25 ta' Marzu 2007 • Nr 21

Arkivji




 

 

 

25 ta' Marzu 2007
Aktar studenti barranin jagħżlu l-ITS għax orħos minn pajjiżhom

Jekk dan l-aħħar Malta dejjem kienet fil-mira dwar figuri xejn sbieħ fit-turiżmu mhux l-istess jista’ jingħad għal figuri dejjem jitjiebu ta’ barranin li qed jiġu Malta għal ta’ l-apposta biex isegwu korsijiet full-time biex jigradwaw f’suġġetti differenti fis-settur turistiku.
Matul dawn l-aħħar tliet snin l-istudenti barranin li attendew għal korsijiet fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi Malti, l-ITS, żdiedu b’69 fil-mija.
Joseph M Bonello, amministratur fi ħdan l-Istitut, ikkonferma ma’ Illum li din is-sena minn total ta’ 614 student li qed jattendu għal kors full-time hemm 49 student barrani.
Tliet snin ilu l-istudenti barranin kienu jammontaw għal 29.
L-istudenti barranin li bħalissa qed jattendu l-ITS ġejjin minn 24 pajjiż differenti bl-akbar ammont 20 huma miċ-Ċina. Hemm ukoll studenti mill-Kanada, mill-Etjopja mill-Libja, mill-Korea ta’ Isfel, mill-Filippini, mill-Ingilterra, mir-Russja, mill-Bulgarija, mill-Albanija, mill-Moldova u saħansitra mil-Libanu.
Biex student barrani jattendi kors fl-ITS irid iħalles Lm500 kull semester, jiġifieri Lm1,000 fis-sena. Il-medja tal-korsijiet full-time huma ta’ erba’ snin u peress li l-aħħar sena tkun barra minn Malta, l-istudenti jħallsu total ta’ Lm3,000 għal tliet snin.
Dan il-prezz hu meqjus bħala waħda mir-raġunijiet ewlenin għaliex qed jiġbed dawn l-istudenti. F’ħafna pajjiżi l-kors jiswa d-doppju ta’ Malta.
Hemm fattur ieħor li qed jagħmel lil pajjiżna aktar attraenti għal korsijiet fis-settur turistiku. Il-korsijiet fl-ITS huma bl-Ingliż u għaldaqstant student miċ-Ċina jew minn pajjiż ieħor ikun qed jagħmel investiment differenti minn li kieku f’pajjiżu għax ikun qed jieħu t-taħriġ mill-ewwel bl-aktar lingwa mitkellma fis-settur turistiku dinji.
L-ITS irnexxielu jkun fuq il-mappa tad-dinja minħabba fattur ieħor. Malta, flimkien man-Norveġja, l-Olanda, Franza u l-Ungerija, ingħaqdu flimkien għal festival Ewropew b’fondi ta’ l-Unjoni Ewropea. L-istudenti se jkollhom missjoni: dik li joħolqu riċetti għal saħħa aħjar għaż-żgħażagħ.

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt