Dokument intern tal-Kurja ta’ l-Arċisqof, li din il-gazzetta rat kopja tiegħu, jikkonferma li d-demm li ‘bkiet’ l-istatwa tal-Madonna f’dar ta’ familja minn Birżebbuġa hu demm ta’ raġel u kompatibbli ma’ dak ta’ Angelik Caruana, sid l-istatwa.
Id-dokument inkiteb fl-2006 u għadda bejn il-Kanċillier tal-Kurja u l-Arċisqof ta’ dak iż-żmien, Ġużeppi Mercieca.
Il-każ ta’ l-istatwa li allegatament ‘bkiet’ dan id-demm tmur lura għal Jannar ta’ l-2006. Immedjatament il-Kurja kienet ħatret numru ta’ esperti, nklużi forensiċi, biex jibdew l-investigazzjonijiet meħtieġa.
Iżda wara li saru l-ewwel eżamijiet il-Kurja ta’ l-Arċisqof kienet irċeviet rapport ieħor mill-familja Caruana li sostniet li l-istatwa tal-Madonna reġgħet bkiet dmugħ tad-demm.
Imma x’ġara eżatt dwar dan il-każ? Ir-rapport intern li għadda bejn il-Kanċillier tal-Kurja u Ġużeppi Mercieca nżamm mistur.
Fi stqarrija maħruġa fil-21 ta’ April 2006 il-Kurja ta’ l-Arisqof kienet sostniet li “wara stħarriġ mill-Awtoritajiet tal-Knisja f’Malta rriżulta li d-demm hu demm uman.” Dakinhar il-Kurja kienet qalet ukoll li “l-Awtoritajiet tal-Knisja se jkomplu bl-istħarriġ neċessarju.”
Nifhmu li fost ir-raġunijiet wara dan kollu hemm is-sitwazzjoni sensittiva ta’ każ bħal dan. Forsi anki f’tentattiv biex l-istorja ma toħloqx sensazzjonaliżmu żejjed il-Kurja żammet ’il bogħod milli trewwaħ fil-beraħ ċerti dettalji.
Fl-istess ħin il-Kurja baqgħet issegwi mill-qrib l-iżvilupp ta’ din l-istorja li fix-xhur li għaddew ħadet żvolta akbar hekk kif lejn l-aħħar tas-sena li għaddiet Angelik Caruana implika li l-Madonna bdiet ‘tidhirlu’ f’Borg in-Nadur, f’Birżebbuga.
Bid-dettalji tar-riżultati tad-DNA li nżammew fil-mistur, il-familja Caruana kompliet issostni li l-istatwa kultant żmien baqgħet tibki d-demm.
Fit-18 ta’ Frar ta’ din is-sena din il-gazzetta investigat mhux biss l-allegat dmugħ li qed tibki l-istatwa tal-Madonna imma wkoll l-allegat dehriet tal-Madonna li Angelik Caruana sostna li kien qed ikollu.
Wara l-istħarriġ li għamilna kien feġġ fenomenu ta’ numru ta’ każijiet ta’ frodi minn Angelik Caruana fuq għadd sostanzjali ta’ ħwienet u individwi f’Birżubbuġa. Kien ħareġ biċ-ċar kif il-komunità f’dan ir-raħal hi nkurlata għall-mod kif inbniet din l-istorja minn sezzjoni tal-media.
Kien wara li dehret l-istorja f’Illum li xi persuni bit-telefon heddew lill-ġurnalista ta’ din il-gazzetta. F’dik il-ħarġa Illum tefgħet dawl fuq kif isiru testijiet u analiżi fuq każijiet bħal ta’ l-istatwa li allegatament bkiet demm uman. Dakinhar spjegajna li fost l-oħrajn isiru testijiet li jikkonfermaw jekk id-demm huwiex ta’ mara jew ta’ raġel.
Skond il-proċeduri kollha li jsiru f’testijiet ta’ din ix-xorta isir test ta’ kompatibbiltà mad-demm tal-membri kollha tal-familja konċernata. Għal din il-mistoqsija lura fit-18 ta’ Frar li għadda l-Kurja ta’ l-Arċisqof kienet qalet li “ċertu tagħrif huwa minnu nnifsu ta’ natura kunfidenzjali.”
Żviluppi oħra
Fattur ieħor importanti li ħareġ mill-investigazzjonijiet ta’ Illum kien kumment tal-Kurja ta’ l-Arċisqof li kkonfermat ma’din il-gazzetta li “s’issa ma nħassitx il-ħtieġa li tinħatar Kummissjoni apposta biex tħejji rapport dwar l-istatwa li bkiet demm uman.”
Nifhmu li l-Kurja baqgħet issegwi bir-reqqa wkoll numru ta’ fatturi oħra fosthom testijiet mediċi u psikoloġiċi fuq Angelik Caruana, il-bniedem li miegħu qed tiżviluppa din l-istorja.
L-aħħar appuntament li Caruana sostna li għamel mal-Madonna hu dak ta’ nhar il-Ġimgħa li ġej. Angelik iddikjara li nhar il-Ġimgħa 23 ta’ Marzu fis-5.45 ta’ filgħaxija “is-Sinjura stednitni biex immur nitlob ir-rużarju fuq l-għolja ta’ Borg in-Nadur.” Mhux magħruf jekk ir-raġel indikax jekk il-‘Madonna’ hux mistennija tidhirlu anki f’dak il-jum partikolari.
jfarrugia@mediatoday.com.mt
‘Il-magħżulin’ tal-Madonna
F’sit ta’
l-internet li riċentament tnieda minn Angelik Caruana
(www.borgin-nadur.org) hemm miktub li f’waħda mid-dehriet li kellu mill-‘Madonna’ din indikatlu sitt persuni li għażlithom biex permezz tagħhom twettaq pjan.
Skond Angelik Caruana fost il-persuni magħżula hemm ċertu Andrè Vassallo Grant li hu Direttur fi ħdan il-Ministeru tas-Solidarjetà Soċjali. Inċidentalment, Angelik Caruana jaħdem fiċ-Ċentru għat-taħriġ ta’ l-Adulti f’Ħal Far li jaqa’ taħt il-kappa ta’ l-istess Ministeru u taħt id-direzzjoni ta’ l-istess Vassallo Grant.
Is-sitt persuni magħżula mill-‘Madonna’, dejjem skond Angelik Caruana, huma Angelik innifsu, martu Catherine, Fr Hayden (direttur spiritwali ta’ Angelik) Fr David, Andrè Vassallo Grant u Doreen, il-mara ta’ Vassallo Grant.
Dawn ta’ l-aħħar huma l-persuni li waqqfu grupp ta’ talb bl-isem MIR. L-esperjenzi ta’ Angelik inkluż tad-dehriet li jkollu, jintużaw fil-laqgħat ta’ dan il-grupp.
Skond Angelik Caruana, is-Sinjura talbet biex dawn is-sitt persuni jxandru wegħda partikolari li għamlet. Il-Madonna wegħdet li dawk il-persuni li fit-tieni jum tax-xahar, għal sitt xhur wara xulxin, jersaq għall-qrar, għat-tqarbin u jitlob l-erba’ rużarji bl-intenzjoni li jpatti għaż-żeblih li jsir lil qalbha u qalb binha, u bl-isem tagħhom, hi tassistih fil-ħin tal-mewt, teħilsu mit-tiġrib u l-infern.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt