25 ta' Marzu 2007
Ġurnalista ta’ Illum tirbaħ il-Premju Nazzjonali Kontra d-Diskriminazzjoni
Il-gazzetta Illum permezz tal-ġurnalista Julia Farrugia hi r-rebbieħa tal-Premju Nazzjonali Kontra d-Diskriminazzjoni mniedi mill-Kummissjoni Ewropea.
Dan il-premju jingħata lill-ġurnalist minn kull pajjiż membru ta’ l-Unjoni Ewropea li permezz ta’ kitbietu joħloq għarfien u kuxjenza kontra d-diskriminazzjoni minħabba razziżmu, orjentazzjoni sesswali, reliġjon, età jew diżabbiltà.
Il-ġurija Maltija kkonkludiet li l-istorja “Sa ma l-Mewt Tifridna” li dehret fit-tieni ħarġa tal-gazzetta Illum fit-12 ta’ Novembru li għadda fetħet id-dibattitu nazzjonali f’Malta dwar it-transesswali u l-problemi li jiltaqgħu magħhom mhux biss fid-dinja tax-xogħol iżda wkoll fil-ħajja normali tagħhom.
Din l-istorja laqqgħet lill-qarrejja ma’ Brenda li baqgħet tgħix il-ħajja miżżewġa flimkien mal-mara tagħha minkejja l-bidla fl-orjentazzjoni tas-sess tagħha.
Ir-rapport tal-ġurija irrimarka li wara li kienet ippubblikata din l-istorja numru ta’ gazzetti u programm televiżiv ewlieni fuq it-televiżjoni ta’ l-Istat ittrattaw dan is-suġġett.
L-istorja kif ippreżentata f’din il-gazzetta ġiet klassifikata fl-ewwel post wara li kienu mgħarbla mhux biss il-kreattività u l-oriġinalità iżda wkoll l-użu tajjeb tal-lingwa u l-mod sensittiv kif inkitbet.
Ir-rapport tal-ġurija tenna li “l-awtriċi esprimiet b’mod tajjeb ħafna l-emozzjonijiet personali tagħha waqt li ddiskutiet diversi aspetti ma’ Brenda. B’dan il-mod il-qarrejja ħassewhom komdi u mħajra biex anki huma jkollhom aktar kunfidenza fil-mod kif iġibu ruħhom ma’ persuni transesswali.”
Ix-xogħol ġurnalistiku ta’ Julia Farrugia se jkun ippubblikat fi ktieb li se jinħareġ mill-Kummissjoni Ewropea u li fih jinkludi l-istejjer rebbieħa minn kull pajjiż fl-Unjoni Ewropea.
Ix-xogħlijiet kollha mill-25 pajjiż membru fl-Unjoni Ewropea li rebħu dan il-premju se jerġgħu jikkompetu flimkien quddiem ġurija Ewropea indipendenti għal premju ieħor, “Ngħożżu d-Diversità. Diskriminazzjoni Qatt.”
Farrugia, eks-ġurnalista ma’ One News, ingħaqdet mal-gazzetta Illum sa mill-ewwel ħarġa f’Novembru li għadda.
F’kumment dwar dan il-premju, l-Editur ta’ Illum Kurt Sansone sostna li hu ta’ sodisfazzjon li fil-ftit taż-żmien li ilha tkun ippubblikata l-gazzetta irnexxielha tissettja l-aġenda fil-pajjiż fuq numru ta’ temi soċjali.
“Il-premju li rebħet Julia hu sinifikanti għax mhux biss juri l-impenn soċjali tal-gazzetta iżda iktar minn hekk għax qanqal diskussjoni iktar wiesa’ fil-pajjiż dwar id-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom persuni transesswali,” sostna l-editur.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt