25 ta' Marzu 2007 • Nr 21

Arkivji




 

 

 

25 ta' Marzu 2007
Suspetti f’żgħażagħ mill-inħawi

Julia Farrugia

Tagħrif li għandha din il-gazzetta jikkonferma li għajnejn il-Pulizija huma fuq numru ta’ żgħażagħ li possibbilment setgħu kienu l-moħħ wara l-vandaliżmu li seħħ fil-lejl ta’ bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa.
Għalkemm f’dan l-istadju xejn mhu qed ikun eskluż il-Pulizija mill-Iskwadra ta’ l-Istħarriġ Kriminali qed timxi fuq numru ta’ teoriji fosthom li dawn jistgħu jkunu żgħażagħ mill-inħawi tal-Qrendi.
Din it-teorija tkompli tissaħħaħ hekk kif fost il-kummenti ta’ kliem oxxen li kien hemm miktuba ma’ diversi ħitan u xelters tal-karozzi tal-linja kien hemm kelma partikolari. Din il-kelma mhi xejn għajr laqam ta’ bidwi li għandu l-għalqa tiegħu fl-inħawi. Jidher biċ-ċar li l-moħħ wara dan l-att vandalu jaf sew l-inħawi u jaf sew lill-persuni li għandhom proprjetà f’din iż-żona.
Nifhmu li fl-interrogazzjonijiet li qed isiru bħalissa l-Pulizija mmexxija mill-Ispettur Jeffrey Azzopardi qed tiffoka fuq fejn kienu l-persuni mistħarrġa bejn is-7.30pm u n-12.30 tal-Ġimgħa filgħodu. Ir-reat twettaq wara nżul ix-xemx u qabel in-12.30am meta ntebħu b’dak li ġara l-Pulizija tad-Distrett fuq ir-ronda.
Dan il-vandaliżmu qed jittieħed bis-serjetà l-aktar għaliex fost is-sentenzi miktuba kien hemm “Imnajdra RIP”. Dawn it-tempji huma skedati bħala Wirt Storiku Dinji Uniku tant li fis-Snin Tmenin intagħżel minn Nazzjonijiet Uniti taħt il-programm ta’ siti storiċi mill-UNESCO.
Sorsi qrib l-investigaturi kkonfermaw magħna li l-Pulizija mhux qed twarrab il-possibiltà li dan ir-reat għandu rabta ma’ theddida li l-Heritage Malta rċeviet f’Settembru li għadda. Din il-gazzetta, fil-ħarġa tad-19 ta’ Novembru li għadda, żvelat kif Ħaġar Qim u l-Imnajdra kienu diġà fuq allarm. Il-Pulizija kienet intalbet tinvestiga dan il-każ. Immedjatament il-Heritage Malta kienet qabbdet kumpanija tas-sigurtà biex tagħmel rondi regolari madwar it-tempji. Rondi oħra għadhom isiru b’mod regolari mill-Forzi Armati ta’ Malta li xhur ilu kienu laqgħu t-talba tal-Heritage Malta biex jgħinu fit-tisħiħ tas-sigurtà.
Illum hi nfurmata li l-patrol tal-AFM saret bħas-soltu. Fil-lejl ta’ bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa suldati bir-ronda għaddew mill-Qrendi preċiż fejn sar il-vandaliżmu għall-ħabta tal-5.00am.
Il-Pulizija qed tgħarbel ukoll x’konnessjoni jista’ jkun hemm mal-kwistjoni tal-kaċċa u l-insib peress li numru ta’ sentenzi f’dan ir-reat vandalu kienu jinkludu kummenti favur il-kaċċa u kliem oxen kontra l-Birdlife u l-Ministru Pullicino.
Din l-iżvolta kompliet iżżid ix-xogħol fi ħdan il-Korp tal-Pulizija li b’diversi spetturi mis-CID u mill-għassa tal-Belt Valletta għadu qed jinterroga aktar kaċċaturi u nassaba b’rabta ma’ l-attakki u l-vjolenza li nqalgħet waqt u wara l-protesta tal-kaċċaturi nhar l-Erbgħa 7 ta’ Marzu li għadda.
Nhar il-Ġimgħa l-Pulizija ressqet il-Qorti erba’ kaċċaturi li tnejn minnhom mistennija tingħatalhom is-sentenza għada t-Tnejn.
Din il-ġimgħa l-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Anthony Portelli u Pierre Micallef-Grimaud mistennija tressaq il-Qorti wkoll għadd ta’ kaċċaturi oħra fosthom li wettqu ġesti oxxeni waqt il-protesta, saqu vann kontra l-ordnijiet tal-Pulizija u reżistenza li saret kontra l-Awtoritajiet.

jfarrugia@mediatoday.com.mt

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt