F’temp xitwi nhar il-Ġimgħa filgħaxija mal-100 ruħ segwew dik li kellha tkun laqgħa oħra ta’ Angelik Caruana mal-‘Madonna’ f’Borg in-Nadur.
Fi ktejjeb ta’ 30 paġna li tqassam lill-ġemgħa preżenti r-raġel minn Birżebbuġa jikkonferma li fis-26 ta’ Settembru 2006 il-Kanċillier tal-Kurja “infurmani li d-demm ta’ fuq l-istatwa rriżulta li jaqbel ma’ tiegħi.”
Din id-dikjarazzjoni ġdida ta’ Angelik issaħħaħ l-aħbar li żvelat din il-gazzetta l-Ħadd li għadda. Illum tefgħet dawl fuq dokument intern li s-sena li għaddiet għadda bejn il-Kanċillier tal-Kurja u l-Arċisqof ta’ dak iż-żmien, Mons. Ġużeppi Mercieca. Dan id-dokument ikkonferma li d-demm fuq l-istatwa tal-Madonna, proprjetà tal-familja Caruana, hu ta’ raġel u kompatibbli ma’ ta’ Angelik.
Fi tweġiba li ngħatat lill-media l-Kurja qalet li “ma tistax la tiċħad u lanqas tikkonferma l-eżistenza ta’ xi dokument partikolari jew tikkummenta dwaru.”
“Madonna ta’ Borg in-Nadur, itlob għalina.”
Kienet fost l-aħħar sentenzi wara li fuq l-għolja f’Birżebbugia ntemm ir-rużarju reċitat minn grupp ta’ devoti li twasslu fuq il-post b’żewġ minibuses. Ftit tas-sekondi wara, sajjetta qawwija xegħlet is-sema issa aktar iswed minn qabel bix-xita tkompli traxxax.
Angelik Caruana, imwieżen minn persuna oħra, deher nieżel minn ħdejn is-salib u jerħilha bil-pass lejn karozza li kienet qed tistennieh. Wiċċu kien miksi kollu bit-tajn wara li għal xi ħin waqt il-posti tar-rużarju deher jgħaffeġ wiċċu ma’ l-art fil-ħamrija mxarrba bix-xita.
Din il-gazzetta ippruvat tieħu reazzjoni ta’ Angelik dwar numru ta’ punti, fosthom dwar reati li hu allegatament involut fihom u li s’issa għadhom ma ħarġux fil-mezzi tax-xandir. Angelik, imgeżwer f’inċirata, għamel sinjal li ma jridx jitkellem. B’nifsijiet twal ta’ eċitament ir-raġel kompla jlebbet ’l isfel mingħajr ma kkummenta xejn u ħarab mill-mistoqsijiet tagħna fosthom dwar l-analiżi tad-demm fuq l-istatwa tiegħu li x-xjenza kkonfermat li hu kompatibbli mad-demm tiegħu.
18-il ‘dehra’
Fil-ktieb li Angelik qassam nhar il-Ġimgħa li għadda hu sostna li s’issa diġà kellu 18-il ‘dehra’. Din hi ekwivalenti s’issa għal kemm kien hemm dehriet f’Lourdes.
Angelik jgħid li fis-26 ta’ Jannar, 2007 meta kien fil-Bank HSBC ta’ Birżebbuġa kellu sinjal ieħor. “Kienu xi 8.45am. Waqt li kont quddiem il-kaxxiera fil-bank f’daqqa waħda xammejt riħa tfuħ li s-soltu jkollha x’taqsam mas-Sinjura. Fl-istess ħin ixxarrabt bl-għaraq.”
Imma dakinhar fid-dar tal-familja Caruana fi Triq San Pietru f’Birżebbuġa l-allegati fenomeni kienu numerużi fosthom ftit wara dan l-episodju tal-bank. Angelik, akkumpanjat minn ċerta Doreen, ħabiba tal-familja, ibnu l-kbir u martu Catherine, eks pulizija, ra mifqugħa l-kaxxa tal-ħġieġ li fiha jżommu l-istatwa tal-Madonna.
“L-impressjoni li tagħmillek mad-daqqa t’għajn hi ta’ splużjoni żgħira li waddbet il-ħġieġ ’il barra u bis-saħħa tagħha taru wkoll ix-xemgħat bil-gandlieri tagħhom.”
Angelik isostni wkoll li “kien hemm kwantità ta’ likwidu safrani (qisu żejt) ma’ l-art madwar il-kolonna. Dan il-likwidu qisu żejt għadu ħiereġ mill-istatwa sal-ġurnata ta’ llum. Dan il-fenomenu għad irid jiġi studjat mill-esperti.”
Episodju ieħor marbut mas-26 ta’ Jannar, 2007 hu taċ-ċwievet ta’ Angelik li aktar qabel kien sostna li ma setax isibhom. F’dehra mill-‘Madonna’ li qed jallega li kellu dakinhar stess fis-2pm ir-raġel jgħid li din qaltlu li “iċ-ċwievet kien ħadhomli l-Anġlu Kustodju tiegħi biex jien ma jkollix aċċess għad-dar.”
Dejjem skond Angelik il-‘Madonna’ dehritlu wkoll l-għada s-Sibt 27 ta’ Jannar. Meta Caruana staqsiha għalfejn bkiet il-ġurnata ta’ qabel hi weġbitu li “riditna nibqgħu niftakru l-ġurnata tal-bieraħ għax kienet ġurnata għażiża għaliha minħabba l-għaqda li kien hemm fil-kon-katidral ta’ San Ġwann waqt l-ordinazzjoni ta’ Monsinjur Cremona.”
Il-familja Caruana qed tirrapporta wkoll fenomeni oħra fid-dar tagħha fosthom ta’ żejt li qed joħroġ minn kopja ta’ ritratt ta’ l-istess statwa li fit-30 ta’ Ottubru tas-sena l-oħra Fr Hayden Williams poġġieh f’żewġ boroż tal-plastik issiġillati bil-magna. Angelik isostni li dakinhar fis-18.55pm kellu dehra.
“Is-Sinjura qaltli biex ngħid lil min kien ħdejja biex imur jagħti titwila lill-inkwatru.”
Martu Catherine marret tara. “Kif daħlet fil-kamra fejn hemm ir-ritratt xammet riħa bħal dik ta’ meta jinħaraq xi plastik. Hija sabet il-plastik li fih kien hemm l-inkwatru b’toqob imdewba fih. Minkejja li l-plastik kien doppju, għax kienu żewġ boroż imissu ma’ xulxin, wara nnutajna li kien hemm bnadi fejn il-ħarqa misset kemm il-borża ta’ barra kif ukoll dik ta’ ġewwa, iżda kien hemm bnadi fejn il-plastik kien imdewweb biss f’ta’ barra jew biss f’ta’ ġewwa bla ma kien hemm ħarqa korrispondenti fuq il-borża l-oħra.”
Angelik qed isostni li “is-Sinjura qaltli li dan kien għamlu dak il-ħin stess l-Anġlu bħala sinjal li x-xewqa tagħha hi li r-ritratt ma jkunx issiġillat.”
Għall-Qorti
Fil-ġimgħat li ġejjin Angelik Caruana mistenni jitressaq il-Qorti b’rabta ma’ telefonata anonima b’theddid li saret lil din il-gazzetta. It-telefonata saret jumejn wara li fit-18 ta’ Frar li għadda Illum bdiet tinvestiga l-allegati dehriet tal-Madonna u d-demm uman li ‘bkiet’ l-istatwa proprjetà ta’ Angelik.
F’dik il-ħarġa din il-gazzetta tefgħet dawl fuq it-testijiet tad-demm li normalment isiru mhux biss fuq l-istatwa iżda wkoll fuq il-membri tal-familja ikkonċernata.
Fit-18 ta’ Frar li għadda Fr Hayden kien sostna magħna li “jekk ġraw każijiet oħra wara t-23 ta’ April 2006 allura hemm ninkwieta għax minn hemm dħalt fil-każ jien. Jekk taf b’xi każi bħal dawn għaddihomli.”
Meta nhar il-Ġimgħa f’Borg in-Nadur nfurmajna lil Fr Hayden b’dan l-aħħar każ ta’ theddid il-patri ma kellu l-ebda kumment x’jgħaddi. Wara nsistenza ta’ madwar ħames minuti l-patri ammetta li “theddid ġej minn fejn ġej hu ħażin.”
Sadanittant, minbarra l-ktieb bid-data 23 ta’ Marzu 2007 b’testimonjanzi ta’ Angelik, tqassam ukoll ktieb ieħor f’kummenti ta’ Fr Hayden dwar dawn it-testimonjanzi.
Il-patri jikkwota minn riflessjonijiet differenti fosthom dwar fenomeni bħal dmugħ, żjut u demm uman. Hu jgħid li “dawn il-fenomeni jista’ jkollhom ħafna spjegazzjonijiet fosthom qerq uman, spjegazzjonijiet naturali, xjentifiċi jew sopranaturali.”
Sal-lum il-Kurja Maltija dejjem qalet li dwar l-istatwa li allegatament ‘bkiet’ “ma kien hemm l-ebda ntervent sopranaturali.”
Dan il-każ qed ikun segwit mill-qrib ukoll mill-Provinċjal tal-Franġiskani Kappuċċini f’Malta Fr Joe Alessandro peress li Fr Hayden hu membru ta’ l-istess ordni.
Williams, minbarra li qed jagħmilha ta’ direttur spiritwali ta’ Angelik Caruana, qed jgħinu fil-kitbiet tiegħu nkluż it-tixrid fil-pubbliku ta’ testimonjanzi li Caruana qed iqassam lin-nies.
F’kumment lil Illum il-Provinċjal Alessandro jgħid li “qed naqra l-gazzetti u nsegwi dak kollu li jkun rappurtat fil-media, inkluż fuq din l-istorja.”
jfarrugia@mediatoday.com.mt
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt