25 ta' Marzu 2007 • Nr 21

Arkivji




 

 

 

25 ta' Marzu 2007
Is-silenzju u l-inċertezza fil-Jerma

Tista’ tgħid li n-nies tat-triq kollha speċjalment fl-inħawi t’isfel ta’ Malta kienu jafu li l-Jerma Palace se tagħlaq u tispiċċa minn lukanda biex titwaqqa’ u minflok jinbnew appartamenti lussużi.
Anki aħna l-ħaddiema fl-aħħar bdejna nkunu konxji ta’ x’se jiġri, iżda baqa’ s-silenzju ta’ dawk li suppost kienu jafu aktar u aktar minn hekk. Skiet perfett mill-kumpanija tagħna imbagħad informazzjoni dgħajfa min-naħa tal-union. Magħhom wieħed ma jistax iħalli barra l-Gvern li s’issa għadu donnu ma jafx x’qed jiġri.
L-Oppożizzjoni li għalkemm lissnet xi ħjiel ta’ x’jista’ jiġri, jidher li wara waqgħet ukoll fil-muta. Imbagħad il-media lokali, li għajr għal xi artiklu xott xott fuq xi gazzetta kultant, baqa’ ma ntqal xejn aktar speċjalment dwar il-martirju li konna u għadna għaddejjin minnu aħna l-ħaddiema.
Nemmen li aħna bħala ħaddiema nġorru parti mit-tort għax donnu kulħadd baqa’ b’ċerta lealtà jistenna u jittama li jinbidlu
l-affarijiet u ma fittex qatt li jieħu azzjoni.
Kien biss wara ħafna li s-skiet inkiser meta f’laqgħa li kellna mal-GWU kien magħruf li ntlaħaq ftehim bejn il-union u l-management. Ftehim li ta’ min jgħid li mhux kulħadd jista’ jserraħ rasu jew itaffi l-inċertezza.
Fil-fatt sar qbil li dawk il-ħaddiema li għandhom 59 sena ’l fuq jingħataw skema ta’ rtirar kmieni. Permezz ta’din l-iskema dawn se jieħdu nofs il-paga dovuta lilhom ta’ kemm kien jonqoshom biex jispiċċaw mix-xogħol. Imbagħad kien deċiż li dawk il-ħaddiema li għandhom 55 sena ’l fuq jitqiesu bl-impjieg garantit għaliex skond il-union dawn in-nies għandhom inqas ċans li jsibu xogħol minħabba l-età. Imbagħad kien baqa l-kumplament tal-ħaddiema, dawk minn 55 sena l-isfel li l-kumpanija kellha biss 55 impjieg x’toffri. B’hekk se jkun hemm madwar 17-il ruħ li se jitilfu l-impjieg.
Barraminnhekk dawk kollha li kienu interessati li jibqgħu mal-kumpanija riedu jerġgħu japplikaw għax-xogħol mill-ġdid filwaqt li dawk li jiddeċiedu li jitilqu kienu se jingħataw 200 fil-mija tan-notice money.
Ta’ min jgħid li bosta mill-ħaddiema illhom jagħtu s-servizz tagħhom għal snin twal. Saħansitra hemm min kien mal-kumpannija qabel fetħet il-Jerma.
Ħafna minnha ħsibna li ġaladarba nkunu membri sħaħ fl-Unjoni Ewropea aħna l-ħaddiema konna se niksbu xi drittijiet, speċjalment f’sitwazzjonijiet bħal dawn fejn hemm l-impjieg fin-nofs. Illum indunajna li m’hemm xejn u kulma sar kien kollu konformi mal-Liġi. Madankollu xorta jibqgħu ħafna mistoqsijiet li wieħed bla ma jrid ikollu jistaqsi.
Possibbli llum din il-kumpanija li qiegħda dejjem tespandi u tikber barra minn xtutna u li taf is-suċċessi tagħha bis-saħħa tal-ħaddiem Malti kellha għalfejn tħallina daqshekk fil-għama?
Possibbli din il-kumpannija qiegħda f’sitwazzjoni finanzjarja tant ħażina li ma setgħetx toffri kumpens aħjar milli offriet?
Possibbli li fit-tliet lukandi li baq’ m’hemmx fejn timpjega 17-il ħaddiem u ftit oħra fil-qasam maniġerjali li hemm ċans jibqgħu barra?
Possibbli li l-futur tat-turiżmu spiċċa tant li din il-kumpanija tilfet l-interess li tkompli tinvesti f’pajjiżna?
Dawn jibqgħu mistoqsijiet forsi bla tweġiba aktar u aktar minn min ikun komdu. Wara kollox il-ħobża tal-ħaddiem ordinarju dejjem tkun taħt il-lenti biex tidher kbira u ta’ piż u f’sitwazzjonijiet bħal dawn il-ħaddiem għandu jirrealizza kemm il-politiċi tagħna jinstabu aljenati u mitlufa fl-akkwisti personali tagħhom u l-kuluri li dalwaqt jerġgħu jieħdu l-ħajja jisfumaw fix-xejn hekk kif kull wieħed minnhom jakkwista postu.
Nittamaw li fil-ġejjieni qarib tkun saret l-għażla u min jibqa’ barra ma jispiċċax minsi.
Isem u Kunjom miżmum
Dettalji għand
il-gazzetta

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt