25 ta' Marzu 2007
Persuna tqaċċat siġar tal-ħarrub fix-Xemxija
Julia Farrugia
Numru ta’ persuni qed ikunu investigati mill-Awtorità ta’ l-Ambjent u l-Ippjanar, il-MEPA, dwar il-qtugħ illegali ta’ siġar tal-ħarrub.
Dan il-każ seħħ ġimagħtejn ilu fi Triq Radded ir-Roti biswit Triq l-Oqbra Puniċi fix-Xemxija. Ritratti li għandha din il-gazzetta juru persuna tqaċċat siġar tal-ħarrub, siġar protett bil-Liġi, tant li Avviż Legali Numru 12 ta’ l-2001 jistipula li dan il-ġeneru ta’ siġar ma jistax jinqala’.
Il-MEPA ikkonfermat li rċeviet telefonata dwar din l-attività illegali. Wara spezzjonijiet li l-Awtorità għamlet fuq il-post irriżulta li min qaċċat is-siġar ma kellux il-permess li jagħmel dan.
Illum hija nfurmata li l-Pulizija se tintalab tkompli tinvestiga lil żviluppatur involut f’dan ir-reat. Dawn il-proċeduri għandhom iwasslu biex ir-raġel jitressaq il-Qorti. Mhux eskluż li wara l-qtugħ tas-siġar tal-ħarrub jitressaq ukoll raġel ieħor li kien ikkummissjonat biex jagħmel dan ix-xogħol f’isem l-iżviluppatur.
Is-siġra tal-ħarrub hi waħda minn 55 siġra mħarsa f’pajjiżna. Fil-każ ta’ siġar tal-ħarrub il-Liġi tistipula li l-persuna li tinstab ħatja b’reat bħal dan teħel multa ta’ mhux anqas minn Lm100 u mhux aktar minn Lm1,000 għal kull siġra li jkollha inqas minn 10 snin.
F’każ li l-ħarruba jkollha aktar minn 10 snin l-individwu jista’ jeħel sa Lm10,000 għal kull siġra li jqaċċat. Il-piena tkompli tiħrax f’każ li min iwettaq ir-reat ma jkunx l-ewwel każ tiegħu. F’sitwazzjoni bħal din l-individwu jista’ jeħel sa Lm20,000 multa għal kull siġra jew sa sentejn ħabs. Il-Qorti tista’ tiddeċiedi li fis-sentenza tagħha tagħti l-multa u l-priġunerija flimkien.
Dan il-każ ta’ tqaċċit ta’ siġar tal-ħarrub ġab il-kundanna mmedjata ta’ l-Alternattiva Demokratika. F’kummenti lil din il-gazzetta l-Alternattiva sostniet li se tibqa’ taħdem biex dawn id-dnubiet ma jibqgħux isiru u min hu responsabbli jħallas ta’ għemilu.
jfarrugia@mediatoday.com.mt
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt