18 ta' Marzu 2007 • Nr 20

Arkivji




 

 

 

18 ta' Marzu 2007
Wara l-fjask ta’ nhar is-Sibt

It-tkaxkira li sofra l-PN fl-aħħar elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali li saru nhar is-Sibt kienet ħaġa prevista minn kull min isegwi l-politika lokali.
Hemm bosta raġunijiet għal dan il-fjask, u m’inhix se noqgħod nidħol fid-dettal tagħhom f’dawn l-erba’ kelmiet li nikteb kull ħmistax. Li hu żgur hu li għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, l-Laburisti jafu kif joħorġu l-votanti tagħhom ferm aktar milli jafu tal-PN.
Taħt it-tmexxija ta’ Joe Saliba, l-organizazzjoni tal-PN fil-livell lokali marret il-baħar – saret vroma. Joe Saliba spiċċa ġeneral ta’ armata mingħajr pjantuni, mingħajr suldati. Dawk li qabel kienu jgħidulhom street leaders ma għadx hemm posthom fil-PN ta’ Joe Saliba. U llum il-folja inqalbet. Tal-Labour damu ma tgħallmu, iżda jidher li huma għamlu passi ’l quddiem filwaqt li l-PN waqgħu lura wisq. Naturalment il-ħerqa ta’ min ikun fl-oppożizzjoni hi ferm akbar minn dik ta’ min ilu fil-Gvern għoxrin sena nieqes 22 xahar! U nhar is-Sibt dan deher biċ-ċar.
Din id-differenza fil-ħerqa kienet evidenti kull fejn nhar is-Sibt kien hemm elezzjoni. Deher sewwa il-kuntrast bejn kif ġabu ruħhom tal-PN ma’ l-organizazzjoni tal-MLP f’kull lokalità, b’mod partikolari f’dawk il-lokalitajiet li l-Laburisti għażlu bħala l-bersall tagħhom. Wara li kienu ilhom jippjanaw skond strateġija maħsuba xhur sħaħ, il-Laburisti laqtu l-bersall bull’s eye. Ħadu li riedu fil-Mosta, il-Gżira u x-Xgħara, u bi ftit fortuna kien jirnexxielhom jieħdu wkoll li riedu f’Ħal-Safi u l-Munxar.
Il-PN deher imneżża’ mir-rieda għar-rebħa bil-kandidati jistinkaw fil-vojt mingħajr ebda ħjiel ta’ pjan jew strateġija intelliġenti. Kieku l-iskużi minn naħa tal-PN ma naqsux: it-temp, il-kaċċa, u partitarji ifastidjati - min b’ħaġa u min b’oħra. Fuq kollox issa Saliba ħareġ jgħid li skond is-sondaġġi tiegħu dwar l-elezzjoni ġenerali, l-PN qiegħed minn fuq! Allura fl-elezzjoni ġenerali, l-kwistjoni tal-kaċċa se tisparixxi? Mhux se jibqa’ jkun hemm partitarji ffastidjati? U l-organizazzjoni li ma kienitx teżisti nhar is-Sibt se tinbena mill-ġdid u fil-ħin?
U jekk in-nies drat ma tivvotax – anzi saret moda li wieħed ma jivvotax, the ’in thing’ kif jgħidu l-Ingliżi - din il-moda se tisparixxi fi żmien sena, jew se tibqa’ hemm? Jista’ Saliba iserraħ ir-ras iebsa tiegħu li dawk il-votanti li baqgħu id-dar meta saru l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali kollha se jmorru bi ħġarhom jivvutaw għall-elezzjoni ġenerali?
L-assentejiżmu hu sintomu tal-frustrazzjoni tal-poplu li spiċċa jrid jagħżel bejn hames snin oħra ta’ amministrazzjoni li għal ħafna tidher waħda għajjiena jew amministrazzjoni medjokri ta’ Alfred Sant, bħal ma kellna għaxar snin ilu.
M’għandix dubju li l-assentejiżmu fl-elezzjoni ġenerali se jkun anqas milli kien fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, iżda wisq nibża’ li dan jista jkun biżżejjed biex jaqleb il-keffa tal-miżien, anki jekk bi ftit!
Imbagħad kull ma jkun stinka għalih Lorenzo Gonzi jsir suf – grazzi għal mod kif Joe Saliba falla fil-ħidma tiegħu biex iwassal lill-poplu il-messaġġ tal-partit u l-implikazzjonijiet utli tal-ħidma tal-gvern.

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt