Kważi 21 sena minn mindu ħareġ mix-xena politika, it-Tabib Josie Muscat qed jimraħ fuq proġett avventuruż ġdid li permezz tiegħu determinat li jagħti wiċc ġdid lejn il-politika fil-pajjiż.
Il-kelma “riforma” għal Josie mhix il-kelma ġusta. “F’dan il-pajjiż neħtieġu bidla fis-sistema politika fejn iż-żewġ partiti ewlenin saru jixxiebħu wisq u m’għad fadal l-ebda differenza bejniethom.” Fi kliem Josie, spiċċa ż-żmien li wieħed joqgħod jeqred fuq in-nuqqasijiet kollha li qed jimmażżraw lill-pajjiż permezz tas-sitwazzjoni li jinsabu fiha l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern u l-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni.
“Daqshekk passività. Wasal iż-żmien li wieħed ma jibqax jikkunsidra lilu nnifsu bħala sempliċi elettur, frustrat bl-għażla li għandu. Jeħtieġ jagħraf li għandu l-poter li jbiddel kollox billi jrabbi l-kuraġġ u jgħid li dan hu l-mument li nagħmel id-differenza u jidħol hu stess biex ikun il-protagonista u jkun hu l-elett bil-viżjoni li jkun jista’ jwettaq il-bidla.”
Jiġifieri minn eletturi jsiru eletti? “Iva, daqshekk hu x-xogħol!”
B’ħarsa determinata Josie Muscat spjega dak li fisser bħala “l-konvinzjoni” tiegħu li f’pajjiżna hemm sezzjoni dejjem tikber ta’ nies li jixtiequ bidla fis-sistema politika tagħna.
“Sistema li tagħti aktar saħħa lill-eletturi, li tagħti aktar spazju lil min irid ikun kreattiv u jimxi ’l quddiem u sistema li tippremja lil kulmin hu ħawtiel.
“Fi ftit kliem, wasal iż-żmien li f’pajjiżna tiżviluppa sistema fejn wieħed igawdi l-frott ta’ dak li jaħsad,” spjega Josie, filwaqt li spjega kif ir-riċetta għal dan tinsab fix-xewqa tiegħu li jara l-pajjiż jiżviluppa b’mod pożittiv billi dawk kollha li għal snin sħaħ qagħdu jikkritikaw l-affarijiet permezz ta’ kitbiet fil-gazzetti biex “irabbu l-kuraġġ u jibdew jersqu ’l quddiem biex naraw jekk l-ideat tagħhom humiex kompatibbli mal-ħsibijiet tagħna.”
Josie Muscat qed iħares lejn it-twaqqif ta’ dan il-partit ġdid b’serjetà kbira tant li din il-gimgħa stess irreżenja mill-Fondazzjoni Eden li waqqaf b’tant suċċess hu stess 14-il sena ilu.
“Għidt lit-trustees tal-Fondazzjoni li qed nesprimi ruħi pubblikament li se nagħmel ritorn fil-ħajja politika u li skond l-Istatut tal-Fondazzjoni ma nistax nibqa’mmexxi,” qal Josie, filwaqt li żied li fl-ittra ta’ riżenja tiegħu spjega li wasal iż-żmien ukoll kif wara 14-il sena ta’ tmexxija, il-Fondazzjoni Eden teħtieġ demm u ideat ġodda biex tkompli timraħ lejn aktar suċċessi b’riżq it-tfal.
Fi kliem Josie Muscat il-ħsieb wara t-twaqqif ta’ partit politiku ġdid ilu jinħema għal dawn l-aħħar xhur.
Skond Josie kienu ħafna n-nies li avviċinawh u qalulu biex “jagħmel xi ħaġa” u jwieġeb għas-sitwazzjoni politika li fl-opinjoni tiegħu u tagħhom kienet qed tiżviluppa.
“Fl-istess ħin ġo fija kont ili ntella’ u nniżżel biex nerġa’ nkun attiv fil-ħajja politika billi nipprova nkun ta’ risposta għal dak li kien qed jaqa’ fih il-pajjiż bit-tmermir tal-valuri u sistema politika ddominata wisq mill-istess affarijiet li m’huma qed iwasslu mkien.”
Il-partit il-ġdid ta’ Josie li mistenni jkun imniedi fil-ġimgħat li ġejjin hu spirat mill-valuri Nsara. “Ma nemminx bix-xellug jew il-lemin, jew għallinqas ma nemminx li f’pajjiżna dan għandu jkun ta’ importanza,” qal.
“Nemmen iżda li dan il-pajjiż jeħtieġ li jkollu ċentru qawwi biżżejjed biex ikun il-bilanċ ġust bejn il-PN u l-MLP li ddominaw kollox f’dawn l-aħħar 50 sena u aktar.”
X’għandna nistennew allura, Josie b’partit liberali?
“Bejn wieħed u ieħor iva. Iżda jien liberali bi prinċipji Nsara u hi x-xewqa kbira tiegħi li nara lill-poplu Malti jkun iggwidat b’responsabbiltà u mhux aktar bl-opportuniżmu.”
Josie Muscat, megħejun minn grupp imdaqqas ta’ nies minn kull livell soċjali u li kienu jappoġġjaw lill-PN u lill-MLP, ilu jaħdem fuq il-manifest tal-partit il-ġdid.
“Aktar minn manifest, hi l-istqarrija tal-prinċipji tagħna fejn qed nisħqu l-ewwelnett fuq ħidma politika b’riżq bidla fis-sistema politika tal-pajjiż, fejn tingħata aktar saħħa lill-poplu fl-għażla tal-politiċi.
“It-tieni, il-partit għandu jkun mezz kif il-poplu Malti jkun jista’ jsemma’ leħnu, speċjalment jekk iħoss li hu jew xi ħadd ieħor ikun ġarrab xi forma ta’ diskriminazzjoni jew abbuż ta’ poter.
“Qed nisħqu li jkun hemm bidla fis-sistema ta’ kif il-poplu jsemma’ leħnu u jesprimi x-xewqat tiegħu, u qed nipproponu bidla fis-sistema tassattiva li tippremja flok ma tkasbar lil kulmin jaħdem.”
Inevitabbli, iżda preżenti wkoll fil-manifest hemm referenza qawwija għad-determinazzjoni li tkun miġġielda b’saħħa l-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u d-droga.
“Neħtieġu nġibu lura l-valuri li rajna jitfarrku u li qed irendu dgħajfa s-sisien tas-soċjetà Maltija, speċjalment il-familja li hi l-bażi ta’ soċjetà b’saħħitha,” sostna Josie.
Għalkemm Josie ilu nieqes mill-politika għal dawn l-aħħar 21 sena, ix-xamma politika tiegħu għadha kollha kemm hi sħiħa u timraħ ħafna fil-bogħod sal-punt li qed jimmira li jikkontesta l-elezzjoni ġenerali li ġejja fuq il-Kottonera li dejjem kienet il-benniena tiegħu u fl-istess waqt se tkun tfisser li se jikkonfronta direttament lill-Prim Ministru Lawrence Gonzi fuq dak id-distrett.
Il-partit il-ġdid li se jinħoloq hu lest li jikkontesta l-elezzjoni ġenerali fuq id-distretti kollha, inkluż Għawdex, u l-ħidma intensiva biex jinstabu l-kandidati biex jikkontestaw ilha għaddejja u se tkompli fil-jiem li ġejjin.
Mingħajr ma jiżvela dettalji dwar min huma Josie antiċipali li hemm diġà “taħlita tajba ta’ ex-simpatizzanti mill-PN u l-MLP, ilkoll ħerqana li jwettqu bidla kbira f’ħafna affarijiet li marru żmerċ f’dan il-pajjiż.”
Mingħajr tlaqliq Josie Muscat jikkritika bl-aħrax liż-żewġ partiti politiċi ewlenin u jsostni li “saru qerrieda patetiċi.”
Is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea hu eżempju ċar fil-ħsieb ta’ Josie, fejn filwaqt li jistqarr li hu sodisfatt li l-lum Malta hi membru fl-UE, il-kwistjoni ta’ bħalissa dwar il-kaċca u l-insib tikxef affarijiet li qatt ma messhom saru.
“Min-naħa tal-Gvern jew tal-PN hemm l-argument li saru negozjati u nkisbu d-derogi, filwaqt li l-MLP qed jakkuża lill-Gvern u lill-PN b’ingann.
“Jien kont nippretendi li kellhom ikunu l-Gvern u l-Oppożizzjoni li jkunu matur biżżejjed u jinnegozjaw l-aħjar flimkien u mhux li l-Oppożizzjoni baqgħet gallarija u tippretendi li l-lum titfa’ kollox fuq ħaddieħor u takkuża fejn jaqblilha.”
B’referenza għad-dikjarazzjoni ta’ Alfred Sant li Gvern Laburista joqgħod mar-regolamenti ta’ l-UE, Josie Muscat sostna li din hi ipokrezija kbira li timmerita l-analiżi ta’ kulmin hu serju.
Dwar il-PN Josie Muscat sostna li “sfortunatament m’għadux il-partit kif nafu jien għaliex biex ikun modern, tilef ruħu u nqata’ kompletament minn ma’ n-nies tant li ma baqgħalu l-ebda kontroll fuq l-emoroġija ta’ partitarji li kienu tant leali lejh.”
Josie Muscat jitkellem ukoll dwar il-Prim Ministru Lawrence Gonzi u l-Kap ta’ l-Oppożizzjoni Alfred Sant fejn isostni li għalkemm it-tnejn huma nies onesti u li jixtiequ l-aħjar għal Malta, hemm iżda kwistjonijiet li ma jistgħux jaħarbu minnhom, fosthom il-fatt li jibżgħu it-tnejn li bħala mexxejja ta’ partiti iċaqilqu t-territorju u joħolqu l-ispazju biex iċ-ċittadin ikun jista’ jkun protagonista wkoll fil-ħajja tal-pajjiż.
“Lawrence Gonzi wiret diżastru finanzjarju minn ta’qablu u tilef il-kontroll tal-Ministri ta’ madwaru li diversi minnhom lanqas ħaqqhom li jibqgħu Ministri,” sostna, filwaqt li żied li Alfred Sant se jibqa’l-politiku tal-u-turns u mingħajr kredibbilità fejn biddel biex jibqa’ jingħoġob dik l-istess politika li kien tant kontra, fosthom l-UE, il-VAT u l-Kunsilli Lokali.”
Fi kliem Josie Muscat, “Alfred Sant sar politiku monotonu u mingħajr ideat tant li dan jidħer ċar mill-mod ta’ kif jikteb l-artikli tiegħu f’gazzetta bl-Ingliż u dejjem jibdiha bl-ittri ‘PR’. X’ideat għandu dan ir-raġel?”
Minn naħa l-oħra Josie Muscat jikkritika lill-MLP bħala partit li ħela tant snin fl-Oppożizzjoni u ma kienx kapaċi jinbidel f’alternattiva kredibbli għall-Gvern tal-PN, minbarra l-fatt li għandu wisq kwistjonijiet interni li tellfuh nies validi ħafna bħal George Abela u Lino Spiteri.
Josie Muscat hu lest għall-isfida politika l-ġdida tiegħu, hu determinat li jiltaqa’ ma’ kemm jista’ jkun nies u jiżviluppa l-ideat tagħhom, jisma’ x’inhu qed jinkwetahom u jipprova jkun ta’ wens għalihom.
Josie qed jibgħat messaġġ importanti liż-żewġ partiti: “Jien hawn u lest li nkun ta’ tweġiba fejn it-tnejn fallew u ddiżappuntaw lin-nies.”
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt