25 ta' Marzu 2007 • Nr 21

Arkivji




 

 

 

25 ta' Marzu 2007
Europa Nostra

Kif jinbidlu ż-żminijiet! Ma nistax nifhem kif fuq perjodu ta’ tliet snin l-ewforija u l-entużjażmu kollu, biex ma ngħidx il-ġenn ta’ dan il-poplu dwar l-Unjoni Ewropea, jibda jisfuma fix-xejn u bilkemm ma bdejniex nesprimu d-diżappunt tagħna għal dan il-pass storiku li għamilna.
Naturalment, issa troppo tardi biex inreġġgħu l-arloġġ lura u ma naħsibx li hu l-każ li wasalna f’dan l-istat iddisprat minkejja li nistgħu naħsbu li dak li tfajna fl-ajru qed jinżel f’wiċċna. Żgur li ma jkunx mod xieraq kif niċċelebraw l-għeluq tal-50 sena mit-Trattat ta’ Ruma.
Mill-banda l-oħra llum ħadd ma jista’ jirkeb il-karru u joqgħod inewwaħ li bl-Ewropa ma jaqblilniex għaliex il-partiti ż-żgħar u l-kbar illum il-ġurnata kollha b’ruħhom u b’ġisimhom favur l-Ewropa. Ix-xettiċi ma bidlux il-pożizzjoni tagħhom imma rriduċew ruħhom f’forza dgħajfa li tagħmel ħoss bħal leħen fid-deżert.
Il-kwistjoni tal-kaċċa u l-insib fir-rebbiegħa hi eżempju klassiku ta’ kif fil-kampanji elettorali l-poplu, mhux il-kaċċaturi u n-nassaba jew l-ambjentalisti biss, jistgħu jkunu ngannati. Il-Kummissarju Ewropew ta’ l-Ambjent jgħid li l-Gvern Malti ma nnegozja xejn u m’għamel l-ebda talba għal xi deroga. Mhux biss, iżda jwissi lill-Gvern li l-Kummissjoni Ewropea lesta tieħu passi wkoll kontra Malta għaliex mill-2004 lil hawn pajjiżna baqa’ jippermetti l-kaċċa u l-insib fir-rebbiegħa meta dan imur kontra r-regolamenti ta’ l-istess Unjoni. Min-naħa tiegħu l-Gvern Malti ħareġ stqarrija dgħajfa u esprima d-dispjaċir tiegħu għar-reazzjoni ta’ l-UE fil-konfront ta’ Malta u stagħġeb kif Dimas, il-Kummissarju Ewropew, tkellem daqs li kieku Malta qatt ma semmiet il-kaċċa u l-insib fin-negozjati ma’ l-UE. Il-ġarra ġejja u sejra fl-aħħar tinkiser tista’, u hekk ġralna.
Issa nkixfu l-borom u kulħadd irid jifhem, jivvota jew ma jivvutax fl-elezzjoni, li l-kaċċa u l-insib fir-rebbiegħa ‘bye bye’ darba għal dejjem. Din is-sena se jkun l-aħħar staġun għall-kaċċa u l-insib. Is-sena ta’ qabel l-elezzjoni mhux ħekk! U jekk jogħġobkom twaħħlux fil-Gvern, għax dan għamel kulma seta’. Agħtu t-tort lill-Ewropa!
Mhux dan għandu jixxukkjana. Id-diżappunt ta’ ħafna hu kif irriduċejna l-akkwist li għamilna bis-sħubija fl-UE għal sempliċi kwistjoni tal-ksur tad-Direttiva tal-Għasafar. L-Ewropa li sa tliet snin ilu kienet tfisser ġenna ta’ l-art issa qed tieħu l-forma ta’ infern bil-kastigi, penali u tbatija. Konna smajna li l-Ewropa tfisser estensjoni tas-sovranità, aċċessibiltà għal suq ikbar, assigurazzjoni tas-sigurtà tal-pajjiż, opportunità bla qies ta’ iktar investiment, dixxiplina fl-infieq pubbliku u l-finanzi tal-pajjiż, ħolqien naturali ta’ impjiegi ġodda, minjiera ta’ benefiċċji soċjali, sostenn qawwi ta’ l-ambjent, salvagwardja tal-valuri Kristjani Ewropej u sors finanzjarju li jippermettilna nagħmlu proġetti kapitali u nnaqqsu t-taxxi biex il-poplu jkollu iktar x’jonfoq u xi jġemma’. X’ma semmejniex?
Iżda llum l-istampa m’għadhiex daqshekk sabiħa. Biex nikkunslaw qalulna tippretendux li l-bidla ssir mil-lum għal għada. Iridu jgerrbu s-snin biex naqtgħu l-frott! Fil-verità dan hu minnu imma ħadd ma qal lill-poplu b’dan qabel ma dħalna fl-Ewropa. Dak in-nhar min qal li l-Maltin mhux se jibqgħu fil-kju minħabba l-passport u min qal li l-Isqallin se jinvadu lil din l-art ħelwa ! Nejja jew maħruqa! Fil-verità nistgħu ngħidu li f’diversi oqsma qbadna d-direzzjoni li għandha twassalna biex uliedna jkunu aħjar minna imma dan mhux qed ikun apprezzat għaliex illum hekk sirna nirraġunaw : dak li nakkwista issa jgħodd u mhux x’jistgħu jakkwistaw ta’ warajna! Jista’ jkun ukoll li għadna m’għarafniex il-kisbiet li għamilna u l-prezz li rridu nħallsu għalihom. Żġur li m’hawnx rikonoxximent tal-fatt li Malta saret membru tal-UE fost iċ-ċittadini, bl-eċċezzjoni ta’ ftit mijiet li rnexxielhom idabbru rashom f’xi istituzzjoni Ewropea!
Mhux talli hekk, talli meta nisimgħu lill-UE twissina serjament fuq il-kaċċa u l-insib, fuq l-estensjonijiet taż-żoni ta’ l-iżvilupp, fuq it-taxxa tar-reġistrazzjoni tal-karozzi użati importati minn pajjiżi ta’ l-UE, fuq l-emissjonijiet ta’ gassijiet tossiċi u fuq ir-riċiklaġġ ta’ l-iskart nibdew naħsbu li verament ma konniex imħejjijin biex nissieħbu f’dan il-blokk. Mhux biss imma nsaqsu lilna nfusna kif jista’ jkun li l-Ewropej issa qed jagħtuna hard time !
Li żġur jinteressana hu meta se nibdew ingawdu l-benefiċċji tas-sagrifiċċji li kellna nagħmlu. Iċ-ċittadin jistenna li minkejja li aħna l-iżgħar stat membru xorta waħda għandu jgawdi daqs iċ-ċittadin ta’ l-ikbar pajjiż membru. Il-livell tal-għixien, il-livell tal-pagi, tal-benefiċċji soċjali u l-pensjonijiet, ir-rata tal-għoli tal-ħajja u l-oqsma l-oħrajn kollha li jmissu l-but taċ-ċittadin u l-istil tal-ħajja li jgħix il-Malti m’għandhomx ikunu inferjuri għall-aħjar li jitgawdew f’pajjiżi Ewropej.
It-tkabbir ta’ l-Unjoni ma kellux jissarraf f’mażżra li trażżan ir-ritmu ta’ l-iżvilupp ekonomiku u soċjali. Anzi kellu jservi biex l-Unjoni tistagħna iktar fir-ruħ, fir-rikonoxximent tal-valuri Ewropej u l-ġisem tagħha, fit-tkattir tal-ġid skond il-prinċipji tas-solidarjetà u s-sussidjarjetà. Dan żgur għadu ma jinħassx fost iċ-ċittadini.
Bir-rispett kollu imma hu assurd li qed inpinġu l-UE qisha xi ġgant li qiegħdha hemm biex tgħasses x’jagħmel in-nanu fin-namra tiegħu għall-kaċċa u l-insib! Agħar minn hekk jagħmlu l-politiċi tagħna, għax isibuha komda biex jabdikaw mir-responsabiltà politika, jekk jitfgħu it-tort tal-problemi fil-pajjiż fuq l-istess UE kif jagħmlu bil-problemi fil-lokal fuq il-Kunsilli Lokali!
Fir-relazzjonijiet tagħna ma’ l-UE qisu m’għandniex fuqhiex niffukaw ħlief fuq il-passa tal-gamiem u s-summien!

matyas@maltanet.net

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt