25 ta' Marzu 2007
“Is-sigriet ta’ dan is-suċċess se jkun li l-plejers kienu responsabbli tagħhom infushom”- Patrick Satariano
Hekk kif tispiċċa x-xitwa u titfaċċa r-rebbiegħa, kull dilettant ta’ xi sport jibda jistenna l-verdetti finali tal-kampjonati fl-isport differenti. U dak li se jiġri fil-jiem li ġejjin se jagħlaq l-ewwel ġudizzju ta’ min hu l-aqwa tim f’pajjiżna fil-logħba tar-rugby. Stompers huma kważi champions. U se jirbħu da l-unur għax kienu konvinċenti, konsistenti u kapaċi. Għat-tieni sena wara l-oħra, se jkunu huma t-tim li jieħdu x-xettru lejn il-club tagħhom.
Spikkaw il-plejers kollha, imma wieħed partikolari kellu staġun impressjonanti xi ftit aktar mill-kumplament.
Ħadd ħlief Patrick Satariano. Il-captain tat-tim ta’ Stompers li jista’ jissejjaħ bħala l-bandiera ta’ dan it-tim.
Iltqajt miegħu t-Tlieta li għadda. Stennejt li se nsib muntanja ta’ bniedem quddiemi kif normalment ikunu l-plejers tar-rugby. Ninħasad malli nara xi ħaġa kompletament differenti. Mal-milja ta’ l-intervista, tgħallimt xi ftit aktar kemm plejer tajjeb f’dan l-isport ma jridx ikun neċessarjament mibni.
F’ġurnata xitwija għall-aħħar inpoġġu bil-qiegħda u flimkien innutajna l-ħalba xita bis-silġ tfaqqa’ mal-ħġieġ ta’ barra li kienet qed tagħmel fil-mument. Sforz tat-temp kien diġà kważi dalam. Nibdew…
Patrick jispjegali fil-qasir kif inhi l-ħajja tiegħu u kif beda jilgħab ir-rugby.
“Jien naħdem awditur ma’ Price Waterhouse Coopers. Inħobb ngħix il-ħajja tad-divertiment l-aktar fis-sajf għax inniżżel id-dgħajsa u mmur ma’ sħabi ndur mal-gżejjer. Ir-rugby sar parti minn ħajti għax minbarra li nilgħab qiegħed fil-kumitat ta’ Stompers. Dan jirrikjeda ħafna xogħol għax bejnietna qegħdin tim li norganizzaw ħafna avvenimenti.
“Nitħarrġu darbtejn jew tliet darbiet fil-ġimgħa bħala tim u min hu bħali jkun impejnat anke bit-tim Nazzjonali. Nipprova nlaħħaq ma’ kollox.
“Bdejt nilgħab il-Kulleġġ ta’ St. Edwards. Ngħidlek il-verità, fil-bidu ma tantx kien sport li jogħġobni. Wara ftit żmien iddeċidejt li niffirma ma’ Stompers u bdejt nidħol fl-atmosfera tal-logħba. Minn dak inhar sa llum rajt differenzi kbar fil-logħba. Eżempju klassiku huwa li dak iż-żmien konna nitħarrġu fuq ir-ramel, u llum, għall-inqas għandna l-ħaxix. Aħna konna l-uniku youth tim li kien hawn dak iż-żmien. Niftakar li konna nitħarrġu mat-tim ta’ Overseas.”
Patrick jirrakkuntali kemm l-isport jilgħab parti importanti ħafna f’ħajti. Ir-rugby mhux l-uniku sport li jagħmel jew kien jagħmel xi darba.
“Kont u kultant għadni nilgħab xi logħba futbol 5-a-side. U nħobb ukoll iċ-ċikliżmu u mhux l-ewwel darba li mmur indur bir-rota. Ma nafx għalxiex għażilt ir-rugby. Kultant il-ħajja ma tafx kif tiġi. Bdejt b’kumbinazzjoni nilgħab meta kont l-iskola u llum stabilixxejt ruħi. Hu sport ta’ saħħa li trid tkun konċentrat u taf x’int tagħmel il-ħin kollu għax inkella tista’ tweġġa’ faċilment.”
Huwa wieħed mill-pijunieri taċ-champions ta’ Malta. Ta’ età daqshekk żgħira xi ħaġa rari li wieħed ikun il-captain ta’ tim.
“Qabli kien hemm Andrew Camilleri captain. Wara ftit żmien kienu staqsewni rridx nieħu din ir-responsabbiltà jien u aċċettajt. Naħseb li l-għażla waqgħet fuqi għax rawni ddedikat u determinat li rrid nirbaħ kull logħba akkost ta’ kollox.
“Il-club ta’ Stompers hu familja sħiħa. Il-plejers qisna aħwa u jien inqishom bħala ħbieb kbar tiegħi, anke għax ma’ ħafna minnhom kont l-iskola. Huma kollha nies tal-ġenn u kull weekend niltaqgħu u noħorġu flimkien, sakemm ma jkollniex il-logħob l-għada. Kulħadd imur tajjeb ma’ kulħadd u jien kuntent ħafna bl-atmosfera li hemm.
“Din hija t-tieni sena li qed nirbħu ħafna unuri flimkien bħala Stompers. Kellna ħafna logħob iebes din is-sena u kulħadd iddedika ruħu biex jasal dan l-unur. Biżżejjed ngħidlek li l-plejers ilna ma noħorġu nhar ta’ Ġimgħa żmien twil peress li s-Sibt ikollna l-logħob. Is-sigriet ta’ dan is-suċċess huwa li l-plejers kienu responsabbli tagħhom infushom. Matul is-sena għamilna ħafna attivitajiet bejnietna biex inkabbru l-għaqda u l-atmosfera vivaċi. Għandna diversi plejers ta’ esperjenza magħna li għenu liż-żgħar jimmaturaw aktar fil-logħba.”
Patrick Satariano twieled fil-25 ta’ Jannar 1983. Hu u oħtu Rebecca huma ulied Joe u Angela u joqogħdu l-Madliena.
Personalment nemmen li waħda mir-raġunijiet tal-fama kbira li ħa fir-rugby hija għax jilgħab ma’ wieħed mill-uniku żewġ clubs ta’ livell li għandna f’pajjiżna. Anke jekk Patrick ma jammettiex kompletament, jidher biċ-ċar li Stompers u Kavallieri huma fi klassi għalihom meta mqabbla mal-kumplament.
“Rugby bħall-futbol u tista’ tirbaħ u titlef ma’ kulħadd. Jista’ jkun li tiġik logħba li ma tkunx konċentrat fiha u titlef. Però naħseb li sewwa qed tgħid li bħalissa aħna u l-Kavallieri l-aqwa żewġ timijiet li hawn Malta. Huma l-aktar tim li jista’ jagħtina sfida qawwija. Xorta ngħidlek li għal kull logħba trid toħroġ bl-istess mentalità rebbieħa għax tista’ tfalli ma’ kulħadd.”
Anke jekk fir-rugby ma tantx jien intiż, nisma’ ħafna opinjonijiet differenti fuq iż-żgħażagħ u l-futur tar-rugby f’pajjiżna.
“Malta għandna diversi plejers tajbin. Iż-żgħażagħ tilgħin tajjeb ħafna. Jiena ngħidlek li għad-daqs ta’ Malta għandna livell għoli ħafna fir-rugby. Ħadd mill-plejers ma jilgħab barra imma nassigurak li dan għax ħadd ma pprova jilgħab barra. Jien jekk ikolli nreġġa’ l-arloġġ lura u jiġini dan iċ-ċans lest li nieħdu, imma issa nħoss li tard wisq. U bħali hawn diversi plejers li tilgħin tajjeb li kapaċi jilagħbu f’pajjiż ikbar.”
Sentejn ilu Patrick kien ukoll l-aktar plejer konsistent fil-kampjonat Malti. Rebaħ l-unur tal-Plejer tas-Sena li fl-opinjoni ta’ ħafna huwa l-ikbar suċċess li wieħed jista’ jwettaq fuq bażi personali.
“Meta rbaħt dak l-unur kelli staġun eċċellenti. Kont il-captain tat-tim Nazzjonali wkoll u dik għenitni ħafna għax lgħabt ma’ ħafna timijiet barranin. Tħarriġt ħafna u kull ġimgħa kont immur il-gym. Kelli staġun professjonali minn kull lat. Nistqarr li kien l-ikbar u l-isbaħ unur li qatt irbaħ fuq bażi personali. Anke għax inħossni onorat li ntgħażilt jien minn xi 300 plejer. Li rbaħt dan l-unur ma nistax ma ngħidx grazzi lill-kowċ Nazzjonali Damian Neill, lil Malcolm Attard u lil kumplament ta’ sħabi kollha.”
Niftakar fl-intervista ta’ ftit ġimgħat ilu li kelli f’din il-gazzetta mal-PRO tal-MRU, Nick Gatt fejn qalli li l-uniku persuna f’Malta li huwa professjonali u jgħix mir-rugby huwa proprju Damian Neill, il-kowċ Nazzjonali.
“Huwa ta’ żvantaġġ li l-uniku persuna professjonali fir-rugby f’Malta huwa l-kowċ Nazzjonali biss. Aħna fil-club tagħna rridu nagħmlu x-xogħol amministrattiv kollu aħna u dan jirrikjedi ħafna ħin waqt ix-xogħol normali tagħna u fil-weekends. Jekk ikun hawn aktar full timers fil-rugby ix-xogħol jitqassam u jkun aktar professjonali.”
Bla dubju Stompers ġew kważi matematikament iddikjarati champions bir-rebħa tal-ġimgħa l-oħra kontra Kavallieri, l-akbar rivali tagħhom. Insaqsih l-opinjoni tiegħu fuq din il-logħba u fiex it-tim tiegħu kien aħjar mill-avversarji.
“Kavallieri bħala tim huma ħafna akbar minna. Aħna l-vantaġġ tagħna hu li aktar veloċi u naħseb li naqraw il-logħba aħjar minnhom. Tħarriġna b’mod speċjali għal dik il-partita u anke sa qabel ftit sekondi mil-logħba, f’wiċċ il-plejers dehret il-konċentrazzjoni massima. Issa għandna l-finali tat-Tazza kontriehom ukoll u diġà bdejna naħsbu f’din il-logħba. Imma xorta ngħid li bejna u bejn Kavallieri ma tantx hemm differenza fil-livell.”
Nippersisti bil-mistoqsija u ngħidlu humiex il-barranin li għandhom fl-iskwadra li għamlu d-differenza bejn it-tnejn.
“Ma naqbilx miegħek. Is-saħħa ta’ Stompers hija l-plejers Maltin. Imma din is-sena l-barranin taw sehimhom ukoll u fil-bidu ta’ l-istaġun għamilna akkwist qawwi. Għandna vantaġġ li l-kowċ tagħna huwa plejer ukoll allura jista’ jifhimna aktar. Barranin li jilagħbu sikwit huma sitta biss u għalhekk il-konklużjoni tiegħi hija li l-qawwa vera ta’ Stompers qeda fil-Maltin. Ma naħsibx li għax tkun barrani bilfors li aqwa minn Malti.”
Huma diversi dawk l-ismijiet li kienu l-qofol ta’ dan is-suċċess fit-tim ta’ Stompers. X’inhi l-opinjoni ta’ Patrick fuq dan?
“Win, Attard, Mirabelli, Fountain u Stock kienu kollha strumentali biex wasal dan is-suċċess. Naħseb li kienu l-qofol tal-wirjiet kbar u tal-konsistenza kontinwa li kellna matul l-istaġun. Imma meta kienu neqsin, dejjem kellna plejers ta’ livell biżżejjed biex setgħu jimlew posthom.”
Nitkellmu fuq it-tim Nazzjonali. Nitolbu l-opinjoni tiegħu kif jara lit-tim li jirrappreżenta l-bandiera Maltija.
“It-tim Nazzjonali sejjer tajjeb ħafna u akkwistajna ħafna esperjenza bil-plejers li huma Maltin imma dejjem għexu barra minn Malta. Bejniethom u bejn il-Maltin hemm biss l-esperjenza bħala differenza imma meta tiġi f’livell internazzjonali tinduna kemm din hija element importanti għar-rugby. Dejjem lagħbu f’livelli ogħla minna.
Il-futur tar-rugby f’Malta jista’ biss jogħla. Il-MRU qed jinvestu ħafna fiż-żgħażagħ u jidher li hemm potenzjal biżżejjed biex `il quddiem jieħdu pjaċir.”
Ninsab ċert li kellu diversi esperjenzi kemm ilu fil-logħba. Żgur li kien hemm xi waħda li ma jinsihiex.
“L-isbaħ esperjenza kienet meta skurjajt it-try fil-finali tat-Tazza tas-sena l-oħra kontra Kavallieri fil-Hamrun. Kien għad fadal l-aħħar 5 minuti tal-logħba u konna qed nitilfu bi tliet punti u kellna penalty. Ġiena ċ-ċans li jew nikkikkjaw biex inġibu d-draw jew niġru biex nieħdu t-touchdown u ħames punti li kien ifisser rebħa. Kulħadd beda jgħidli biex immorru għad-draw u jien qbadt il-ballun u tlaqt niġri u ġietni tajba. Li ma skurjajtx kienu joqtluni żgur. Dak kien bla dubju l-isbaħ mument fil-karriera tiegħi s’issa.”
Huwa fatt li kważi f’kollox pajjiżna huwa limitat meta mqabbel ma’ nazzjonijiet oħra. Anke jekk plejer Nazzjonali, kont ċert li se jgħidli imqar ħaġa waħda li ddejqu fir-rugby f’Malta.
“M’għandniex biżżejjed faċilitajiet. Meta nitħarrġu nkunu ħames timijiet f’nofs pitch. U meta nsibu xi art vojta u nippruvaw nitħarrġu fuqha mhux l-ewwel darba li jiġu jkeċċuna. Dik hija l-unika ħaġa li ddejjaqni fir-rugby hawn Malta. Li nkunu 20 plejer għat-taħriġ fi spazju ta’ xi 20 metru mhux ċajta.”
Nitlob l-opinjoni ta’ min jifhem lil min jara bħala l-aqwa tim fid-dinja fil-preżent.
“New Zealand huma assolutament l-aqwa tim fid-dinja tar-rugby. Għandhom il-backs u l-forwards li huma b’saħħithom ħafna. U aktar minn hekk, it-tieni tim tagħhom jista’ faċilment jitqies xorta bħala wieħed wieħed mill-aqwa timijiet li hawn fiċ-ċirkolazzjoni. Ovvjament issa jridu jagħtu prova ta’ dan kollu fit-Tazza tad-Dinja li ġejja però jekk ikunu fl-aqwa tagħhom ma narax tim ieħor li jista’ jirbħilhom.”
Lejn l-aħħar ta’ l-intervista nkellem lil Patrick fuq il-futur tiegħu personali.
“Il-futur tiegħi se jibqa’ ma’ Stompers sakemm ma mmurx nilgħab barra minn Malta. Jien minn dejjem lgħabt magħhom u ma narani qatt ma’ tim ieħor.
“Il-messaġġ tiegħi lill-partitarji ta’ Stompers hu wieħed sempliċi li jibqgħu warajna fil-pass żgħir li fadlilna biex nirbħu l-kampjonat u jippreparaw biex jiġu jarawna fil-finali kontra l-Kavallieri. Irrid nirringrazzjahom ħafna ta’ l-appoġġ li dejjem sibna mingħandhom u nħeġġiġhom biex jibqgħu leali dejjem lejn dan il-club.”
Rajt li jkun ta’ interess li nsaqsih kif jara l-persuni li qed imexxu r-rugby f’pajjiżna.
“Irrid ngħidilhom prosit tax-xogħol li qegħdin jagħmlu għall-ġid tar-rugby f’Malta. Bis-saħħa ta’ nies bħal dawn, ir-rugby f’pajjiżna kiber ħafna f’dawn l-aħħar snin. Jekk tara l-ispazju li qed ikollna fil-media huwa prova ta’ dan kollu. Nick Gatt qed jagħmel xogħol kbir f’dan il-qasam. Nikkonfondi jekk naħseb fiex inhu l-aħjar bejn ix-xogħol tiegħu fl-MRU jew dak ta’ disk jockey fuq
X Fm.”
Kellna nispiċċaw din is-siegħa flimkien b’nota umoristika. Ma nafx għalfejn imma Nick ġab tbissima fuq wiċċna.
Patrick kellu
l-aħħar ringrazzjament x’jagħmel.
“Ma nistax ma ngħidx grazzi lill-familja tiegħi u lil dawk kollha li għenuni tul il-karriera tiegħi. Insellem b’mod speċjali lil kowċis Damian Neill, Darren Richards, Paul Slater u Matthew Mirabelli. Ngħid kuraġġ, grazzi u prosit lil dawk kollha li f’ħajjtihom għamlu u għadhom qed jagħmlu imqar ftit tal-ġid għal din il-logħba li tant inħobbu.”
mattard@mediatoday.com.mt
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt