25 ta' Marzu 2007 • Nr 21

Arkivji




 

 

 

25 ta' Marzu 2007
Il-Gaġġa u l-gaġeġ tal-lum

Din il-ġimgħa mort nara b’interess il-film Il-Gaġġa. Meta kelli 14-il sena kont qrajt ir-rumanz ta’ Frans Sammut b’moħħ li ma kienx għad kellu l-ħiliet analitiċi li jista’ jkun li għandu llum. Meta rajt il-film proġettat fuq il-liżar taċ-ċinema għaddewli ħafna ħsibijiet minn moħħi.
Kemm hawn enerġija mill-istudenti universitarji llum? Fejn hi l-kilba ta’ l-istudent żagħżugħ li jikser ir-regoli tradizzjonali, li joħloq mix-xejn, li jaħseb affarijiet li ma nħasbux qabel? Sammut kellu 25 sena meta kitbu dan ir-rumanz li jifred il-kitba tradizzjonali mill-proża l-ġdida.
Azzopardi kellu 21 sena meta dderieġa l-film. Fl-1973 mix-xejn għamlu film ta’ kwalità; illum, bil-ħafna mezzi, x’inizjattivi simili qed jieħdu l-istudenti tal-komunikazzjoni?
Qiegħed nikkritika l-ġenerazzjoni tiegħi stess. Ġenerazzjoni li trabbiet ħalqha fix-xgħir. Ġenerazzjoni li taħseb li ma fadalx il-bżonn li naħsbu, li noħolqu. Kollox għandu jkun aċċettat! Is-superfiċjalità saret tirbaħ spiss. Il-karozza tiswa Lm4,500, il-mowbajl Lm82, il-flokk Lm30, iż-żarbun Lm45, l-ajpod ma nafx kemm.
U b’hekk il-ħsibijiet profondi ma fadalx lokhom. X’inhuma l-gaġeġ li s-soċjetà tagħna hi mgħammra bihom fis-Seklu 21? X’inhu s-sħab statiku li ħadd ma jrid ineħħi minn fuq ras il-poplu tagħna? Il-mistoqsijiet huma elf u t-tweġibiet fl-arti jafu jkunu miljun. Problema oħra hi dik li xogħlijiet artistiċi li jseħħu madwarna ma jingħatawlhomx biżżejjed importanza, għaliex hekk jaqbillu min iħaddan il-kapital b’mod eċċessiv.
Interessanti l-fatt li meta kont qed nara l-film stħajjiltni qed nara dawk il-films “strambi” li r-Rai 3 jħobb ixandar fl-eqqel tal-lejl taħt it-titlu ta’ “Fuori Orario”.
Il-Gaġġa  għandu xeħta psikedelika u soċjo-realista. Psikedilika fis-sens li l-elementi viżivi u tal-ħoss spiss jintużaw biex ifissru s-supressjoni kontinwa ta’ moħħ l-artist prinċipali. Soċjo-realista għall-fatt li juri l-ħakma tal-bipolariżmu u tal-Knisja, fost oħrajn, fuq is-soċjetà Maltija b’konsegwenza fuq l-aspetti kollha ta’ ħajjet il-Malti. Għalhekk huwa msejjes fuq ħsieb profond li għandu t-tendenza li ma jkunx milqugħ faċilment mill-ħafna.
Li nixtieq hu li l-ġenerazzjoni li tagħha nagħmel parti tintebaħ, li minflok inkunu qasab jixxejjer mar-riħ imħawla fl-istess post, bl-entużjażmu tagħna nistgħu nwettqu ħafna aktar milli qed inwettqu għas-soċjetà tagħna.
B’nuqqas ta’ entużjażmu min-naħa tagħna nkunu biss qed nibnu gaġġa oħra madwarna.

Christopher Cutajar
Sta Luċija

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt