25 ta' Marzu 2007 • Nr 21

Arkivji




 

 

 

25 ta' Marzu 2007
Nies veri jew le?

Statwi ta’ daqs uman f’Ħaż-Żebbuġ

Franica Pulis

Dħalt f’garaxx li jagħti għal dar antika li sservi ta’ wirja għal matul il-Ġimgħa Mqaddsa, dar li ftit wara sirt naf li l-biċċa l-kbira tagħha kienet miksija bil-kartapesta. Laqgħuni grupp ta’ nies mill-Kumpanija Teatrali Talent Żebbuġi: tfal, żgħażagħ u oħrajn li għandhom mat-30 sena, qishom familja waħda tant kemm jidhru magħqudin.
Caroline Mallia u James Brincat daħħluni minnufih fil-parti fejn jintrama ċ-Ċenaklu. Tajt daqqa t’għajn, nipprova nixrob l-ambjent ta’ madwari u mill-ewwel stajt napprezza d-dettal li huma magħmulin bih l-istatwi tal-kartapesta.
Inħares warajha u nara statwa ta’ raġel donnu ndannat. Minnufih nipponta lejha, “Ġuda?”
It-tnejn tbissmu u weġbuni li hu x-xitan. Għal mument ħsibt li kienet interpretazzjoni ta’ Ġuda ddisprat.Minn hemm bdew jirrakkuntaw l-almu li jagħmlu biex iżidu karattri differenti u oriġinali fil-wirja biex ma jkunux bħall-bqija tal-wirjiet li jkun hemm għaddejjin f’dak iż-żmien.
Il-kumpanija kienet l-ewwel waħda li bdiet il-wirja għall-Ġimgħa l-Kbira bi statwi ta’ daqs uman armati fil-post 13-il sena ilu, statwi magħmula minn Jesmond Bonello, li hu wieħed mill-membri stess. L-istatwarju flimkien mal-bqija tal-grupp ifittxu ħafna dettalji mill-Bibbja stess u mit-tradizzjonijiet tal-Lhud biex jieħdu ideat ġodda.
Fil-fatt għandhom karattru minnhom li jsejħulu r-raġel tal-ġarra. Dan fil-Bibbja hu dak li kellhom jiltaqgħu miegħu d-dixxipli li kien bagħat Ġesù biex jurihom it-triq għall-kamra li fiha kienu se jagħmlu l-Aħħar Ċena. Karattru li s-soltu ma tantx tingħatalu importanza imma li jżewwaq l-‘istorja’ u fil-każ tat-Talent Żebbuġi jżewwaq id-dar. Karattri oħra simili huma ta’ San Mark u ommu, it-tifel fittizju Ġosafat u Ġużeppi ta’ Arumatea, li kien sid il-qabar ta’ Ġesù.
Is-sena li għaddiet ħadmu fuq ir-rebħa tax-xitan li kisibha għal jumejn meta miet Ġesù. Caroline spjegat li waqt li kien qed jinħadem ix-xitan mill-ewwel bdew jaħsbu fuq ir-rebħa ta’ Kristu fuq il-mewt għax ma xtaqux li jispiċċaw il-wirja b’dak il-mod. Din is-sena x-xogħol ġdid tagħhom hu l-Irxoxt, li kelli ċ-ċans nara l-abbozz u l-istatwa tiegħu kważi lesta mdendla fil-bitħa bla ħwejjeġ u bla xagħar.
Komplew idawruni mal-post u jispjegawli x’jiġri meta tiftaħ il-wirja u wara rħejtilha għall-każin ta’ San Filep. Hemmhekk iltqajt ma’ Philip Balzan fis-sala ta’ fuq fejn hemm armata l-Golgota. Kif irfist fiha nsib armati l-istatwi ta’ Kristu msallab u t-tliet ħallelin. Xena li taħsdek għax ma tistenniex li se tkun daqshekk kbira.
Hu beda jgħidli kif ix-xena kienet għadha vojta u kemm kien għad baqgħalha statwi x’jintramawlha.
Dak il-ħin daħlu Mary Mallia u Polly Vassallo mill-Kumitat Organizzattiv tal-Ġimgħa l-Kbira. Huma jagħmlu wkoll parti mill-Kumitat Nisa fi ħdan il-Każin, kumitat li ħa ħsieb ir-riċerka tal-kostumi, il-ħjata u li minn sena għal sena jlibbsu u jneżżgħu l-istatwi biex ikunu jistgħu jerfgħuhom aħjar. Jieħdu ħsieb ukoll l-ikel frisk taċ-Ċenaklu.
Philip kompla jirrakkuntali l-istorja ta’ l-istatwi ta’ daqs uman tal-fibre magħmulin mill-Kavallier Camilleri Cauchi. Dawn kienu maħsuba li jsiru fl-istess sena li saru tat-Talent Żebbuġi iżda l-istatwarju ma laħaqx lestihom fil-ħin.
Għalhekk iċ-Ċenaklu tagħhom sar fl-1995. Erba’ snin wara ħadmu l-Golgota, xena li setgħu jagħmluha minħabba l-għoli tas-sala. Fl-2004 żiedu d-difna ta’ Kristu fix-xelter li jiġi taħt il-każin. Ix-xelter hu wieħed mill-ftit li għandna bħalu f’Malta minħabba li l-passaġġi tiegħu huma wesgħin u għoljin.
Ftit wara niltaqa’ ma’ Rużar Magri, “il-perċimess ta’ kollox”, kif sejjaħlu Philip. Dakinhar daħal jirtokka x-xenarju taċ-Ċenaklu li hu magħmul mill-ġibs.
Rużar hu l-magna wara l-vari kollha armati. Kien hu li ħareġ bl-idea li jsiru statwi tan-nofs metru mbagħad meta mar għand l-istatwarju offra li jagħmilhom ta’ daqs uman.
Rużar beda d-delizzju tal-vari mindu kien tifel meta wieħed minn ħutu ħa interess fil-pasturi tal-presepju u beda jagħmilhom id-dar. Minn hemm ma waqafx u għadu s’issa jhewden u jara x’jivvinta minkejja li qed tonqoslu l-enerġija.
Din is-sena, fil-fatt, mal-wirja żiedu sett ta’ nkwatri tal-Via Sagra, bil-figuri mqabbżin ’il barra, magħmulin minn Antonio Mifsud taħt is-sorveljanza ta’ Camilleri Cauchi. Magħhom żiedu wkoll l-Irxoxt li hu effett awdjoviżiv akkumpanjat b’effetti speċjali li sas-sena d-dieħla jkunu kabbruh u sebbħuh.

fpulis@mediatoday.com.mt

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt