18 ta' Marzu 2007 • Nr 20

Arkivji




 

 

 

18 ta' Marzu 2007
Mater Dei: ora pro nobis

Matul il-ġimgħa li għaddiet ingħatajna l-aħbar sensazzjonali li l-pjan ta’ migrazzjoni lejn l-isptar il-ġdid, li tant ilhom ġejjin bih li żgur ma baqax aktar ġdid, se jkun varat permezz ta’ trasferiment ta’ l-amministrazzjoni ta’ l-isptar u tas-servizzi anċillari. Sa l-1 ta’ Lulju li ġej ħa jkunu ġew trasferiti l-impjegati amministrattivi ta’ l-isptar iżda mhux il-pazjenti.
Aħbar bħal din għandha timpressjonak daqskemm tista’ timpressjonak l-aħbar, għall-argument, li se ssir il-migrazzjoni għall-Mater Dei tal-kamra mortwarja. Għax x’jiswa li ssir il-migrazzjoni tal-kamra mortwarja jekk il-pazjenti ħa jmutu fl-Isptar San Luqa u mhux fil-Mater Dei?
U la l-kliem ġie fuq hekk, irrid nagħmel parentesi żgħira dwar kamra mortwarja oħra. Meta fis-snin Sittin kien faqqa l-iskandlu ta’ Poulson u ta’ l-Isptar ta’ Għawdex, apparti l-kazzola tal-fidda ta’ Carmelo Caruana, kien sar magħruf li f’Għawdex imutu tlieta minn nies kuljum u kienet ippjanata kamra mortwarja għal xi 12-il persuna. Mill-mejtin u l-kamra tagħhom ħa niġi lura għall-ħajjin. Fl-istess waqt Louis Deguara qed jammetti li għadu mhux magħruf eżattament meta l-Isptar Mater Dei se jibda jirċievi l-ewwel pazjenti tiegħu. Dan se jkun ifisser li jekk tassew tinżamm id-data tal-birthday tal-PM fl-1 ta’ Lulju għall-ftuħ is-sodod se jkunu mimlijin biss bil-manekkini li qed jintużaw għad-display waqt it-tours organizzati mill-kandidati Nazzjonalisti bil-pawsa għall-kafè u xi erba’ kelmiet ta’ l-okkażżjoni mill-kandidat innifsu.
Aħbar impressjonanti oħra li ngħatat minn fomm is-Segretarju Parlamentari Tonio Fenech iktar kmieni din il-ġimgħa kienet tgħid li l-migrazzjoni lejn Mater Dei ħa tibda x-xahar id-dieħel bit-trasferiment tal-linji tat-telefons. Mhux ċar eżattament xi tfisser aħbar bħal din. Skond Tonio Fenech id-Dipartiment ta’ l-Emerġenza fil-Mater Dei se jkun lest fi ftit tal-ġranet oħra u hu stmat li dan l-isptar se jservi għal bejn 30 u 50 sena. Imma li ma qalx Tonio Fenech, li ma kienx għall-fatt li dan l-isptar ilhom ġejjin bih aktar minn 14-il sena, ferm iktar minn kemm ħadu żmien l-Ingliżi biex bnew il-Wembley Stadium u l-Kavallieri ta’ San Ġwann biex bnew il-Belt Valletta, dan l-isptar żgur kien iservi imqar 10 snin oħra.

Il-mara tal-Gvernatur
Imma kellha tkun iż-żjara li għamlet il-mara tal-Gvernatur ta’ Texas it-Tlieta li għadda fl-Isptar Mater Dei biex fl-aħħar in-Nazzjonalisti, permezz ta’ Tonio Fenech, waslu biex jammettu li dan l-isptar se jiġi jiswa Lm250 miljun. S’issa dejjem kienu ċaħdu li l-isptar se jqum daqshekk, anki dan l-aħħar meta Alfred Sant wasal għaċ-ċifra ta’ Lm191 miljun bħala over-running fuq l-istimi tal-Gvern rigward għadd ta’ proġetti ewlenin inkluż l-isptar f’Tal Qroqq.
Ma’ dawn il-Lm250 miljun iridu jiżdiedu l-imgħaxijiet li tħallsu kull sena fuq id-dejn li daħlu għalih biex seta’ jsir dan l-infieq kapitali li baqa’ rieqed għal dawn is-snin kollha bil-konsegwenza li l-infrastruttura ta’ l-Isptar San Luqa tħalliet taqa’ lura u kienu l-pazjenti li marru minn taħt.
Suppost issa li qegħdin bieb u għatba għall-ftuħ ta’ dan l-isptar jidher li għadhom qed jirrenjaw il-konfużjoni, it-taħwid u l-griefex. Stakeholders importanti bħall-Union ta’ l-Infermiera għal kemm-il darba ddikjarat li ma kenitx ikkonsultata bis-serjetà rigward il-pjan ta’ migrazzjoni u nżammew fil-għama dwar x’qed jiġri.
Din il-union saħansitra qed thedded li tibbojkottja l-migrazzjoni minn San Luqa għal Mater Dei u tista’ wkoll tagħti struzzjonijiet lill-membri biex minflok jibqgħu jirrappurtaw San Luqa jekk mhux se jkunu involuti fid-diskussjonijiet fejn qed jiġi ppjanat dan il-proċess. Il-union tat-tobba, l-MAM qed tieħu l-istess pożizzjoni.
Sal-lum għadu mhux magħruf x’se jiġri minn San Luqa, jekk eventwalment hux se jingħalaq għal kollox jew hux se jibqgħu jiffunzjonaw partijiet minnu fl-istess ħin li jibda jaħdem l-isptar ‘il-ġdid’. Per eżempju lill-pazjenti li jmorru jagħmlu l-fiżjoterapija fil-pool f’San Luqa qegħdin jgħidulhom li f’Tal Qroqq mhux se jkun hemm pool u l-fiżjoterapija se’ tibqa’ ssir fl-isptar l-antik. Jekk dan hu l-każ evidentement se jiżdiedu l-overheads, l-iskariġġ u l-isparpaljar.
Ħafna mill-problemi li jeżistu fl-amministrazzjoni tas-servizzi mediċi f’pajjiżna m’humiex strettament konnessi mad-dekadenza fl-istruttura tal-bini u fl-attrezzament f’San Luqa li ilu miftuħ ’l fuq minn 70 sena. Il-qedem tal-bini m’għandu x’jaqsam xejn mal-waiting lists dejjem jitwalu ta’ dawk li jitherrew jistennew fil-kju sakemm imiss lilhom biex jagħmlu operazzjoni jew test mediku.
Fl-Ingilterra hemm sptarijiet li jiffunzjonaw minn bini li jaf żmien ir-Reġina Vittorja u minkejja l-istrutturi antiki li joperaw minnhom, xorta waħda jilħqu livelli għolja ta’ eċċellenza f’dak li hu servizz. Evidentement il-problemi fis-servizz tal-kura medika, ġejjin fost l-oħrajn, minn management ħażin ta’ riżorsi, nuqqas ta’ ħaddiema, tobba li jitilqu mis-servizz mal-Gvern bir-rata ta’ iktar minn tnejn fil-ġimgħa għax mhux imħallsin sew, konsulenti li jaħdmu ġurnata mqassra ta’ xogħol fl-isptar biex jaħdmu privat ħa jagħmlu tajjeb għall-fatt li mhumiex imħallsin tajjeb mal-Gvern.

Change of address
Il-bini modern ta’ l-Isptar Mater Dei assolutament mhu se jbiddel xejn minn dawn il-problemi. Kulma se jinbidel biss l-indirizz. Tonio Fenech qal li fost it-tibdil għall-aħjar li se jġib miegħu l-Mater Dei se jkun hemm il-fatt li omm li twelled tarbija se tibqa’ fl-istess sodda kkurata mill-istess staff paramediku u mhux bħal-lum jkollha tbiddel il-ward u l-istaff li jieħu ħsiebha.
Mara li tkun għaddiet mit-trawma li tilfet it-tarbija tagħha mal-ħlas mhux se titpoġġa ma’ l-ommijiet li jkunu minlijin bil-ferħ għall-wild ġdid.
M’hemmx dubju li dawn huma inizjattivi ta’ min ifaħħarhom, imma żġur li ftit wisq biex jiġġustifika dak il-kapital rieqed għal dawk is-snin kollha.
L-importanti hu li kull pazjent fil-Mater Dei se jkollu internet point mas-sodda biex dawk li se jkunu ilhom is-snin jistennew bil-ħniena fil-kju biex jagħmlu operazzjoni tal-katarretti meta jasal il-waqt tagħhom, jekk ma jkunux mietu qabel, ikunu jistgħu jaraw l-internet biż-żlieġa minn ġol-faxex.

wenzumintoff@yahoo.com

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt