25 ta' Marzu 2007 • Nr 21

Arkivji




 

 

 

25 ta' Marzu 2007
Minn ġeru għal ċappa xaħam

Franica Pulis

Il-bidla fl-istil ta’ ħajja mhux lilna biss qiegħda tagħmel ħsara iżda anki lill-annimali li nrabbu magħna fid-dar. Sa 15-il sena ilu żgur li n-nies kienu ħafna iktar attivi milli huma llum bil-ġenerazzjoni ta’ l-internet u bil-ħaddiema li jqattgħu aktar ħin ix-xogħol.
Kawża ta’ hekk ftit li xejn jibqa’ ħin għall-eżerċizzju tal-persuna, aħseb u ara tal-kelb.
Il-mixja ta’ ħames minuti filgħodu u l-oħra ta’ filgħaxija biex il-kelb jagħmel il-bżonnijiet tiegħu żgur li mhix biżżejjed biex tpatti għal ġurnata sħiħa li jkun qatta’ fid-dar ma jagħmel xejn u jistenna lil sidu jiġi lura minn xogħlu.
Nuqqas ta’ attività fl-annimal tad-dar iwassluh biex jiffanga aktar fl-ikel għax ma jkollux fiex jheda u, terġa’ u tgħid, l-ikel li jiekol ma jkollux ċans jaħarqu. Fil-każ tal-qtates hi ftit differenti minħabba li l-karattru tagħhom hu iktar indipendenti minn tal-klieb u ġeneralment kapaċi jikkontrollaw kemm jieklu kuljum għalkemm xorta ssib qtates li jieklu żżejjed, speċjalment meta jissewwew.
“L-annimali meta jkunu msewwija hemm tendenza li jitqawwew ukoll għalkemm din xorta mhix skuża għax l-ikel xorta jista’ jiġi kontrollat,” qal il-veterinarju Ivan Galea.
Il-problemi jibdew meta sid il-kelb jew qattus ipatti għan-nuqqas ta’ ħin li jqatta’ ma’ l-annimal tiegħu bl-ikel, billi jħallilu kwantità ikbar milli suppost dejjem lesta għalih fil-platt, li tista’ twassal għall-obeżità fl-annimal.
Kelb li suppost jiżen 7.5kg u jżid 2kg fil-piż tiegħu għalina jidhru ftit, anzi ssib ħafna li jiggustawh iżda meta piż ta’ kelb tqabblu ma’ ta’ raġel, l-istorja mill-ewwel tinbidel. Raġel li jiżen 80kg u jżid 20kg fil-piż tiegħu żgur ma tiggustahx jekk jiġri hekk, minflok tħeġġu jagħmel dieta. L-istess irid jiġri fl-annimali li jeħxienu.
Obesità faċilment twassal għal dijabetè, mard tal-qalb, tal-ġogi bħall-artritè u tal-ġilda u qtugħ ta’ nifs, mard li joħroġ aktar ma l-kelb jew il-qattus jibda jikber fiż-żmien.
Skond Galea l-obesità tikkuraha billi l-ewwel tara jekk hiex ġejja minn xi marda li tikkawża l-ħxuna. Jekk le, imbagħad trid jekk l-annimal huwiex oħxon jew obeż.
Fil-każ ta’ ħxuna, l-annimal irid iżid fl-eżerċizzju u jnaqqas mill-ikel filwaqt li f’każ ta’obeżità jrid jibda jagħmel eżerċizzji maħsubin għalih u anki jiekol ikel apposta li hu fuq livell ta’ mediċina u jinxtara bir-riċetta tal-veterinarju.

fpulis@mediatoday.com.mt

X’suppost jieklu u kemm-il darba?

Qtates
Dried food għax hu bilanċat bil-vitamini u sustanzi li jkollu bżonn u jħassar inqas is-snien, għalkemm jista’ jrabbi l-ġebla fil-qattus. Bħala ikel hu komdu għas-sid għax ma jmurx mill-ewwel u jħammeġ inqas. Ikel tal-landa jrid jintrema wara nofs siegħa għax ma jibqax tajjeb. Ħafna ħut nej mhux tajjeb għax ikollhom nuqqas ta’ vitamini. L-ikel apposta għalihom tajjeb li jkun bilanċat fil-proteini, xaħam, minerali u vitamini u importanti li ma jingħatawx iżżejjed minnu għax jista’ jkunu ta’ ħsara għalihom.
Il-qtates, minħabba n-natural tagħhom, l-aħjar titmagħhom ftit u ta’ spiss. Fil-fatt meta kienu għadhom slavaġ kienu jikkaċċjaw ħafna priżi żgħar matul il-jum kollu.

Klieb
Dried food għall-istess raġunijet tal-qattus. Li hemm tajjeb hu l-klieb għandhom inqas ċans li titrabbilhom il-ġebla b’dan l-ikel. Ikel bħaċ-ċikkulata, għeneb u basal huma velenużi għalihom għax fihom ċerti sustanzi li ma jaqblux mal-kelb.
Il-klieb l-aħjar titmagħhom il-porzjon tagħhom f’darba filgħaxija għalkemm jekk l-istess porzjon tinqasam fi tnejn mhux se ssirlu ħsara. Din ukoll ġejja min-natural tal-klieb meta kienu għandhom slavaġ.
Skond il-veterinarju, il-kelb kien jikkaċċja l-ħin kollu għax moħħu jaħdem ‘issa hawn l-ikel, għada ma nafx x’se nsib’. Allura t-tendenza hi li l-kelb jiekol kulma jara b’għajnejh.


Nota:
Hu importanti li l-annimali ma jingħatawx ikel minn mal-mejda minħabba li jkun mimli b’wisq xaħam għall-metaboliżmu tagħhom. Dan minbarra li jagħmel l-annimal iktar qanżħa biex jiekol l-ikel tiegħu li hu iktar nutrittiv.
L-ikel li jinxtara għalihom għandu jkun mimli fibra. L-aħjar hu li titlob parir lill-veterinarju biex jgħinek tagħżel l-iktar ikel addattat għall-annimal tiegħek. “Tieħu idea mill-prezzijiet ukoll. Hemm differenza tixtri landa ikel Lm1 u tixtri erba’ laned għall-istess prezz. Xi ħaġa jkun hemm żgur biex differenza bħal dik fil-prezz,” sostna Galea. Fuq il-laned jew pakketti ta’ l-ikel ikun hemm immarkat ukoll kemm suppost titma’ l-annimal li jiddependi mill-età u d-daqs tiegħu.

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt