25 ta' Marzu 2007 • Nr 21

Arkivji




 

 

 

25 ta' Marzu 2007
15-il sena wara jerġa’ jeħel…

Għal darb’oħra l-proġett imwiegħed ta’ l-iżvilupp taċ-ċentru ta’ l-artiġjanat f’Ta’ Qali reġa weħel.
Il-proġett ta’ Ta’ Qali ilu jissemma sa minn Mejju ta’ l-1992.
Dak iż-żmien l-eks Ministru Nazzjonalista George Bonello du Puis kien qal li tħejja pjan biex il-crafts village f’Ta’ Qali jinbidel.Wara kienu saru sensiela ta’ wegħdi minn Ministri u esponenti oħra ewlenin fosthom mis-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo.
Fit-28 ta’ Jannar li għadda din il-gazzetta kienet irrappurtat lil Jesmond Mugliett, Ministru għall-Iżvilupp Urban jgħid li fi Frar se jinħarġu ż-żewġ offerti meħtieġa, waħda għall-bini tal-villaġġ ġdid u l-oħra għall-bini tat-toroq f’Ta’ Qali.
Iżda Frar ġie u għadda, l-istess kif għamel ix-xahar ta’ Marzu.
Jidher li din id-darba t-‘tort’ ta’ dan id-dewmien hu kollu tal-burokrazija.
Mitlub għal darb’oħra jikkummenta x’ġara mill-offerti li kellhom jinħarġu l-Ministeru ta’ Mugliett ikkonferma li “id-dokumenti taż-żewġ tenders għaddew lid-Dipartiment tal-Kuntratti biex isiru l-verifiki meħtiega.”
Din hi proċedura normali għal ħruġ ta’ offerti li jaqbżu l-Lm20,000.
Jidher iżda li l-proċess mhux daqstant wieħed mgħaġġel. Qabel l-offerti jkunu jistgħu jinħarġu l-idea tal-proġett kollu trid tgħaddi minn għarbiel ieħor, dak ta’ l-Awtorità għall-Ambjent u l-Ippjanar, il-MEPA.
F’kumment lil din il-gazzetta kelliem għall-Ministru Jesmond Mugliett qalilna li l-proġett se jiġi varat hekk kif fi “ftit” tal-jiem oħra jinħareg il-Full Development Permit għall-proġett kollu mill-Awtorità għall-Ambjent u l-Ippjanar.
Il-permess tal-MEPA hu fundamentali biex dan il-proġett jibda u mingħajru
l-ebda tender u l-ebda xogħol ma jista’ jibda.
Iċ-ċentru ta’ l-artiġjanat ta’ Ta’ Qali hu stmat li jipprovdi għixien lil madwar 100 persuna li huma bbażati f’huts f’dan il-villaġġ. Ħafna minn dawn il-kmamar għandhom storja interessanti warajhom.
Fit-Tieni Gwerra Dinjija din iż-żona f’Ta’ Qali kienet isservi bħala bażi tal-forzi ta’ l-ajru f’Malta. Tul din il-gwerra l-bażi sofriet minn bumbardamenti qawwija. Meta ntemmet il-gwerra l-hangars abbandunati bdew jintużaw minn ħaddiema ta’ l-artiġjanat għax-xogħol tipiku Malti tagħhom u t-tradizzjoni baqgħet għaddejja f’dan it-tip ta’ ambjent sal-ġurnata ta’ llum.

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt