25 ta' Marzu 2007 • Nr 21

Arkivji




 

 

 

25 ta' Marzu 2007
Pullicino f’konfront dirett mal-kap media PN dwar il-kaċċa

Karl Stagno-Navarra

Il-mod ta’ kif kellhom ikunu rappurtati l-inċidenti li nqalgħu waqt il-protesta organizzata mill-Federazzjoni tal-Kaċċaturi, Nassaba u Konservazzjonisti (FKNK) tliet ġimgħat ilu fil-Belt wassal għal argument sħun fid-Dar Ċentrali tal-PN bejn John Zammit, id-Direttur Editorjali tal-media tal-PN u l-Ministru għall-Ambjent, George Pullicino.

Nifhmu li l-argument inqala’ meta b’kumbinazzjoni John Zammit instema’ jgħid kliem fis-sens li l-kaċċaturi ma kellhomx jingħataw importanza minkejja li bdew jaslu rapporti dwar attakki fuq il-ġurnalisti, tfigħ ta’ fliexken u għajjat ta’ “Viva l-Labour.”
F’dak il-ħin inzerta għaddej mill-istess kuritur il-Ministru George Pullicino li sema’ lil Zammit jitkellem b’dak il-mod u wieġbu lura billi staqsih jekk kienx qed jitkellem bis-serjetà.
Filwaqt li John Zammit ikkonferma l-ħsieb tiegħu, il-Ministru Pullicino sostna d-diżappunt tiegħu għall-fatt li l-media tal-PN kellhom opportunità li jesponu għemil il-kaċċaturi.
Il-kwistjoni żviluppat f’argument storbjuż bi kliem iebes li għadda bejn John Zammit u l-Ministru Pullicino. L-għajjat anki nstema’ minn barra t-triq.
Jirriżulta li dakinhar tal-protesta għaddiet ta’ John Zammit fejn fuq l-aħbarijiet ta’ Net TV dakinhar ħareġ biss rapport qasir mingħajr referenza għall-inċidenti filwaqt li l-gazzetta ‘In-Nazzjon’ ma tatx importanza għal dak li seħħ fil-Belt.
Kien biss l-għada l-Ħamis li l-aħbarijiet ta’ Net TV għamlu referenza għall-inċidenti li seħħew fil-Belt waqt il-protesta, partikolarment għall-attakk li ġarrbu l-ġurnalisti mill-kaċċaturi wara li kien inevitabbli li jirreferu għall-għadd ta’ stqarrijiet ta’ kundanna mill-oqsma kollha, inkluż mill-PN.

ksnavarra@mediatoday.com.mt

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt