F’waħda mill-konferenzi ġenerali tal-Partit Nazzjonalista fis-snin Disgħin intużat tixbiha mill-istrateġisti tal-partit li kienet fissret lill-PN bħala gwardarobba mimlija ġlekkijiet ta’ kull kulur. Dawn il-ġlekkijiet kienu jissimbolizzaw il-kurrenti ta’ ħsieb differenti fi ħdan l-istess partit. It-tixbiha tat x’tifhem li kulħadd seta’ jsib postu fil-PN, minn dawk bi twemmin ċentru-xellugi sa dawk bi twemmin konservattiv. Setgħu jsibu posthom fl-istess partit ħaddiema u negozjanti, ambjentalisti u kuntratturi, dawk li li jemmnu fi Gvern iċken li ma jindaħalx fl-għażliet personali u morali tal-persuna u dawk li jemmnu li l-Gvern għandu jimponi moralità nisranija.
Il-messaġġ ewlieni ta’ din il-gwardarobba kien li l-PN kien il-partit naturali tal-Gvern u seta’ jkompli jmexxi lill-pajjiż għal tul ta’ żmien.
Illum dik il-gwardarobba rabbiet is-susa u l-ġlekkijiet ta’ kull kulur iridu joħorġu fil-beraħ biex jiddominaw huma l-aġenda tal-partit. It-taqbida bejn il-kurrenti ta’ ħsieb differenti fil-PN qatt ma kienet fid-deher daqs illum għax donnu ntilef il-bilanċ li kien iżomm lil kulħadd kuntent u l-persuna li kien jgħaqqad kollox.
Forsi hu diffiċli li jibqa’ jinżamm dan il-bilanċ u jeħtieġ li xi ġlekkijiet jinħarġu mill-gwardarobba biex isibu oħra inqas iffullata u iktar iffukata.
Fil-passat il-bilanċ kien possibbli għax kien hemm Eddie Fenech Adami fit-tmun. Hu kien il-kolla li żammet il-mużajk tal-PN flimkien. L-attakk fuq id-dar u l-familju tiegħu fis-Sebgħinijiet u l-ġlieda għad-demokrazija li mexxa fit-Tmeninijiet għamlu minn Fenech Adami raġġ ta’ dawl għal ħafna nies.
Minkejja d-differenzi fil-ħsieb politiku ħafna sabu rifuġju fil-PN immexxi minn Fenech Adami għax fit-Tmeninijiet emmnu fil-ġlieda għad-demokrazija u iktar tard emmnu fil-mixja lejn l-Unjoni Ewropea. Fenech Adami u l-kawżi kbar li ħaddan il-PN tul dawn l-aħħar 25 sena żguraw li l-ġlekkijiet setgħu jibqgħu fl-istess gwardarobba. Il-kwistjonijiet li mexxa Fenech Adami kienu ikbar mill-ħsibijet ta’ dawk il-ġlekkijiet individwali.
Dan m’għadux il-każ. Illum m’hemm l-ebda kawża ‘nazzjonali’ u t-tluq ta’ Fenech Adami ħalla vojt kbir.
Id-direzzjoni konfessjonali li qed jittanta jieħu l-PN f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kwistjonijiet morali qed inaffar bil-kbir lil dawk li dejjem appoġġjaw lill-PN iżda li għandhom ħsibijiet iktar liberali. Dawk li fil-PN ħabbew l-ambjent illum qed isibuhom iktar skomdi jappoġġjaw partit li żied il-konfini ta’ l-iżvilupp u ħalla l-kaċċa tibqa’ ssir fir-rebbiegħa. Dawk li raw fil-PN il-partit tal-ftuħ ekonomiku ma jistgħux jifhmu kif ċerti setturi bħal tat-taxis, l-ispiżeriji u l-bejgħ tal-fuel għadhom oqsma magħluqa għall-kompetizzjoni u setturi oħra bħall-banek u l-insurance jibqgħu ddominati minn ftit ġganti li jaqtgħu nifs is-suq ħieles.
U jekk qabel dawn id-differenzi setgħu jinkinsu taħt it-tapit għax kien hemm il-figura dominanti ta’ Fenech Adami, illum in-nies m’għadhiex tħossha obbligata. Hemm min qed isib rifuġju fil-Partit Laburista għax l-Ewropa hi garanzija kontra l-eċċessi tal-passat. Oħrajn qed iħossuhom iktar komdi joqorbu lejn l-Alternattiva Demokratika, filwaqt li oħrajn donnhom li qatgħu qalbhom mill-PN u mhux qed isibu l-gwardarobba addattata għalihom u x’aktarx ma jivvutawx. F’dan il-kwadru issa daħal ukoll Josie Muscat li jissimbolizza wieħed minn dawk il-ġlekkijiet li m’għadx għandu postu fil-PN.
F’dan il-kuntest, lil hinn mill-analiżi taċ-ċifri diżastrużi li ġab il-PN fl-elezzjonijiet lokali, il-partit irid jagħmel analiżi iktar profonda tal-politika tiegħu u d-direzzjoni li jrid jieħu fis-snin li ġejjin.
Birthday Ewropew
Għaddew 50 sena minn meta kien iffirmat it-Trattat ta’ Ruma li poġġa fuq sisien sodi l-għaqda Ewropea li maż-żmien wasslet għal dik li llum nafuha bħala l-Unjoni Ewropea.
Iżda fl-2007 jeħtieġ li nħarsu ’l quddiem. Ir-relazzjoni bejn l-UE u l-gvernijiet nazzjonali trid terġa tinkiteb. L-integrazzjoni ekonomika trid tkompli iżda jeħtieġ li l-integrazzjoni ma tieqafx biss fuq livell ekonomiku u finanzjarju.
L-Ewropa li rridu naraw hi waħda mibnija fuq mudell soċjali li jipproteġi lill-ħaddiem mill-eċċessi tal-globalizzazzjoni. Mudell li jiżgura drittijiet u libertajiet ċivili l-istess għaċ-ċittadini Ewropej kollha. Mudell li jagħraf l-għaqda fid-diversità.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt