Trevor Zahra wasal biex iniedi l-ktieb ġdid tiegħu il-kitba kreattiva, ktieb b’differenza li ftit inkitbu bħalu bil-Malti u li jagħti ‘titwila lejn il-mekkaniżmi tal-kitba kreattiva u ideat siewja għal kulmin iħoss is-sejħa tal-kitba’. Zahra ħass il-bżonn li jikteb dan il-ktieb wara li bosta persuni interessati fil-kitba bdew isaqsuh l-istess tip ta’ mistoqsijiet relatati mas-suġġett jew oħrajn għaddew xi kummenti bħal ‘Naħseb inti l-istejjer toħlomhom matul il-lejl!’
Trevor jikteb b’mod mexxej ħafna dwar kif wieħed jista’ jiżviluppa il-kitba tiegħu pass pass. Fil-fatt mhux diffiċli ssegwi li qed jgħid anke jekk taqrah qabel torqod, wara xi ġurnata xogħol. Il-ktieb, għalkemm mhuwiex novella, xorta tista’ tapprezza t-teknika u l-istil mexxej li uża biex il-qarrej-studjuż jittieħed minn tema għal oħra. Kważi kważi tista’ tikkunsidrah bħala tieqa intima għal proċess li kuldarba jgħaddi minnu meta jiddeċiedi jaħdem fuq xogħol ġdid.
Hu jiddiskuti 13-il suġġett, fosthom l-iżvilupp tal-karattri, il-mixja tar-rakkont u jekk għandux jiġi rakkuntat fl-ewwel pesuna jew permezz ta’ narrazzjoni, kif jiġu l-ideat, u l-ammont ta’ riċerka u qari meħtieġa li jsiru kull darba li wieħed jaħdem fuq xogħol ġdid. Matulhom juża ħafna eżempji minn fomm awturi oħra meta dawn tkellmu dwar ħidmiethom u anke jsemmi xi workshops u taħditiet li kien taha fuq is-suġġett innifsu.
Il-kapitli huma qosra u jinqassmu f’diversi temi, raġuni oħra għaliex il-ktieb hu daqshekk mexxej.
Fl-introduzzjoni, hu jisħaq li għalkemm juża l-proċess li tkellem dwaru matul il-ktejjeb, kull awtur għandu l-metodu u s-sekwenza tiegħu ta’ kif jikteb u li jħoss li hi l-aħjar għalih. “Fil-proċess kreattiv ma jeżistux riċetti fissi,” temm jgħid l-awtur.
It-tnedija tal-ktieb se ssir billi jingħata workshop dwar il-kitba kreattiva fil-Kamra tal-Mużika tal-Kavallier ta’ San Ġakbu l-Belt nhar is-Sibt 31 ta’ Marzu mid-9.30am san-12.30pm.
Fl-ewwel parti, Zahra se jippreżenta sinteżi tal-ktieb. Matulha jitkellem dwar il-proċess tal-kitba kreattiva, mill-konċepiment ta’ l-idea sar-riċerka, l-istudju tal-karattri, l-iżvilupp tal-plott, eċċ.
Eżatt wara jkun hemm ħin dedikat għall-mistoqsijiet u kummenti mill-parteċipanti. Imbagħad il-parteċipanti jinqasmu fi gruppi żgħar fejn kull wieħed jingħata biċċa xogħol differenti x’jagħmel mill-bqija.
Wara jkun hemm pawsa qasira għall-kafè li fi tmiemha l-gruppi jerġgħu jingħaqdu biex jaqraw xogħolhom kif ukoll jikkummentaw dwaru.
Kulmin jixtieq jattendi għandu jċempel lil Merlin Library fuq 21234438 minħabba li l-postijiet huma limitati. Ħlas ta’ Lm2.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt