25 ta' Marzu 2007 • Nr 21

Arkivji




 

 

 

25 ta' Marzu 2007
Mixja madwar il-Mater Dei

Iddakkart mill-aħħar moda, dik li tieħu tour ta’ l-Isptar Mater Dei, biex nara b’għajnejja x’rigal se jagħtini Gonzi meta jinawgurah fl-1 ta’ Lulju.
Dejjem staqsejt lili nnifsi x’rigal hu dan għax wara kollox ħallast għalih bit-taxxi tiegħi bħalma għamlu eluf ta’ Maltin oħra. Qisu xi ħadd jagħtik rigal għall-birthday iżda jitolbok il-ħlas għalih. Imma l-politiku hekk jirraġuna; la se jinawgura sptar dak hu r-rigal tiegħu għalik.
M’hemm l-ebda dubju li l-Isptar Mater Dei għandu jkun l-għira ta’ ħafna sptarijiet oħra Ewropej. Id-differenza mill-Isptar San Luqa hi enormi. Hemm qabża fil-kwalità. Is-swali u l-kuriduri huma kollha air conditioned biex tinżamm temperatura stabbli madwar l-isptar kollu. Il-ħsieb wara t-tqassim tas-swali wkoll ta’ min jammirah, b’ħafna mill-kmamar għall-pazjenti jagħtu għan-naħa tal-wied biex jiffrankaw il-qilla tax-xemx ta’ nofsinhar.
Il-mod ta’ kif se jitqassam l-ikel, b’għażla minn menu li jinbidel kull 15-il ġurnata, ukoll hu differenti minn dak li mdorrijin f’San Luqa. Se jintużaw trolleys ta’ l-azzar li jinġiebu mill-kuntrattur mimlijin bl-ikel skond l-għażla tal-pazjent u jitqabbdu ma’ l-elettriku biex fejn hemm bżonn li l-ikel jissaħħan dan jibqa’ sħun sal-mument li jitqassam lill-pazjent.
Mhux se jkun hemm swali sħaħ mimlijin sodod imqiegħda waħda wara l-oħra għax kull kamra se tieħu sa massimu ta’ sitt sodod. F’kull kamra se jkun hemm ukoll toilet u shower għall-użu tal-pazjenti f’dik il-kamra.
Kull sodda se jkollha aċċess għat-televixin, l-internet u intercom biex il-pazjent jitkellem ma’ l-infermiera.
Il-kamra mortwarja hi aktar dinjituża minn dik li hemm f’San Luqa bi kmamar privati.
Tpaxxejt bil-bini u l-infrastruttura moderna. Iżda jien u nterraq fil-kurridur twil kważi kilometru u nofs tul l-isptar kollu u li jagħti għas-swali differenti, staqsejt lili nnifsi jekk is-servizz tas-saħħa għadx jibqa’ b’xejn għal kulħadd.
Biex nagħmlu l-użu massimu mit-teknoloġija avvanzata li joffri l-isptar bilfors iridu jinbidlu l-prattiċi tax-xogħol ta’ l-infermiera u t-tobba. Iridu jitwalu s-sigħat tal-ħidma, jiżdiedu x-shifts f’ċerti oqsma u f’xi każi anki jiżdiedu n-nies. Dan kollu jfisser spiża ikbar f’pagi u inċentivi. Ma nafux kemm għax minkejja li għad fadal biss ftit iktar minn xahrejn għall-ftuħ, id-diskussjonijiet mal-unions għadhom għaddejjin.
Stramba kif dawn id- diskussjonijiet, li suppost qed jikkonċentraw fuq l-iktar ħaġa importanti fl-isptar, in-nies li se jaħdmu fih, tħallew għal daqshekk fit-tard.
L-isptar il-ġdid jixrob enerġija daqs Għawdex kollu u li kieku ma sarx investiment f’miżuri biex jitnaqqas il-konsum ta’ l-elettriku kien jixrob ferm iktar. Dan waħdu wkoll hu indikazzjoni ta’ l-ispiża ikbar li se jkollu jagħmel il-pajjiż biex imantni l-isptar il-ġdid.
Nazzarda ngħid li ’l quddiem kulmin ikun fil-gvern se jkollu jqis il-possibiltà li jew iżid il-bolla biex jiffinanzja s-servizz tas-saħħa b’xejn jew inkella jistabilixxi ċerti servizzi li jkunu bi ħlas.
Ovvjament, fit-tours ta’ l-isptar ma jingħad xejn dwar l-iskandli kollha marbuta miegħu u li jaħtu wkoll għall-ispiża ta’ iktar minn Lm250 miljun li se jkun sewa meta jitlesta minn kollox.
Iżda forsi l-ikbar uġigħ ta’ ras minn issa ’l quddiem mhumiex dawn il-Lm250 miljun. L-ikbar uġigħ ta’ ras se tkun kif inżommu l-kumdità u s-servizz ta’ kwalità li qed iwiegħed il-Mater Dei mingħajr ma l-pajjiż jiżborsja.
ksansone@mediatoday.com.mt

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt