25 ta' Marzu 2007 • Nr 21

Arkivji




 

 

 

25 ta' Marzu 2007
L-akbar belt f’Malta

Julia Farrugia

Grada kbira sewda tal-ħadid hi d-daħla ta’ din il-belt li l-minġel taż-żmien ħalla fuqha l-marki tiegħu. Tabella żgħira mdendla ma’ ġenb minnhom tgħidlek li se tkun restawrata.
Fuq il-lemin ħaddiem jurini d-daħla għal kmajra żgħira. Dlam ċappa li bil-kemm tara fejn miexi. Sakemm għajnejja joqogħdu nintebaħ li wara skrivanija ta’ l-injam hemm raġel li f’dak il-limbu xorta qed jirnexxilu jħarbex qalb il-karti rpużati puliti biswitu. Paul Micallef hu l-bniedem li għal dawn l-aħħar erba’ snin mexxa l-akbar belt f’Malta: iċ-ċimiterju ta’ l-Addolorata.

L-ewwel residenti
B’popolazzjoni li sa tlett ijiem ilu kienet tlaħħaq l-278,974-il ħotba, jew aħjar l-għolja magħrufa bħala l-Addolorata, hija l-aktar medda ta’ art b’popolazzjoni densa f’pajjiżna. Kull sena f’dan il-post jingħaqdu medja ta’ 1,500 persuna. Is-sena li għaddiet kienet sena rekord hekk kif id-difniet f’dan iċ-ċimiterju qabżu l-1,600.
Hekk kif tmidd riġlejk fil-qalbha tal-belt issib storja li ssaħħrek. Mhux biss l-istil arkitettoniku uniku li jsawru iżda wkoll it-tqassim u l-ippjanar bis-sens li sar seklu u nofs ilu. Anke sempliċiment servizzi tad-drenaġġ huma moħbija pulit pulit wara bibien Gotiċi biex ma jagħtux fil-għajn.
Nistħajjel perit kburi li lura fl-1862 kellu f’idu pjanta mirquma. Manwel Galizia, dak iż-żmien arkitett tal-Gvern, kien lesta l-pjanta ta’ dak li suppost kellu jkun ċimiterju li jilqa’ fih persuni li jkunu jew mill-Belt Valletta, mill-Floriana jew inkella mit-Tlett Ibliet. Dak iż-żmien id-difniet fil-knejjes ta’ l-irħula rispettivi ma kienx baqa’ possibbli li jsir anke minħabba kwistjoni ta’ iġjene.
Iżda f’kamra li sservi ta’ arkivji nsib manuskritti tqal antiki li l-istatistika fihom tiġbor l-istorja ta’ din il-belt b’tagħrif interessanti.
Nqalleb bil-mod fl-eqdem ktieb li b’kaligrafija mpittra hemm imnaqqxa fih enċiklopedija tad-difniet kollha li saru kif infetaħ il-post. Kull difna tingħata numru, sistema li għadha titniżżel bl-idejn hekk sal-ġurnata ta’ llum.
L-ewwel persuna li ndifnet fl-Addolorata hija mara mwielda n-Naxxar li kienet tgħix il-Mosta. Il-mara, ċerta Anna Magro, mietet fit-22 ta’ Jannar ta’ l-1872 fl-età ta’ 64 sena. Imma din il-mara, kif indifnet fl-Addolorata meta dan iċ-ċimiterju f’dak iż-żmien ma kienx miftuħ għal nies għajr dawk viċin il-Port il-Kbir?
Fil-gradilja tat-tarf ta’ dan il-ktieb goff, miktuba bit-Taljan, hemm sentenza li tikkonferma li l-anzjana mietet fl-isptar ġenerali ta’ Malta. Peress li dak iż-żmien l-isptar kien fil-Floriana fejn illum insibu d-Depot tal-Pulizija, il-mara kienet tikkwalifika għal din id-difna.
It-tieni persuna li ndifnet fl-Addolorat kienet tarbija ta’ 4 xhur, ċertu Giuseppe Gafà, li miet bil-meningite.
Iżda llum 145 sena wara dan il-post hu l-mafkar għal eluf ta’ Maltin minn madwar il-gżira kollha. Forsi ftit nies jintebħu li din il-belt minn dejjem kienet destinata bħala qabar kbir. Dan għaliex kumbinazzjoni, fuq din l-istess għolja, 2000 sena qabel kienu tħaffru oqbra puniċi.

Dawra fil-belt
Wara li tidħol mix-xatba l-kbira tal-ħadid li ddawwar il-faċċata ta’ din il-belt tilqgħek daħla wiesgħa. Imbagħad jibda taraġ twil li jwasslek għall-kappella ta’ l-istess ċimiterju. Din it-triq imtarrġa donnha tfakkrek fit-triq spiritwali ta’ l-insara li mid-dinja r-ruħ titla’ ’l fuq ’l fuq sakemm issib il-paċi dejjiema. F’nofs din it-triq imtarrġa ssib vaska bl-ilma li poetikament tissimbolizza l-banju ta’ l-erwieħ…l-ilma li jnaddaf u jsaffik qabel tidħol fis-saltna.
Il-binja tal-post hi fuq stil Gotiku. Kull biċċa xogħol f’dan il-post hi arti minnha nnifisha. Anke l-katusi ta’ l-ilma fihom xogħol dettaljat…bħal għafrid jew dragun tal-ġebel iħares patronizzanti fuq il-medda ta’ art ta’ taħtu. Imma ħasra li din il-belt bħal donnha qed tiżvinta u tittiekel bil-mod il-mod.
Parti mill-kolonni ta’ arkata jidhru bil-ġebel mittiekel. Partijiet minn katusi oħra tqaċċtu minn posthom. L-istess destin kiefer għall-ġebel oriġinali li kultant jaqgħu biċċiet minnu.
Il-bini tistħajlu qed jokrob…għatxan għar-restawr. Imma s’issa l-ebda ruħ twajba ma tfaċċat, jewwilla ħadd ma jinteressah. Ħafna mit-toroq li jeħduk għal ħdejn l-oqbra privati mimlija ħotob u mxennqa għal ftit tarmak.
Mhux darba u tnejn dan il-post jisfa fil-mira tal-vandaliżmu nkluż serq. X’ħin naslu ħdejn il-kappella nilmaħ bħal ċangatura kbira magħmula minn ħġieġ oħxon imkissra. Taħtha hemm il-kannierja fejn sa llum għadhom jindifnu patrijiet minn ordnijiet differenti. Xi ħadd ipprova jaqla’ din il-ħġieġa imma waqt il-proċess inqasmet. Jispjegawli li fil-ġimgħat li għaddew ġiet ordnata ħġieġa ġdida.
Imma x’qed jiġri? X’jista’ jsir biex din il-ġawhra ta’ post ma tkomplix titmermer?

Il-problema tal-flus
L-awtoritajiet bħalissa qed jinvestu madwar Lm15,000 għal xogħlijiet ta’ tindif u manutenzjoni żgħira li jsiru fiċ-ċimiterji kollha tal-Gvern! Din is-somma trid tinqasam bejn minn ta’ l-inqas 10 ċimiterji. Il-kelma restawr ma tinsabx fuq il-miklem finanzjarju ta’ l-Addolorata anke għaliex biex tirrestawra ħajt wieħed biss ta’ din ix-xorta trid eluf kbar ta’ liri.
Meta u jekk xi ħadd jieħu dan il-proġett bis-serjetà żgur li trid tinħoloq sistema ta’ kameras tas-sigurtà biex jgħassu l-inħawi għax hu inumanament impossibbli biex żewġ għassiesa jlaħħqu ma’ din il-belt kollha, l-aktar fis-satra tal-lejl. Ninnota li l-ħaddiema biex jaqsmu minn naħa għall-oħra tal-belt jużaw vann għal ta’ l-apposta.
Din il-problema tista’ biss tkompli tiżdied hekk kif qed jissuktaw il-pjani biex jinbena ċimiterju ieħor viċin dak eżistenti.
L-Awtorità ta’ l-Ambjent u l-Ippjanar diġa’ approvat li jsir l-iżvilupp. Issa jmiss il-fażi ta’ ħruġ ta’ offerti biex tibda l-eskavazzjoni u l-bini ta’ l-oqbra l-ġodda. Qed ikun kalkulat li b’kollox din l-estensjoni tilqa’ fiha aktar minn 2,000 persuna.
Forsi wasal iż-żmien ukoll li l-arkivji ta’ dan il-post ikunu mgħammra għal ta’ l-apposta f’rokna li tirreżisti n-nar. U għaliex le? Is-sistema ta’ arkivji tad-difniet jistgħu isiru wkoll b’sistema komputerizzata biex f’każ li jinqala’ xi saram ma jintilifx tagħrif storiku.

Il-belt ta’ kulħadd
Kull parti taċ-ċimiterju fiha storja: il-kamra mortwarja li fl-imgħoddi kienet tintuża biex fiha jsiru l-awtopsji; il-kappelli privati li jservu ta’ oqbra għas-sinjuri; l-oqbra tal-Commonwealth għal dawk li mietu fil-gwerra….l-oqbra tal-komun li fihom jindifnu dawk li m’għandhomx qabar; il-parti magħrufa bħala “il-Miżbla” li fiha ndifnu dawk l-imwarrba minħabba t-twemmin politiku Laburista tagħhom lura fis-Snin Sittin… Insir naf li din il-parti hi magħrufa mill-ħaddiema bħala “tal-preċett”. Nistaqsi għaliex.
Kif eżatt jispiċċaw l-oqbra “tal-Miżbla” hemm bħal ċimiterju ċkejken b’forma ovali. Fih hemm oqbra żgħar ħafna li għandhom forma ta’ lembut. F’dawn l-oqbra kienu jindifnu dawk it-tfal kollha li jmutu qabel ma jagħmlu l-preċett. Minn hawn ħareġ l-isem. Illum din il-parti hija minsija u m’hemm xejn għajr ritratt wieħed. Fl-2007 l-attenzjoni hija l-mafkar għat-tfal kollha li jmutu.
Nimxi ftit aktar ’l fuq. Tistħajlek dieħel fi ġnien li fih hemm biss tfal żgħar. Numru ta’ nani żgħar ikkuluriti jispikkaw mill-kumplament ta’ din il-belt. Bħal donnhom għadhom kemm inqalgħu minn xi ktieb tal-ħrejjef tat-tfal.
L-art hi magħmula minn ċagħak żgħir. Dinja kompletament differenti. Ġenituri li tilfu lill-għeżież tagħhom ħadu ħsieb biex taw din id-dehra.
Jisirqulek l-attenzjoni ritratti ta’ tfal ta’ ftit xhur li tilfu ħajjithom. Ftit passi ’l bogħod pala ta’ id b’tarbija mserrħa fuqha. Fuq din l-art hemm midfuna mijiet ta’ feti li mietu qabel it-twelid.
Minn taħt il-kappa tax-xemx ’l isfel kulħadd l-istess destin: il-mewt.
F’din il-belt kbira jiltaqgħu nies minn kull sfera tal-ħajja. Mistrieħa hawn issib fost l-aktar Maltin ta’ fama bħal President Anton Buttigieg, il-Prim Ministri Nerik Mizzi u Ġorġ Borg Olivier, Rużar Briffa, Ġużè Ellul Mercer, Alfons Maria Galea, Sir Temi Zammit, il-pittur Raffael Calì u l-Isqof Redent Gauci. Dawn huma ftit mill-bosta.
Hekk kif dawn il-ħsibijiet ikomplu jtaqqlu ngħaddu minn mogħdija dritta dritta…tant twila li għal ftit għajnejk imorru biss fuq is-simetrija tas-siġar tal-prinjol li bir-riħ jitbandlu minn naħa għall-oħra. Is-skiet hu profond għajr għall-għasafar tal-bejt li jiksru l-ħemda ta’ l-inħawi, f’din l-akbar belt, belt is-skiet.

jfarrugia@mediatoday.com.mt

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt