Matul l-aħħar jiem tim ta’ investigaturi mill-iskwadra ta’ l-istħarriġ kriminali taħt it-tmexxija tal-Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo komplew ikellmu aktar persuni bit-tama li jinstab il-moħħ wara l-bomba li nhar l-Erbgħa 21 ta’ Frar splodiet ma’ dar fil-Mosta, proprjetà ta’ uffiċċjal tat-Tax Compliance Unit.
F’dan l-istadju l-Pulizija mhu qed teskludi xejn. Madankollu waħda mit-toroq li qed tkun mistħarrġa b’attenzjoni hi dik ta’ każijiet jaħarqu ta’ VAT dovuta lill-Gvern minn numru ta’ individwi u li setgħu kienu investigati mill-vittma, Ian Azzopardi.
Nifhmu li fl-aħħar ġimgħat il-Pulizija kompliet tgħarbel aktar files ta’ każijiet, inkluż dawk antiki, li seta’ ħadem fuqhom Azzopardi.
Il-probabbilità hi li f’dan ir-reat kriminali ċappsu jdejhom żewġ persuni jew aktar. Fost dawn hemm il-persuna li ordnat il-bomba, min ħadimha u possibilment persuna oħra li setgħet poġġiet il-bomba quddiem il-bieb tad-dar ta’ Ian Azzopardi.
Sorsi qrib l-investigazzjoni sostnew ma’ Illum li l-bomba wżata f’dan il-każ kienet waħda partikolari ħafna. It-teknika wżata hi dik magħrufa bħala “improvizzata” bi splussiv qawwi x’aktarx tat-tip TNT.
Il-kontentitur li fih tpoġġa l-isplussiv x’aktarx kien wieħed maħdum għal ta’ l-apposta. Minn tagħrif li għandha din il-gazzetta jirriżulta li l-ħxuna tal-kontentitur kienet kbira ħafna, ferm eħxen minn sempliċi pjanċa tal-ħadid normali. Dan juri biċ-ċar li l-persuna li ħadmitha hi tal-mistier u taf li aktar ma dan il-materjal ikun oħxon, akbar tkun il-ħsara li tista’ ssir.
Qed ikun ikkalkulat li fil-kontenitur kien hemm maħżun xejn inqas minn kilò u nofs ta’ splussiv.
jfarrugia@mediatoday.com.mt
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt