25 ta' Marzu 2007 • Nr 21

Arkivji




 

 

 

25 ta' Marzu 2007
Eku ta’ l-10 ta’ Marzu

Ir-riżultati ta’ l-elezzjonijiet għall-kunsilli lokali għadhom jidwu. Mhux biss fil-gazzetti u qalb dawk li minn żmien għal żmien ixandru l-opinjonijiet tagħhom fil-media iżda wkoll qalb il-poplu.

Tal-Labour
Jekk tal-Labour qed jikkwotaw il-persentaġġi u jgħidu li laħqu 53 fil-mija ta’ l-elettorat, il-poplu jaf li dan, jekk hu minnu matematikament għall-avveniment uniku ta’ l-elezzjonijiet ta’ l-10 ta’ Marzu, mhux il-każ fuq bażi nazzjonali għall-avveniment iktar importanti u li jgħodd, l-elezzjoni ġenerali. Nemmen li dan ir-riżultat reġa’ wera biċ-ċar li l-Labour mhux qiegħed jiġbed lejh voti ġodda u qiegħed jirnexxilu biss jimmobilizza bis-sħiħ il-vot Laburista.
Wara tant snin fl-Oppożizzjoni u hekk qrib l-elezzjoni ġenerali dan għandu jinkwieta lil-Labour li jridu jaraw x’qiegħed iżomm lin-nies ’il bogħod minnhom. L-esperjenza tal-ftit xhur li l-Labour għamel fil-Gvern bit-tħarbit li sar donnu għadhom ma ntesewx mill-poplu li ma jridx jgħaddi mill-istess esperjenzi. Imbagħad il-Labour għadu mhux qed jimpressjona lil ħadd li għandu xi politika ta’ fejda akbar għal pajjiżna.
Issa tal-Labour donnu tgħallmu u mhux qed jgħidu li se jħottu kulma sar. Imma l-fatt li dan il-kliem jingħad ma’ ieħor li jhedded tpattija u jwiegħed diskriminazzjoni, ftit li xejn jgħin biex jiġbor lura l-kredibbiltà li l-Labour għandu bżonn.

Tal-PN
Jekk xi ħadd fil-partit tagħna, il-Partit Nazzjonalista, qed jagħti x’jifhem li qisu ma ġara xejn u li dawn l-elezzjonijiet mhux importanti, mhux qed jirrifletti dak li qed iħossu n-nies.
In-Nazzjonalisti li kellhom imorru jivvutaw ma marrux. Uħud għax, b’mod żbaljat, ma jagħtux importanza lill-elezzjonijiet lokali, oħrajn għax ma ridux jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-partit. Oħrajn biex jenfasizzaw l-għażla tagħhom, marru jivvutaw u ħassru l-vot.
Dan hu nkwetanti ħafna, l-aktar meta tara fejn kienu l-akbar astensjonijiet. L-astensjoni fis-Swieqi, per eżempju, żgur ma tistax tgħid li hi xi protesta tal-kaċċaturi u n-nassaba. Hi messaġġ. Messaġġ qawwi li jgħid “M’jienix inħossni tajjeb”. U jekk dawk li suppost irċevew dan il-messaġġ jgħidu li għalihom dan mhux importanti allura l-ħsara tkompli tikber.

Id-duwa
Jekk l-ekonomija qed tirpilja rridu nassiguraw li dan it-titjib qed jinżel ’l isfel qalb il-poplu.
Irridu nifhmu li n-nies ma jimpurtahiex mill-istatistika. It-termometru tan-nies mhux il-persentaġġ ta’ nies qegħda imma jekk min irid jaħdem fil-familja hux jaħdem u hux jaħdem f’impieg li jagħtih sodisfazzjon. In-nies lanqas ma jkejlu l-progress tal-pajjiż fuq il-persentaġġi taż-żieda fil-Prodott Gross Domestiku imma fuq kemm huma komdi jibbilanċjaw id-dħul tagħhom ma’ l-infieq li jħossu li jridu jagħmlu biex iħossuhom qed jgħixu tajjeb.
Hemm bżonn naraw x’inhu dak li l-Maltin illum jaraw bħala essenzjali għal ħajja ta’ kwalità. Dan hu baskett ta’ prodotti u servizzi li jvarja minn żmien għal żmien. Irridu nassiguraw li bl-għodda li għandu l-Gvern f’idejh fl-oqsma tat-tassazzjoni, tal-għajnuniet u tal-kontrolli fuq is-servizzi vari li jingħataw fil-pajjiż, dan il-baskett ikun wieħed li n-nies jistgħu jilħquh tajjeb.
Hemm bżonn naraw x’inhuma dawk l-irqajja’ fil-burokrazija li qed idejqu n-nies. Mhux li qed idejqu lil min irid jaħdem bla lġiem, imma dawk li qed idejqu lil min irid jgħix bi kwietu mingħajr sikkatura żejda u esaġerata.
Qed ngħid għall-permessi pettigoli tal-MEPA, għal dawn il-ħafna kameras li ttellgħu fit-toroq biex jiffinanzjaw lill-Kunsilli Lokali.
Qed ngħid għall-mod kif ċerti istituzzjonijiet qed jittrattaw ma’ negozjanti żgħar qishom xi kapurjuni ta’ azjendi kummerċjali kbar u ma jimportahom xejn mill-fatturi umani. Dawn it-talin jinjoraw kompletament it-traġitt diffiċli li ħafna negozjanti żgħar għaddew u għaddejjin minnu biex iwettqu l-istrutturar meħtieġ biex pajjiżna jimmodernizza kif imiss. Dawn it-talin minflok jgħinu lill-operaturi fl-ekonomija tagħna, dawk li wara kollox jirriskjaw kuljum u li jerfgħu kuljum il-pagi ta’ tant eluf ta’ ħaddiema, jaqtgħulhom il-ftit nifs li jkun baqgħalhom.
Fl-analiżi finali l-Partit Nazzjonalista għadu jista’ jsalva l-elezzjoni ġenerali. Imma hemm ħafna xi jsir biex nipperswadu lil dawk li bagħtu l-messaġġi u li jistgħu fl-aħħar mill-aħħar jagħmlu d-differenza biex jerġgħu jafdaw ħajjithom u ħajjet uliedhom f’idejn il-Partit Nazzjonalista.

John Dalli hu MP Nazzjonalista

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt