Illum hu l-aħħar jum ta’ Sunday in the Country li qiegħda tiġi organizzata f’Malta grazzi għal Oliver Mallia u Luisa Bonello mill-Malta Film Commission.
Sunday in the Country hu encounter li jsir fi tmiem il-ġimgħa b’medja ta’ 10 Ewropej li jaħdmu fil-qasam tal-films u membri stabbiliti tal-European Film Academy (EFA), li torganizza dawn it-tip ta’ seminars hi stess. L-għan ta’ l-attività hu li jkun hemm tpartit ta’ ideat u esperjenzi f’atmosfera informali biex b’hekk jinbnew networks fl-Ewropa.
Matul il-workshop jidduskutu bosta suġġetti fosthom finanzjamenti, il-kundizzjonijiet differenti li jinħadmu fihom il-films u l-modi diversi li bihom jirrakkuntaw l-istejjer minn pajjiż għall-ieħor.
Dawn immexxija minn Cedomir Kolar, membru tal-Bord ta’ l-EFA u produttur Franċiż li kien ħa sehem fil-film No Man’s Land li rebaħ l-Oscar fl-2001 għall-Aħjar Film Ewropew, Francine Brucher li hi Kap tal-Promozzjoni Internazzjonali f’films Svizzeri u Sophie Maintigneux, ċinematografa Franċiża li ilha taħdem fil-qasam tal-filma mill-1986.
F’Malta qegħdin jipparteċipaw 13-il persuna minn madwar l-Ewropa kollha li huma diretturi, kittieba jew produtturi.
Minn pajjiżna qed jieħdu sehem Pierre Ellul, li bħalissa qed jgħix Londra u li ħadem fuq bosta films blockbuster fosthom Troy, Munich u Children of Men bħala t-tieni jew it-tielet assistent direttur; Dennis Mahoney, il-produttur ewlieni tad-Drunken Angel, li ħadem fuq bosta films blockbuster bħal Hannibal, U-571 u Gladiator; u Joseph Meli, produttur mal-kumpanija PictureBox MPS Ltd.
Il-barranin għalkemm isimhom mhuwiex magħruf mal-Maltin, ħafna minnhom diġà rebħu premju prestiġjuż, uħud minnhom tal-Prix Uip u festivals Ewropej oħrajn tal-films.
fpulis@mediatoday.com.mt
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt