It-Tabib Josie Muscat se jkun qed jirritorna fix-xena politika wara nuqqas ta’ 20 sena bit-twaqqif ta’ partit politiku ġdid bil-għan li jippreżenta kandidati fid-distretti elettorali kollha.
F’intervista ma’ Illum, Muscat jgħid li hu se jikkontesta fuq it-Tieni u t-Tielet Distrett fejn welled il-karriera politika tiegħu mal-Partit Nazzjonalista lura fis-Snin 70.
Dan ifisser li Muscat se jkun jeħodha direttament mal-Prim Ministru Lawrence Gonzi, l-eredi tas-siġġu li kien ħalla vojt Muscat meta waqaf mill-politika fl-aħħar tas-Snin 80.
Gonzi diġà ħabbar li se jerġa’ jikkontesta fuq it-Tieni Distrett fejn ikkontesta għall-ewwel darba fl-1987 meta Muscat iddeċieda li ma jibqax attiv fil-Partit Nazzjonalista.
Il-partit ta’ Muscat hu mnebbaħ mill-prinċipji u l-valuri Insara b’xaqliba lejn iċ-Ċentru-Lemin b’manifest elettorali li jisħaq fuq bidla fis-sistema politika, riformi istituzzjonali u aktar vuċi liċ-ċittadini.
Bl-iskop li jwitti t-triq lejn din
l-avventura, Josie Muscat l-Erbgħa li għadda rriżenja mill-Fondazzjoni Eden, l-għaqda filantropika li waqqaf hu u li taħdem ma’ persuni bi bżonnijiet speċjali.
Fid-dawl tal-kritika li Muscat qed jagħmel liż-żewġ partiti ewlenin dwar konnessjonijiet li għandhom ma’ “nofs tużżana” negozjanti, Muscat sostna ma’ Illum li n-negozju privat tiegħu qed jgħaddi għand it-tfal.