas-sigurtà għax deħlin f’sena ta’ turbulenza.” Hekk għidtilhom lil sħabi fil-Kunsill tal-GRTU ġimgħa qabel l-10 ta’ Marzu. Kien jidher biċ-ċar x’ġej. Issa li l-elezzjoni ġenerali tista’ ssir bħal dan iż-żmien sena se ngħaddu minn sena li fiha se naraw minn kollox.
Għandna naħa deċiża li trid titla’ fil-Gvern akkost ta’ kollox u għandna Gvern deċiż li mhux se jaqa’. Għandna min fuq naħa u min fuq oħra qed jaqta’ mnieħru biex jidher ħelu u aħna rridu jew ma rridux se niżfnu fin-nofs.
Mhux għax niddejqu. Hu d-dmir ta’ korp kostitwit b’saħħtu bħall-GRTU, li barra li jiffunzjona bħala Kamra tan-Negozji Żgħar, hi wkoll union li titkellem. Hu d-dmir partikulari tal-GRTU li titkellem kif titkellem. Min waqqaf il-GRTU ma waqqafhiex biex tkun union li ma titniffisx jew li toqgħod tqis mitt elf ħaġa qabel tiċċaqlaq. Kważi 60 sena ilu l-GRTU telqet mill-Kamra tal-Kummerċ għax il-pijunieri speċifikament iddeċidew li fil-pajjiż hemm bżonn ta’ għaqda nazzjonali b’saħħitha li bla ma tiċċappas mal-politika partiġjana, titkellem bla tlaqliq u fejn ikun hemm bżonn tieħu azzjoni.
Kienu ħafna ċ-ċirkustanzi matul id-59 sena li ilha teżisti l-GRTU fejn din l-union ma rat wiċċ ħadd u tkellmet kif kellha tagħmel. Ħafna ma ħadux pjaċir. Jien meta niltaqa’ max-xjuħ li mmilitaw fil-passat, kollha jirrakkuntaw minn x’hiex għaddew b’mod partikulari meta kien hemm Gvern li ma kien jaħfira lil ħadd meta xi ħadd jiqaflu.
Il-GRTU għandha storja li qatt ma beżgħet. Ix-xjuħ tagħna jafu minn x’hiex għaddew u jafu x’sofrew biex żammew leħen b’saħħtu fiċ-ċentru jitkellem kif titkellem il-GRTU.
L-impressjoni li jippruvaw jagħtu dejjem l-istess: “Mhux qed nattakkaw lill-union iżda lilu. Għax hu mhux intom.” Bħallikieku xi ħadd mhux f’korp bħall-GRTU kien se jingħata widen. Bħallikieku xi ħadd se joqgħod iħabbel rasu jaqla’ l-gideb u l-istejjer dwari kieku jien m’għandiex il-pożizzjoni li għandi.
L-istejjer il-kbar dejjem jiġru fis-sena ta’ qabel l-elezzjoni. Meta d-deni jibda tiela u l-irjus jisħnu. Meta jibda l-logħob u ċerti nies jibdew jarawhom skomdi. Aħna drajniha. Kulħadd irid iġebbed il-GRTU lejn in-naħa tiegħu. Tibqa’ sseħħ l-istess kummiedja. Dejjem jibdew bl-imbix u wara jaqgħu għall-attakki personali. Qatt ma tkun taf minn fejn ġej l-attakk li jmiss.
Li jiġri hu li jkun hemm min jinqeda bl-okkażjoni. Ikun hemm min jgħir għalik. Ikun hemm min iwaħħal f’rasu li int telliftlu xi kuntratt jew m’għintux biex jieħu xi tender. Ikun hemm min sempliċiment m’għandux grazzja miegħek u jnassas kontrik. Isefsef fil-widnejn u dejjem isib lil xi ħadd li jaqa’ għat-tentazzjoni u jibda jfajjar.
Lil sħabi ppreparajthom li din is-sena mhux se tkun eċċezzjoni. Jibdew bija għax jien l-aktar li nidher u ninstema’ għax il-GRTU għandha struttura li tixbah aktar lil Confindustria u Confcommercio fl-Italja fejn iċ-Chief Executive hu l-kelliem ewlieni. Din l-istruttura teżisti għax instab f’diversi għaqdiet bħall-GRTU li tagħmel sens li jkollok uffiċjal permanenti li jibni strutturi u strateġiji fuq perjodu fit-tul bla ma jkun suġġett għat-theddid għan-negozju personali tiegħu bħalma jkun president jew uffiċjal elett li jkollu n-negozju tiegħu. Chief Executive indipendenti jkun jista’ jitkellem u jidher għall-organizzazzjoni bla xkiel u biża’. Ma jfissirx li dan jista’ jagħmel li jrid. Imur żmerċ ħafna min jaħseb li hekk isir imma bl-appoġġ tal-kunsill tiegħu jkun jista’ jmexxi b’aktar effiċenzja milli kieku kien persuna suġġetta għar-rikatt jew li tinbidel ta’ spiss.
Għalhekk l-attakk fuq il-GRTU normalment jibda b’attakk fuqi bħala Direttur Ġenerali. Għax jaħsbu li jekk idamdmu jew jintimidaw lili jkunu niżlu lill-GRTU fl-art.
Lili personalment ftit ikidduni l-attakki. Niddejjaq meta jkunu personali u bbażati fuq gideb, qlajjiet, nofs veritajiet u tgħawwiġ tal-fatti mmirati ċar u tond biex ixewxu u jweġġgħu. Imma din Malta Nisranija. Din Malta fejn għandna ġurnalisti li erħilhom iħabbtu sidirhom favur il-ħelsien tal-kelma imma qatt ma jiktbu fuq l-abbuż mill-kelma miktuba u ma jiddejqu xejn jtuha għall-qtil tal-karattru.
Għax f’Malta bilkemm insibu tarf ta’ l-assassini tal-persuna, aħseb u ara kemm insibu tarf ta’ l-assassini tal-karattru.
Imma x’tagħmel? X’inhu r-rimedju? Tmur il-Qorti?
Xi snin ilu mort il-Qorti fuq din il-ħrafa li xebgħu jxerdu dwari li jien xi espert tal-golden handshakes. Irbaħt libell kontra l-ġurnal tal-Ħadd Il-Mument bid-danni b’kollox. Imma xorta jerġa’ joħroġ xi ħadd gwapp bl-istess ħrejjef. Twaqqafhom b’daqsekk? U l-Kumitat ta’ l-Etika tal-Ġurnalisti fejn hu?
X’tagħmel meta l-attakk ikun personali? Terġa tmur il-Qorti bħalma kelli nagħmel din il-ġimgħa. Imma xi ħadd jaħseb li l-intimidazzjoni u l-attakk personali se jieqfu?
Ma jieqfu qatt. Għax hi għodda tagħna l-Maltin. Żeblah, kisser, għajjar u gerrex lil kulmin ma jiflaħx għall-inkwiet. Intimida bit-tajjir lil min taħseb li hu xkiel għalik. Hekk taħdem is-sistema.
Lil sħabi avżajthom. Jien se nibqa’ fuq quddiem dment li l-Mulej itini s-saħħa u sħabi l-fiduċja. Għax m’għandiex faħam miblul. Kull fejn ħdimt, ħdimt b’żegħlu u b’entużjażmu u ma żammejt xejn fuq l-istonku għal ħadd. Kieku dabbart rasi mill-pożizzjonijiet kollha li kont nokkupa fil-karriera tiegħi, kieku llum għadni naħdem u nimmilita?
Kieku ninsab paxxut x’imkien.
Għalhekk lil sħabi għidtilhom li ġejja sena ta’ turbulenza. Se jimbuttawna, jippruvaw jixtruna, jattakkawna u jżebilħuna. Min hu ta’ stoffa ma jinbaramx. Ma jkunx intimidat. Imma ħafna se jibżgħu u jwarrbu. Għax mhux kulħadd jiflaħ għall-intimidazzjoni.
L-appell tiegħi lil kulmin qiegħed f’pożizzjoni ta’ tmexxija hu li ma jħallix lil min jintimidah. Ifqulhom. Dak li l-bieraħ kien suppost sieħbek għada jfajjarielek. Dak li meta ħabbattlek il-bieb u ftaħtlu għada jkissrek. Mhux dejjem iddeċieda hu. Aktarx li xi ħadd jkun tah l-ixkubetta f’idu u hu jkun spara l-grillu. Hekk isiru l-affarijiet f’Malta.
Jidher li se jkollna sena interessanti. Bħalma għidt lil sħabi: aqflu ċ-ċintorin tas-sigurtà!
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt