L-elezzjoni ta’ l-10 ta’ Marzu kienet rebħa konvinċenti għall-Partit Laburista. M’hemmx mod ieħor kif tifhimha. Ħafna diġà qed jgħidu li miraklu biss jista’ jsalva lill-Partit Nazzjonalista fl-elezzjoni ġenerali li jmiss. Hawn min jgħid ukoll li ta’ l-10 ta’ Marzu kienet biss elezzjoni lokali. Min hu f’siktu jaf li kienet aktar minn hekk. Għalhekk ħafna jemmnu li t-telfa tal-PN fl-elezzjoni ġenerali li jmiss hi diġà mħażża.
Naqbel ma’ min jgħid li l-Prim Minsitru Lawrence Gonzi ma setax kien agħar milli kien fil-konferenza stampa ta’ nhar il-Ħadd filgħaxija. Gonzi ma fehem xejn. Dan mhux il-Lawrence Gonzi li naf jien. Gonzi li naf jien hu umli u onest. Gonzi ta’ nhar il-Ħadd kien qisu t-tifel li jrid jipprova jixbah lil papà. Għax l-ironija hi li kien Eddie li kellu l-attitudni li wera Gonzi nhar il-Ħadd.
Eddie kien jista’ jagħmel kważi li jrid. Anki meta kien jiċħad il-verità magħrufa u jiċħad ir-realtà, kien jibqa’ jippoppa sidru, qisu rebaħ. Anki wara t-tisbita ta’ l-1996 baqa’ xorta.
Imma Eddie kellu vantaġġ kbir li Lawrence Gonzi żgur m’għandux. Eddie kellu vantaġġ u kien jirkiblu. Kellu storja ta’ suċċess warajh fil-ġlieda li l-maġġoranza tal-Maltin għamlu kontra dak li kienu konvinti li kien theddida serja ħafna għad-demokrazija.
Kellu quddiemu r-rebħa li l-Maltin riedu jagħmlu biex jidħlu fl-Unjoni Ewropea. Kellu favurih kulfejn tħares frott il-politika tolleranti u liberatriċi li wettaq il-Gvern tiegħu. Dan kollu taħ superjorità enormi. Anki meta jitkessaħ, il-Maltin kienu jaħfrulu. Għax riduh jirbaħ l-battalja li kien imiss, dik ta’ l-Ewropa. Issa li l-battalji l-kbar intrebħu u aktar u aktar wara li assigurajna ruħna mill-Ewropa, il-Maltin mhux se jaħfruha lil min jiġi quddiemhom b’rasu mgħollija żżejjed.
Nemmen li Gonzi nhar il-Ħadd kompla tilef aktar u aktar voti. In-Nazzjonalisti li qagħdu d-dar u marru jivvutaw inħarqu aktar bil-kliem li għażel li jlissen Gonzi. Mela dawn qagħdu d-dar għax beżgħu mix-xita? Min beża’ mix-xita, dawk li kienu ħarġu fil-pjazez fiż-żmien li kien sogru li toħroġ għan-nofs? Hekk qed jistmawhom lin-nies li għamlu għomor jivvutaw Labour biex tellgħu u żammew lin-Nazzjonalisti fil-Gvern għax tal-Labour kienu qażżuhom? Lil dawn in-nies li kapaċi jaħsbu b’moħħhom u ma jinxtrawx bit-teatrini, Gonzi jaħseb li jista’ jġibhom lura bil-kliem vojt?
Il-wake–up call kienet is-sena l-oħra. Dakinhar Gonzi kellu jaqbad u jieħu l-passi meħtieġa u jbiddel. In-nies kienu diġà għaddewh il-messaġġ. In-nies iddejqu jaraw l-istess nies, l-istess tip ta’ propaganda, l-istess attitudni. Kif jista’ jkun li Gonzi, li kien ifisser il-bidla, ma fehemx u minflok biddel spiċċa nbidel hu.
Il-messaġġ kien u għadu ċar: il-bidla jew jagħmilha l-PN jew inkella n-nies kienu se jħabbtu bieb ieħor. Issa sena wara ħafna diġà marru band’oħra. Eluf oħrajn għadhom jaħsbuha. Imma jekk Gonzi u sħabu mhux se jibdlu dawk li nhar is-Sibt ma vvutawx, jitilqu wkoll bil-ġirja.
Alfred Sant dan il-messaġġ qrah sew. Għalhekk dawn il-programmi kollha ta’ x’se jagħmel u kif meta jkun fil-Gvern. Induna li n-nies riedu bidla u riedu jkunu jafu ħaddieħor x’inhu joffri. Il-bidla mhux tant fil-Partit, għax ħafna u ħafna ma tantx saru jħabblu rashom dwar partiti. Il-bidla li jridu l-Maltin hi fl-attitudni. Fl-imġiba u fir-rispett. In-nies xebgħu jaraw Ministri u l-entourge tagħhom qishom paguni: jafu kollox, arani u la tmisnix. Xebgħu bil-manipulazzjoni tal-media. Ngħix qrib il-media u nitkellem ma’ kulħadd. Tal-biki l-istejjer li nisma: ċerti ġurnalisti saru qishom prostituti. L-aktar li jiddispjaċini għan-nies serji li baqa’ fil-PBS. Qed jumiljawhom kuljum.
Qed jiġri l-istess ma’ ħafna nies oħra. Il-Gvern sar immuffat bil-privileġġi. Għoġobni u nagħtik. Dejjaqni u nabbandunak. Issefsfulek f’widnejk: ma ħadux pjaċir bik taf. Intimidazzjoni bil-pulit. Hekk sew? Mhux argument li tan-naħa l-oħra hekk jagħmlu u se jagħmlu jekk ikunu jikkmandaw huma. In-nies xebgħu bil-mod kif qed isiru ħafna u ħafna affarijiet. Anki jekk m’għandhomx raġun, iddeċidew li s-sistema kif inhi llum xebbgħethom. Min irid jibqa’ fil-Gvern mhux jgħidilhom injoranti jrid imma jirrimedja. Jien naħseb li anke jekk iġibulhom id-deheb jiżfen, numru enormi ta’ Maltin issa ddeċidew.
Fil-politika mhux tant dak li tagħmel jgħodd, imma dak li n-nies jifhmu li qed tagħmel. Illum in-nies qed jifhmu li dan hu Gvern li wasal fl-aħħar. Ħafna qed jarmu dak kollu li sar u jimmiraw lejn il-bidla. Dan il-Gvern qed jagħmel u għamel ħafna u ħafna tajjeb u dnub li l-arroganza tal-ftit se tgħarraqhom ilkoll.
Min qed jirribella mhux qed jirribella għax morna lura. Ma naħsibx. Imma min qed jirribella qed jara l-attitudni, qed jara il-klikek, qed jara lil min ma kien xejn isir alla, qed jara li ta’ ġewwa ġewwa u ta’ barra barra. Mhux kullimkien hekk, allaħares. Imma mur ikkonvinċi lil min iddeċieda hekk.
Min iddeċieda mhux miġnun. L-ambjentalisti mhumiex imġienen. Il-bdiewa lanqas. In-nies fil-lokalitajiet tagħna mhux imġienen. Xi ħaġa goffa hawn li ġġiegħel lil dawn n-nies jirribellaw, jivvutaw kontra, jew joqogħdu d-dar.
In-nies qed turi d-dwejjaq. Partit li waqa’ fil-popolarità minn 52% għal 43% f’affari ta’ ftit snin għandu problemi serjissimi.
In-nies iridu jaraw lil Gonzi jkun umli, jammetti n-nuqqasijiet u jneħħi l-attitudni ta’ fiduċja għamja u truxa.
Il-messaġġ tan-nies nhar is-Sibt kien ċar: jekk trid tisma’ sew, Prim Ministru, isma’. Ara x’se tagħmel, hekk qed jgħidulek. In-nies iridu l-bidla. Għandek problema kbira. Żgur li l-pajjiż ma jistax jitmexxa għal żmien twil meta 57% tal- Maltin, b’mod jew ieħor, qed juruk li mhux kuntenti.
Id-deċiżjoni f’idejn Gonzi. Jibqa’ għaddej kif inhu u jitlef żġur. Jibdel u jagħti tama ġdida. Juri li qed jagħti każ. Jekk ma jistax, isaffar.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt