25 ta' Marzu 2007
Il-PN jiġbor il-whisky u l-amaretto
Julia Farrugia
Il-kampanji ġbir ta’ fondi tal-partiti politiċi aktar ma jmur aktar qed jieħdu xejra u dimensjoni differenti.
Wara li għal dawn l-aħħar ġimgħat il-Partit Nazzjonalista kien bieżel għaddej bil-bejgħ ta’ figolli bħala parti minn kampanja ta’ ġbir ta’ flus issa l-istess partit daħal għal proġett differenti.
Nhar il-Ħamis li għadda l-Partit Nazzjonalista nieda kampanja ta’ ġbir ta’ fliexken alkoħoliċi.
Peter Darmanin it-teżorier tal-PN, għal aktar minn darba fuq l-istazzjon tar-Radju 101 appella biex il-familji jduru dawra mad-dar tagħhom u jaraw x’affarijiet jistgħu jagħtu lill-Partit Nazzjonalista bħala rigal.
Darmanin ħeġġeġ lill-partitarji Nazzjonalisti biex jagħtuh fliexken tax-xorb fosthom whisky, inbid u Amaretto. It-teżorier tal-PN qal li hu se jkun “qed iġemma dawn il-fliexken biex fuq il-Fosos joħroġhom fuq mejda u jbigħhom bi prezz sussidjat.”
Skond Peter Darmanin din il-kampanja tħalli l-frott għax is-sena li għaddiet bl-istess sistema rnexxielu jiġbor Lm500. Darmanin enfasizza għal aktar minn darba li din is-sena ċ-ċelebrazzjonijiet tal-festa ta’ l-Indipendenza se jkunu ferm akbar minn tas-soltu u mifruxa fuq sebat ijiem.
Il-kampanja ta’ ġbir ta’ fliexken alkoħoliċi għaddejja fl-istess ħin li l-PN għaddej b’kampanja oħra b’bejgħ ta’ figolli. “L-ordnijiet deħlin bil-kbir u għadhom kemm ġabuli 100 figolla ġdida,” tenna Darmanin b’ton ta’ oratur fis-solitu programm tiegħu wara l-aħbarijiet ta’ filgħaxija fuq Radju 101.
Mitlub minn din il-gazzetta biex jiddeskrivi l-kampanja ta’ fliexken alkoħoliċi, Joe Saliba Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista sostna li “l-iskop huwa tajjeb.” Fi kliem Saliba din mhix kampanja iżda “mod ieħor kif il-partit Nazzjonalista jtaffi ftit mill-ispejjeż tiegħu.”
Joe Saliba kkonferma wkoll li l-PN ġieli għamel ukoll appelli biex il-famiji jgħaddulu ġugarelli u kotba biex jinġabru flus mill-bejgħ tagħhom.
Ftit xhur biss ’l bogħod minn elezzjoni ġenerali li magħha dejjem iġġib kedda finanzjarja fuq il-partiti politiċi qed isir tentattiv biex jittaffa piż finanzjarju ieħor li daħal għalih il-Partit Nazzjonalista bil-bini ta’ Dar Ċentrali ġdida.
B’din il-klima jidher fiċ-ċar li japplika l-proverbju Malti li “kull qatra tgħodd.”
F’każ bħal dan il-PN qed jittama mhux f’miraklu biex il-post jitlesta imma li jinġabru l-akbar ammont ta’ flus possibbli. Fi klima differenti mit-tieġ ta’ Kana fejn l-ilma sar inbid, f’Tal-Pietà jidher li fl-aħħar mumenti t-tama qed tistrieh fuq alkoħol li jsir flus.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt