25 ta' Marzu 2007 • Nr 21

Arkivji




 

 

 

25 ta' Marzu 2007
Tliet snin wara: ħolma sabiħa jew ħmar il-lejl

TONI

Artikolu 3 ta’ l-Att Dwar l-Unjoni Ewropea jgħid hekk:
“Mill-1 ta’ Mejju 2004, it-Trattat u atti eżistenti u futuri adottati mill-Unjoni Ewropea għandhom jorbtu lil Malta u għandhom ikunu parti mil-liġi domestika tagħha taħt il-kundizzjonijiet stipulati fit-trattat.
Kull dispożizzjoni ta’ liġi li mid-data msemmija tkun inkompatibbli ma’ l-obbligazzjonijiet ta’ Malta taħt it-Trattat jew taħtu għandha, safejn dik il-liġi tkun inkompatibbli ma’ dawk l-obbligazzjonijiet, jew safejn tkun tidderoga minn dawk id-drittijiet, tkun bla effett u ma tkunx tista’ tiġi infurzata.”
Ħassejt li għandi nislet kelma b’kelma xi tgħid il-liġi bir-riskju li nkun pedantiku għaliex din hija l-ġebla tax-xewka li fuqha mibnija s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni.
Dawn iż-żewġ paragrafi, li qatt ma ġew spjegati b’mod ċar f’xi ħarġa ta’ l-Aġġornat, jew minn min kellu l-obbligu li jispjega, huma l-qofol ta’ dak li se jolqotna bit-tajjeb jew il-ħażin tiegħu.
Dawn iż-żewġ paragrafi jagħmluha ċara li l-liġijiet, safejn applikabbli, ta’ l-Unjoni Ewropea, jiddominaw għal kollox fuq dawk li jagħmel il-Parlament Malti.
Fi ftit kliem fl-1 ta’ Mejju 2004 il-poplu Malti, jaf jew ma jafx, ċeda parti kbira mis-sovranità li kellu bħala uniku kmand f’daru.
Bdejna nintebħu x’tassew ifisser li tkun fl-Unjoni Ewropea proprju tliet snin wara. S’issa konna qegħdin nagħtu aktar importanza l-aspett romantiku tas-sħubija, issa kif jgħidu t-Taljani “Che viene il bello”.
Qegħdin nifhmu x’ġara għax proprju bdew jiġu fit-tmiem tagħhom, waħda wara l-oħra, il-perjodi tranżitorji u derogi li suppost konna nnegozjajna. Nagħmel l-enfasi fuq il-kelma ‘suppost’ għax wara dak li ġara lill-kaċċaturi ma nafx lil min se naqbad nemmen, jekk hux lill-Kummissjoni Ewropea jew lill-Avukat Simon Busuttil.
Issa li bdew ġejjin il-missili f’forma ta’ ittra li se jinbdew proċedura waħda wara l-oħra kontra l-Gvern Malti bdejna nintebħu għalxiex dħalna.
Iżda ma nistax nifhem preċiżament x’qiegħed jiġri. Wieħed mill-benefiċċji li kellna naħsdu bid-dħul ta’ Malta fl-UE kien il-fatt li l-Kummissjoni kienet se sservi ta’ morsa biex iġġiegħel lill-Gvern Malti jagħmel dak li għandu jagħmel. Min iddeskriva dan bħala benefiċċju kien qiegħed fl-istess ħin jagħmel ammissjoni li l-politiċi fil-Gvern huma falliment. B’danakollu l-Gvern Malti għadu ma osservax ’il fuq minn 30 direttiva tant li f’oqsma bħall-ambjent, l-enerġija, u t-telekomunikazzjoni, taxxi fuq vetturi second hand u l-estensjoni taż-żoni ta’ żvilupp, il-Kummissjoni diġà bdiet jew waslet biex tibda proċeduri biex tippenalizza lill-Gvern Malti.
Hawn qegħdin nitkellmu fuq multi ta’ mijiet ta’ eluf ta’ liri li finalment iridu jitħallsu mhux mill-Ministri, iżda minna lkoll. F’Ottubru ta’ din is-sena irridu nħallsu l-ewwel parti minn multa li Malta weħlet minħabba ħażna ta’ zokkor aktar minn kemm suppost. Minn dan l-aspett, tliet snin wara, il-Gvern ma tax eżempju tajjeb ta’ kif wieħed għandu joqgħod għall-obbligi tiegħu fl-UE
It-tieni aspett hu l-qasam tax-xogħol. Qabel ma Malta ssieħbet fl-UE, ma nafx kemm-il meeting pubbliku sar fejn ħafna ħaddiema serrħulhom rashom li l-impjieg tagħhom kien garantit. Tiġini f’moħħi Margaret Mercieca, li kienet indirizzat wieħed minn dawn il-meetings. Dakinhar kienet aċċertat lil kulmin jaħdem fil-qasam tat-tessuti, bħalma kienet hi, li xogħolhom mhux se jitilfuh. Illum kemm Margaret kif ukoll sħabha tilfu l-impjieg fejn kienu jaħdmu u hekk ġralhom ħafna ħaddiema f’fabbrika wara l-oħra.
L-argument tiegħi mhux wisq fuq il-fatt jekk l-impjieg ta’ dawn il-ħaddiema kienx sostenibbli, anki jekk Malta baqgħet barra mill-Unjoni Ewropea, iżda li ngħataw l-impressjoni li bi sħubija l-impjieg tagħhom ma kienx se jintilef.
L-istess jista’ jingħad dwar il-qasam tal-biedja u l-agrikoltura. Huwa fatt li ma jista’ jiċħdu ħadd, li għall-konsumatur, qabel li Malta tidħol fl-Unjoni Ewropea. Il-prodotti li jidħlu Malta huma irħas minn dawk tal-lokal. Iżda hu fatt ukoll li l-produzzjoni agrikola lokali sejra lura bħal granċ. Ħafna industriji relatati ma’ attivitajiet agrikoli, bħat-trobbija tat-tiġieġ, qalgħu daqqa mortali. B’danakollu, minkejja li ngħad li konna ksibna s-salvagwardja biex inħarsu l-produzzjoni lokali, din qatt ma ġiet applikata.
Anzi minn dak li qrajt u wara l-esperjenza tal-kaċċaturi qiegħed jitqanqal dubju jekk din is-salvagwardja qatt fil-fatt inkisbitx kif ingħad.
It-tielet aspett hu l-għajnuna li kellna niksbu f’finanzjament ta’ proġetti u għotjiet. Għandna nirċievu ’il fuq minn EUR800 miljun fuq medda ta’ seba’ snin. Aktar min-nofs ġie lura għandna minn dak li tajna lill-Unjoni. Minn dak li jifdal irid jitnaqqas l-ispiża li nidħlu għaliha għan-nefqiet kurrenti. Apparti dan ħafna mill-proġetti qed isiru minn kumpaniji Ewropej li allura jitħallsu lura b’mod indirett lil min tagħhomlna.
Meta tagħsar kollox ma’ kollox, se nkunu qegħdin nirċievu xi ħaġa qrib Lm29 miljun fis-sena. Meta wieħed jiftakar li għandna ħlas ta’ imgħaxijiet fuq id-dejn nazzjonali li jaqbżu sew Lm50 miljun fis-sena, din is-somma hi’il bogħod ħafna minn dak li darba kienu qalu li bid-dħul ta’ Malta fl-UE nirċievu Lm100 miljun fis-sena.
Min jaf li kieku il-ġar tiegħi f’din il-paġna jorganizza programm fuq it-TV biex nagħtu rendikont ta’ x’akkwistajna s’issa mill-Unjoni Ewropea paragunat ma’ dak li kien mwiegħed ’il fuq minn tliet snin ilu.
Darba dan il-ġar tgħid x’festa għamel b’rapport li kienet ħallietu jarah b’kortesija l-General Workers Union. Forsi issa l-waqt li jsir programm ta’ din ix-xorta. Iżda mhux kulħadd jaqbel jew jaqbillu li jsir dan ix-xorta ta’ programm, speċjalment issa li ninsabu ftit tax-xhur ’il bogħod biss minn elezzjoni ġenerali.

PEPPI

F’Xarabank staqsejt domanda li xtaqt ħafna nwieġeb jien stess.
X’tippreferi, Malta mmexxija ħażin mill-Maltin jew Malta mmexxija tajjeb mill-barranin?
Jekk l-għażla kellha tkun bejn it-tnejn nagħżel li nitmexxew tajjeb mill-barranin. Iżda din il-mistoqsija weġibtha b’alternattiva aħjar meta vvutajt ‘iva’ għal-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.
Permezz ta’ l-Unjoni Ewropea aħna qed immexxu flimkien mal-bqija kemm lil Malta u lil kumplament. Tinstema’ qisna rasna kbira, forsi anki għax aħna pajjiż daqs naqra. Iżda llum qegħdin fil-forum tad-dibattitu u tad-deċiżjonijiet.
Dan hu l-akbar benefiċċju li nara bħala membri ta’ l-UE. L-ebda Gvern Malti ma jista’ qatt aktar jittrattana ta’ żibel kif konna trattati fi żmien meta fid-Depot tal-Pulizija t-tortura kienet l-ordni tal-ġurnata, meta li tipprotesta kien ifisser tispiċċa l-isptar wara xeba’ tajba mingħand il-Pulizija u l-kriminali li dak iż-żmien ma kinux jintgħarfu fl-aġir tagħhom.
Illum dan kollu, jekk jiġri, ikun qisu qed jiġri lill-pajjiżi kollha l-oħra. Bħala ċittadin, jekk ma jiddefendinix il-Gvern Malti, tiddefendini l-UE li jien parti sħiħa minnha.
L-ironija hi li dawk li tgħidx kemm ivvintaw kontra l-UE qabel ir-referendum, dawk li kienu jinsinwaw li kont favur għax għandi mpjieg fi Brussells, spiċċaw jaħdmu huma ma’ l-UE b’paga u kundizzjonijiet eċċellenti.
Ġenwinamet ma nafx kif ma jistħux, speċjalment meta li kien għalihom aħna qegħdin barra nippruvaw ninnegozjaw partnership li sal-lum lanqas huma stess ma jafu x’kien ifisser.
‘Għalina u għal uliedna’ kien wieħed mill-islogans tal-kampanja. Ibni Ingliż u allura kien diġà parti mill-Unjoni Ewropea. Ivvutajt iva għax xtaqt li l-opportunitajiet li kellu ibni jkunu għand il-bqija tat-tfal Maltin u Għawdxin. Fl-iskola tal-Gvern fejn imur ibni ħadmu fi proġett fejn kitbu ktieb flimkien mat-tfal minn erba’ pajjiżi oħra mill-Ewropa. Bdew l-istorja f’pajjiż u komplewha f’pajjiż ieħor, u ieħor, u Malta. Dan kien parti minn programm ta’ l-Unjoni Ewropea.
L-esperjenza tat-tfal, iż-żgħażagħ u l-ħaddiema li qed ikollhom fi proġetti mill-UE, hi aqwa mill-miljuni li spiss nisimgħu min jistaqsi dwarhom.
Xi ħaġa li forsi ma antiċipajtx bħala problema li se tiġri hi li ħafna Maltin u Għawdxin jitilqu jaħdmu barra minn pajjiżna: pożittiva għax ħafna minna qed jimirħu u jfittxu opportuntajiet ġodda iżda jista’ jkollna braindrain għax naf wisq nies tajbin f’ħafna oqsma li qed jitilqu.
Veru li meta jiġu lura se jġibu magħhom esperjenza kbira għall-benefiċċju tagħna imma kemm ġejjin lura?
B’dawn il-kundizzjonijiet u bin-nuqqas ta’ apprezzament lejn kulmin hu kapaċi wisq nibża’ li jibqgħu hemm. U ma nagħtihomx tort. Anzi dan ikun l-istess parir li nagħti lil ibni jekk jiġih iċ-ċans, kif nittama bħala missier, anki jekk inħoss il-firda kiefra wisq.
Ikolli ngħid li kieku kellu jsir referendum illum biex nidħlu fl-UE ibati biex jgħaddi għax hawn ħafna nies li bħal donnu stennew li hekk kif jintefa’ l-aħħar suffarell tal-festa tad-dħul ta’ Malta kollox se jinbidel u konna se nibdew nimxu fuq ir-rubini.
Hi ħasra kbira li l-liġijiet u l-istandards li kellna u qed ikollna naddottaw bħala membri ta’ l-UE ftit li xejn nintebħu bihom bħall-għajnuna li ningħataw kuljum u l-proġetti li jsiru jafu bihom dawk in-nies li bbenefikaw. Inħoss nuqqas serju ħafna ta’ għarfien ta’ x’qed jiġri u iktar gravi nħoss li n-nies komuni ma jafux x’jaqbdu jagħmlu biex anki jgawdu mill-ħafna proġetti li jistgħu jkunu sussidjati mill-UE.
Inħoss li ċ-Ċentru ta’ Informazzjoni għall-Unjoni Ewropea mhux biss għandu jkun hemm biex iwieġeb, iżda jaqbeż fuq kull opportunità u jwassalha lin-nies li jiġu mħajra biex jieħdu sehem.
Nisma’ wisq nies jgħiduli li jkun hemm opportunitajiet u qed nitilfuhom. L-istess intensità ta’ kampanja biex inkunu nfurmati qabel ir-referendum kellha tibqa’ tinżamm anki wara għax issa n-nies iridu jsarrfu din is-sħubija. Nifhimhom.

 

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt